Editorjal | Pajjiżna bil-għatx ... niexef qoxqox
Kemm iktar qniepen iridu jdoqqu biex insalvaw lil din l-art ħelwa billi nieħdu ħsieb u naħżnu l-ilma?
Din ix-xitwa kienet, jew għallinqas sa issa tidher li se tkun waħda xotta ħafna. L-Uffiċċju Metereoloġiku din il-ġimgħa żvela kif Jannar li għadda kien il-ħames l-aktar Jannar xott mill-1923, kważi 100 sena.
Filwaqt li ġranet sbieħ kulħadd jieħu gost bihom u x-xemx tiżreġ tagħtina l-enerġija, il-fatt li bilkemm niżlet qatra xita mill-bidu tas-sena lil hawn huwa inkwetanti ferm.
L-ewwel nett inkwetanti għall-bdiewa tagħna. Inkwetanti għax dan it-taqlib fl-istaġun tax-xitwa jilgħab mal-produzzjoni ta' diversi ħxejjex u frott matul is-sena. Ifisser li ma' dan it-tibdil fil-klima l-bdiewa jeħtieġ jagħmlu bidliet fil-mod kif joperaw, meta jiżirgħu u aktar.
Agħar minn hekk, pajjiżna u l-pajsaġġ sa issa ħadrani diġà niexef qoxqox minkejja li għadu tant u tant kmieni. B'din ir-rata pajjiżna daqt jibda jilbes il-libsa kannella tan-nixfa fil-bidu tar-rebbiegħa minflok fis-sajf.
Imma l-agħar huwa l-ilma. Iktar kemm jonqos l-ilma iktar tikber il-problema ta' pajjiż li tant hu nieqes minnu.
Pajjiż bil-għatx, bl-arja li fiha ammont ta' trab, bini għaddej, iktar pajsaġġ jittiekel biex nibnu aktar kaxxi fuq kaxxi u aktar art għammiela li titħalla għal riħha, Malta verament bdiet riesqa lejn il-bidu ta' proċess ta' deżertifikazzjoni.
Forsi tinstema' mġebbda u eseġerata imma mhix. U diġà ġejna mwissija. Fl-2016 meta konna diġà għaddejna minn xitwa bħal din, l-eks Assistent Direttur fid-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent fil-MEPA Alfred Baldacchino kien qal hekk mal-ILLUM: "Malta riesqa lejn diżastru ekoloġiku, u xitwa oħra xotta se jkollha riperkussjonijiet kbar fuq pajjiżna għax se tgħaġġel il-proċess li bih qed jispiċċa l-ilma, qed imutu s-siġar, l-agrikoltura qed tmut u l-għelieqi jitħallew żdingati. Resqin biex insiru deżert bla ilma.”
Imma mhux biss. L-eks Kap tal-Uffiċċju Metereoloġiku u r-Rappreżentant Permanenti tal-Gvern Malti fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Metereoloġija Charles Galdes kien qal mal-ILLUM li bidliet sinifikanti fil-klima lokali jistgħu jwasslu għal “deterjorament tal-ilma ħelu fuq l-art kif ukoll taffettwa l-kwantità tal-ilma tal-pjan (groundwater). Huwa qal illi xitwa niexfa oħra twassal biex il-provvista ta’ ilma f’pajjiżna u l-infrastruttura relatata jiffaċċjaw sfidi akbar “filwaqt li jkompli jittella’ ilma tal-pjan, mingħajr waqfien, speċjalment mis-settur agrikolu.”
Imma l-agħar huwa l-ilma. Iktar kemm jonqos l-ilma iktar tikber il-problea ta' pajjiż li tant hu nieqes minnu.
U mhux biss. Malta flimkien ma' Ċipru, il-Greċja, il-Portugall u Spanja- fil-Mediterran - iffirma il-Konvenzjoni Nazzjonali għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni bħala pajjiż affetwat minn din il-problema.
Ir-riċerkatur David Marinelli qal li l-ambjent Malti "jinsab fil-proċess ta' deżertifikazzjoni ... li normalment, qabel, kienu jieħu għexieren ta' eluf ta' snin. Mhux issa imma ..."
L-istess Alan Deidun, f'kummenti ma' The Times fl-2018, kien qal li r-riperkussjonijiet ta' nuqqas ta' xita huma kbar fuq il-flora u l-fawna ta' Malta.
Kemm iktar qniepen iridu jdoqqu biex insalvaw lil din l-art ħelwa billi nieħdu ħsieb u naħżnu l-ilma? Kemm se ndumu nħarsu n-naħa l-oħra waqt li nibdlu dan l-oażi f'deżert?
Hemm xi ħadd li jimpurtah ...?