Carmel Cacopardo | L-impatti tal-Coronavirus: inħarsu l-impiegi kollha
Il-ħaddiem iż-żgħir l-ewwel li jlaqqatha f’kull kriżi. Hu l-impatt fuqhom li għandu jservi ta’ kejl biex inkunu nistgħu niffurmaw opinjoni dwar kemm dan il-pakkett finanzjarju, kif ukoll dawk li għad jistgħu jiġu, huma effettivi
Il-Gvern ħabbar pakkett finanzjarju ta’ €1.8 biljun biex jilqa’ għall-impatti tal-Coronvirus.
Kif ser ikun effettwat il-ħaddiem b’kuntratt bla rabta ta’ numru ta’ sigħat li jaħdem (zero-hours contract), jew dawk f’impjieg temporanju, dawk tas-sengħa li jaħdmu għal rashom, inkella n-negozjanti ż-żgħar? Il-pakkett finanzjarju mħabbar, ftit li xejn jaħseb fihom. Allura, minkejja l-merti tiegħu, il-pakkett finanzjarju tal-Gvern mhux tajjeb biżżejjed.
Il-ħaddiem iż-żgħir l-ewwel li jlaqqatha f’kull kriżi. Hu l-impatt fuqhom li għandu jservi ta’ kejl biex inkunu nistgħu niffurmaw opinjoni dwar kemm dan il-pakkett finanzjarju, kif ukoll dawk li għad jistgħu jiġu, huma effettivi.
Ilkoll nieħdu pjaċir b’inizjattivi biex jassiguraw li l-ekonomija u min iħaddimha jiġi fuq saqajh, mhux biss meta tiġi fi tmiemha din il-kriżi iżda wkoll fil-mixja li jeħtiġilna ngħaddu minnha biex nirkupraw. Imma kemm hu sew li noħorġu r-riżorsi tal-pajjiż biex tkun tista’ tirkupra ekonomija li mhix kapaċi tirrispetta l-iktar dgħajfa fostna?
Il-proposti tal-Gvern biex jilqa’ għall-impatti tal-Coronavirus ma jorbtux lill-operaturi ekonomiċi li jagħmlu użu mill-proposti differenti fil-pakkett milli jħarsu l-impiegi. Is-sensji diġà bdew. Il-ħaddiem iż-żgħir l-ewwel li jlaqqatha. Warajh ilaqqtuha oħrajn.
Il-pakkett tal-Gvern biex jilqa’ għall-effetti tal-Coronavirus jeħtieġ miżuri addizzjonali.
L-għajnuna li ser tingħata għandha tmur lil dawk li sofrew tnaqqis sostanzjali fid-dħul tagħhom meta kkomparat mas-sena li għaddiet. Il-pakkett tal-Gvern huwa ffukat biex jiffaċilita l-likwidità kif ukoll biex jgħin ħalli jkun iggarantit self bankarju. Filwaqt li dawn huma miżuri importanti, f’din il-kriżi hu essenzjali li l-għajnuna tkun iffukata fuq il-pagi tal-ħaddiema. L-għajnuna diretta lill-operaturi ekonomiċi għandha tkun marbuta mal-obbligu tagħhom li jipproteġu l-impjiegi. Jekk ma jkunx imħares ix-xogħol m’għandhiex tingħata għajnuna.
Aħna l-Ħodor f’Alternattiva Demokratika mħassba dwar il-ħaddiem iż-żgħir. Hu l-ewwel ma jlaqqatha f’din il-kriżi: huma l-ewwel vittmi tal-Coronavirus. L-għajnuna li dawn jeħtieġu hi fil-forma ta’ dħul minimu ggarantit tul ix-xhur li ġejjin, kemm iddum il-kriżi. Huma l-iktar vulnerabbli u ħadd mhu jitkellem dwarhom.
Il-kirjiet ta’ residenzi għandhom jiġġeddu awtomatikament sakemm tintemm il-kriżi. Għandu jkun hemm provediment għall-ħarsien minn xoljiment ta’ kuntratti ta’ kera tul il-kriżi. Hemm ħtieġa wkoll li tul il-kriżi l-Gvern jimpenja ruħu iktar biex jassigura illi l-iktar vulnerabbli jkollhom saqaf fuq rashom. Dan għandu jsir dejjem imma b’mod speċjali tul il-kriżi.
Aħna l-Ħodor tal-fehma li l-impatt ta’ din il-kriżi fuq l-impjiegi turi difetti strutturali fil-qasam soċjali fil-pajjiż. Malta mhux l-unika pajjiż li qed jiffaċċja din il-problema. Huwa importanti li bħal numru ta’ pajjiżi oħra, fosthom l-Isveżja, in-Norveġja, il-belt ta’ Utrecht fl-Olanda, anke f’Malta nidħlu fil-fond u neżaminaw kif jistgħu jaħdmu skemi ta’ dħul minimu garantit li jirreferu għalihom bħala Universal Basic Income u Guaranteed Minimum Income schemes. Ikun għaqli li neżaminaw sewwa dawn it-tip ta’ skemi, għax dawn jistgħu joffrulna tarka tajba meta nkunu ffaċċjati b’dawn il-kriżijiet.
Huwa l-waqt li kulħadd iżomm rasu f’lokha. Il-paroli vojt fil-Parlament tal-Ministru Silvio Schembri iktar kmieni din il-ġimgħa kien barra minn postu u għamel il-ħsara, minkejja li wara skuża ruħu. Qatt mhi idea tajba li thedded bit-tkeċċija lil dawk li b’ħidmiethom taw kontribut biex il-pajjiż kiber, anke bix-xogħol tagħhom. Meta din il-kriżi tgħaddi jerġgħu jkunu huma, inkella oħrajn bħalhom, li nsibu biex jagħmlu dak ix-xogħol li għalih la hemm Maltin, inkella l-Maltin ma jridux jagħmluh għal raġunijiet diversi. Anke issa stess il-Ministru jista’ jagħti titwila lejn is-servizz tas-saħħa u jara jekk hux possibbli li jopera mingħajrhom, flimkien dejjem mal-kollegi Maltin. Flimkien qed jagħtu servizz impekkabbli lill-pajjiż.
Ilkoll niftakru kif madwar sena ilu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien assoċja l-involviment tal-barranin fid-dinja tax-xogħol f’Malta mal-ġbir taż-żibel. Anke hu, dakinhar kien għamel apoloġija. Imma sfortunatament il-preġudizzji tiegħu ħallihom warajh fil-Kabinett ta’ Robert Abela.