Carmel Cacopardo | Coronavirus: tħassib u prekawzjoni
Carmel Cacopardo huwa ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika
L-istqarrija ta’ Angela Merkel, Kanċellier tal-Ġermanja, tgħid li hu possibbli li bejn 60% u 70% tal-popolazzjoni Ġermaniża tkun f’xi ħin infettata bil-Coronavirus ixxukkjat bosta iktar kmieni din il-ġimgħa.
Kieku dan kellu jseħħ ikun ifisser li fil-Ġermanja biss ikun hemm 38 miljun persuna infettata u min jaf kemm-il mewt.
Dan hu x’jista’ jsir jekk is-servizzi tas-saħħa ma jaħdmux sewwa inkella jekk ma jsibux il-koperazzjoni meħtieġa.
Huwa għal din ir-raġuni li min qed jippjana l-mod kif nilqgħu għal din il-pandemija qed jagħti pariri lill-Gvern Malti, li, qed jimxi fuqhom, illi lill-Coronavirus tista’ tiġġilidlu b’mod effettiv billi tieħu miżuri li jnaqqsu l-imxija tiegħu.
B’riżultat ta’ hekk ikun evitat li jkun hemm numru kbir ta’ persuni infettati f’waqt wieħed, l-impatti tiegħu jonqsu u b’hekk ikun possibbli għas-servizz tas-saħħa li jlaħħaq jieħu ħsieb lil dawk infettati sakemm jieħdu saħħithom lura. Hemm il-periklu li jekk dan l-oġġettiv ma jintlaħaqx is-servizz nazzjonali tas-saħħa jikkrolla bħala riżultat ta’ numru mhux żgħir ta’ persuni infettati f’waqt wieħed. Il-konsegwenza ta’ dan ikun numru mhux żgħir ta’ mwiet.
Għalhekk hu meħtieg li nimxu mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa f’kull ħin.
Biex il-ġlieda kontra l-Coronavirus tirnexxi kulħadd għandu rwol biex tkun ostakolata l-imxija tagħha.
F’xi waqtiet l-inkonvenjent jista’ jkun kbir imma hu meħtieġ li kulħadd jagħti sehmu.
Fl-assenza ta’ kura, li titnaqqas il-mixja tal-Coronavirus għandu jwassal biex in-numru ta’ dawk infettati ma jikbirx b’rata mgħaġġla. Imma rridu nagħtu sehemna lkoll. Jekk din il-ħidma tirnexxi nsalvaw il-ħajjiet. Jirnexxilna wkoll innaqqsu t-tbatija tal-vulnerabbli billi nipproteġuhom u bħala konsegwenza ta’ dan ikunu esposti għal inqas riskji.
Is-sospensjoni tal-vjaġġi bl-ajru u bil-baħar lejn l-Italja, Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Isvizzera flimkien mal-kwarantina obbligatorja għal dawk kollha li jirritornaw Malta minn żoni effettwati għandhom l-iskop li ma jħallux il-virus jinfirex.
Biex il-miżuri li ttieħdu jirnexxu hemm bżonn doża mhux żgħira ta’ sens ta’ responsabbiltà.
L-anzjani u l-morda, b’mod partikolari dawk li jbatu minn ażma kronika - madwar 30,000 f’Malta – jeħtieġu solidarjetà effettiva li tista’ timmaterjalizza biss permezz ta’ mġiba responsabbli ta’ kull wieħed u waħda minna
Huwa għalhekk li hu inkwetanti li, pereżempju, sirna nafu minn kummenti elettroniċi ta’ tabib li xi pazjenti jippruvaw ma jagħtux informazzjoni sħiħa u/jew korretta meta jkunu qed iwieġbu dwar liema pajjiżi kienu żaru u bħala konsegwenza ta’ dan ma tkunx ċara l-informazzjoni dwar ir-riskji li kienu esposti għalihom. Uħud jagħmlu hekk biex jippruvaw jevitaw li joqogħdu kwarantina obbligatorja.
Sal-ħin li qed nikteb hemm disa’ każi ta’ infezzjoni li ġew identifikati.
Hu inkwetanti li kien rappurtat li tnejn mill-persuni identifikati bħala infettati ma qagħdux għal kwarantina volontarja, iżda laħqu marru għax-xogħol sakemm inġibdet l-attenzjoni tagħhom dwar il-ħtieġa li tittieħed azzjoni!
Il-kwarantina hi għodda essenzjali li l-awtoritajiet tas-saħħa jagħmlu użu minnha biex ikun possibbli li jnaqqsu l-imxija tal-virus u allura biex isalvaw il-ħajjiet u jnaqqsu t-tbatija ta’ kulħadd, primarjament tal-vulnerabbli fostna.
L-anzjani u l-morda, b’mod partikolari dawk li jbatu minn ażma kronika - madwar 30,000 f’Malta – jeħtieġu solidarjetà effettiva li tista’ timmaterjalizza biss permezz ta’ mġiba responsabbli ta’ kull wieħed u waħda minna.
Meta naġixxu b’mod responsabbli billi nsegwu l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa, inkunu qed nagħtu kontribut biex ikunu salvati l-ħajjiet.
Kull darba li jkun hemm min jevadi l-kwarantina, meta din tkun meħtieġa, tkun qed tingħata daqqa favur il-mixja tal-virus li tista’ twassal għall-mewt ta’ wħud mill-iktar vulnerabbli fostna.
Jekk nimxu fuq il-passi li jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa jista’ jkun possibbli li nevitaw passi iktar restrittivi iktar ’il quddiem.