Roberta Metsola | Is-serħan tal-moħħ ma jitkejjilx bil-GDP
Membru Parlamentari Ewropew u Kap tad-delegazzjoni tal-PN
Hu gwaj għall-poplu Malti u Għawdxi meta l-politiku jħares lejn in-nies bħala statistika u numri. Sitwazzjonijiet bħal dawn iwasslu biex il-kuxjenza titrattab u tintilef is-sensittività għall-bżonnijiet tan-nies. Il-Gvern Laburista qed jaqa’ f’dan l-iżball. Kontinwament.
Id-diskors politiku tal-Gvern Laburista sar mibni fuq il-kliem ‘suċċess ekonomiku’, ‘tkabbir ekonomiku’, ‘tkabbir fil-GDP’, ‘ċertifikati’ u kliem simili. Is-superlattiv sar il-vokabolarju ta’ dan il-Gvern. Is-slowgan ‘l-aqwa żmien’ hi espressjoni tal-forma mentis tal-Gvern, li jqis u jikkonsidra s-suplerlattiv bħala buzz word għall-ħtiġijiet tan-nies. Mill-house visits u l-laqgħat li jkolli man-nies inħoss, nirrealizza, nifhem aktar u napprezza li n-nies ma jgħixux bin-numri, ma jgħixux bil-kliem li jlellex li juża l-Gvern biex jaħbi r-realtajiet ekonomiċi u soċjali, ma jiklux bis-slowgans u l-kliem fieragħ.
X’sinifikat għandu t-tkabbir tal-GDP għal dawk il-familji li fl-aħħar sena li ġġarrfitilhom id-dar u għall-familja li qatlulhom lil ommhom jew marthom f’darha? Is-serħan tal-moħħ għandu valur, imma ma jitkejjilx fil-GDP, u allura għall-Gvern is-serħan tal-moħħ hu sekondarju.
Is-serħan tal-moħħ hu indispensabbli biex kull persuna – hi min hi, tagħmel x’tagħmel – tgħix kwalità ta’ ħajja tajba. Il-kwalità tal-ħajja, kif ngħixu, ma ssib postha fl-ebda rating finanzjarji u allura anki hawn naraw impenn negliġibbli mill-Gvern.
Individwi, familji li mhux jgħixu b’moħħhom mistrieħ jew mhux jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba qed jispiċċaw minn taħt, imħassba, taħt stess, li l-ebda statistika ma tkejlu. Imma dan ma jnaqqas xejn mill-gravità tas-sitwazzjoni. Familji spiċċaw litteralment ta’ fuqhom senduqhom. B’xejn aktar.
Ħsara għall-saħħitna
Il-Gvern qed jirrikorri wkoll għal statistika oħra biex jgħidilna kemm qed iwessa toroq. Dik hi naħa waħda biss tal-munita. Kemm qed jeqred siġar fil-proċess? Bil-karozzi fit-toroq kemm qed jiżdiedu d-dħaħen? Dan x’impatt qed ikollu fuq is-saħħa tal-poplu, partikolarment tat-tfal fosthom bl-ażma? It-traffiku b’kemm qed jiżdied? X’impatt qed ikollhom il-konġestjonijiet tat-traffiku? Pajjiżna qed jitlef aktar milli jirbaħ għaliex ħdejn is-saħħa tan-nies ma joqgħod xejn. L-ebda żieda fil-kilometri ta’ toroq f’pajjiżna ma tpatti għaż-żieda fil-mard u kundizzjonijiet ġejjin mit-tniġġis tal-arja.
Fejn tidħol is-saħħa, il-poplu qed jispiċċa jaqlagħha minn żewġ naħat: fuq naħa n-nuqqas ta’ ħarsien tal-ambjent iżid il-mard u fuq in-naħa l-oħra l-ftehim kontra l-interess nazzjonali għall-bejgħ tal-isptarijiet li għamel il-Gvern Laburista. B’dan il-ftehim il-Gvern Laburista daħħal lil pajjiżna fi xkora. Morna minn taħt. Litteralment il-poplu Malti u Għawdxi ħareġ il-flus u ma ħadna xejn lura bil-bejgħ tal-isptarijiet.
Hu kollu għalxejn li l-Gvern jgħid lin-nies li l-GDP sejjer tajjeb jekk persuna qed ibati minn kundizzjoni ta’ saħħa minħabba tniġġiż fl-arja jew inkella għaliex ma ssibx is-servizz li għandha bżonn fl-isptarijiet.
Serq fid-dawl tax-xemx
L-aġġettivi u s-superlattiv li juża l-Gvern ma jsolvu xejn mill-isfidi u l-problemi li jiffaċċja pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista dejjem qal li waħda mill-isfidi li għandu pajjiżna hi l-ġenerazzjoni tal-iskart. Gvernijiet Nazzjonalisti ġabu fondi Ewropej biex saru impjanti u faċilitajiet għat-trattament tal-iskart, inkluż għar-riċiklaġġ u kampanji ta’ edukazzjoni. Ix-xogħol li sar minn Gvernijiet Nazzjonalisti, illum kważi sfuma fix-xejn. Apposta. B’kapriċċ. Il-programm ta’ investiment fil-faċilitajiet għat-trattament tal-iskart ġie fix-xejn. Il-Gvern irrisponda għall-problemi li ħoloq hu stess billi qal li s-soluzzjoni tiegħu hi li jieħu l-għelieqi mingħand il-bdiewa tal-Magħtab. Dan hu serq fid-dawl tax-xemx. Hu serq daqs is-serq li sar bl-isptarijiet ta’ pajjiżna. Iżda l-Gvern ma jistħix jisraq il-bdiewa u lill-konsumaturi li kienu jiddependu mill-produzzjoni ta’ dawk il-bdiewa, għaliex dan is-serq mhux se jiġi rreġistrat bi tnaqqis fil-GDP!
L-identità tagħna ma titkejjilx bin-numri
L-identità tagħna ma titkejjilx bin-numri u l-istatisitka. L-identità tagħna lanqas hi biss il-bandiera jew il-lingwa tagħna. L-identità tagħna hi dak li jidentifkana – dak li jagħmilna Maltin. Poplu kburi b’pajjiżu, bil-kwalità tal-ħajja li ngħixu, bis-serħan tal-moħħ li għandna ngawdu, bil-protezzjoni li għandna nsibu, bil-qafas soċjali li għandu jipproteġina, l-aktar lil min għandu bżonn…. L-identità tagħna għandna nsostnuha b’kull deċiżjoni. L-identità mhix magħmula min-numri tal-GDP imma hi l-għeruq ta’ dak li aħna. U l-Gvern qed jiżbalja bil-goff meta jibqa’ jħares lejn in-nies bħala numri u statistika, flok nies tad-demm u l-laħam bi bżonnijiet partikolari li għandhom jgħixu kwalità tal-ħajja tajba b’serħan tal-moħħ.