Carmel Cacopardo | Is-solidarjetà mhiex qegħda fuq kwarantina
Waqt li setturi differenti tal-ħidma tal-pajjiż qed jieqfu jew jiġu mwaqqfa bħala miżura ta’ prewkazzjioni hu tajjeb li nassiguraw li s-solidarjetà ma tiġix imqegħda fi kwarantina.
Il-kriżi tal-Covid19 tatna affarijiet ġodda biex ninkwetaw dwarhom. Il-problemi l-qodma għadhom magħna, imma issa tilfu l-importanza u l-urġenza tagħhom fid-dawl tal-kriżi kurrenti. Saħħitna, kemm individwalment kif ukoll b’mod kollettiv hi taħt theddida. L-ekonomija wieqfa u xi setturi ambjentali bdew jirpiljaw bil-mod.
Waqt li setturi differenti tal-ħidma tal-pajjiż qed jieqfu jew jiġu mwaqqfa bħala miżura ta’ prewkazzjioni hu tajjeb li nassiguraw li s-solidarjetà ma tiġix imqegħda fi kwarantina.
Is-solidarjetà bejnietna hi essenzjali mhux biss biex inwieżnu lil xulxin illum, waqt il-kriżi, imma ukoll fit-trieqitna biex il-pajjiż jirkupra u jerġa’ jibda jaħdem mill-ġdid. Irridu nifhmu li kulħadd hu importanti: dan jgħodd għal kull persuna mingħajr l-ebda eċċezzjoni. Ħadd ma għandu jkun injorat inkella jitħalla jaqa’ lura. Meta l-kriżi toqrob lejn tmiemha b’dan il-mod inkunu iktar b’saħħitna u fil-mixja tagħna nkunu għarafna napprezzaw aktar u aħjar lil xuxlin.
L-awtorijiajiet tas-saħħa f’Malta aġixxew b’kawtela raġjonevoli meta bdew jippjanaw minn kmieni għall-imxija tal-Covid19. It-tnaqqis gradwali ta’ attività mhux essenzjali, kienet, b’mod ġenerali, ippjanata tajjeb, b’eċċezzjoni waħda. Il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ukoll hu waħda mill-attivitajiet mhux essenzjali li ma kienx hemm ħtieġa li jiftaħ. Il-kumitat Ornis kien irresponsabbli li ta parir biex l-istaġun jinfetaħ. Il-Gvern qatt ma messu aċċetta li dan jiftaħ.
Il-komunità tal-kaċċa tilfet opportunità li tippreżenta ruħha f’dawl differenti. Sfortunatament, għal darba oħra ikkonfermat li mhiex kapaċi taġixxi b’mod responsabbli.
Inkunu b’saħħitna jekk ilkoll kemm aħna naġixxu b’mod responsabbli. Għandna nsegwu l-parir li ngħatajna biex preferibilment nibqgħu ġewwa. Mhux il-waqt la għal picnic, la għall-camping u wisq inqas għal mixjiet fil-kampanja inkella għall-kaċċa.
Il-komunità tal-kaċċa tilfet opportunità li tippreżenta ruħha f’dawl differenti. Sfortunatament, għal darba oħra ikkonfermat li mhiex kapaċi taġixxi b’mod responsabbli Carmel Cacopardo
Hu ukoll opportun li nirrealizzaw li r-razziżmu jagħmel ħsara iktar mill-Covid19.
Matul il-ġimgħa ċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal-Far tqiegħed taħt kwarantina u dan wara li madwar tmien residenti tiegħu kienu identifikati bħala posittivi għall-Covid19. Kienet opportunità oħra li r-razzisti fostna ippruvaw jisfruttaw biex ikesksu. Ftit huma konxji li l-komunità ta’ Ħal-Far hi fost dawk li huma mill-iktar vulnerabbli b’mod partikolari minħabba l-ispazju ffullat li tqegħdu fih. Kif spjegajt fil-blog tiegħi nhar it-Tlieta, tkun deċiżjoni għaqlija kieku din il-komunità ta’ Ħal-Far, waqt li għaddejja l-kriżi kurrenti, tkun tista’ tagħmel użu mill-lukandi li presentement huma vojta u li m’humiex jintużaw. Dan mhux biss ikun fl-interess tagħhom u ta’ saħħithom. Huwa ukoll fl-interess tagħna lkoll li jittieħdu l-passi kollha neċessarji biex tkun ikkontrollata iktar l-imxija tal-Covid19. Il-Gvern għandu l-awtorità kollha biex jieħu deċiżjoni ta’ din ix-xorta għax il-liġi tipprovdi għaliha. Iktar ma issir malajr iktar aħjar għax b’hekk ikun indirizzat wieħed mir-riskji l-kbar li jista’ jwassal għat-tixrid aċċellerat tal-Covid19.
Fuq livell ta’ Unjoni Ewropea id-dibattiutu dwar il-ħidma li trid issir wara li tintemm il-kriżi Covid19 għaddejja.
Hu fatt li b’mod ġenerali l-Unjioni Ewropeja ma kienitx imħejjija għall-wasla taI-Covid19 u l-emerġenza li rriżultat. Bħala riżultat ta’ dan, fl-ewwel ġimgħat la l-Italja u l-anqas Spanja ma sabu l-appoġġ li tant kienu jeħtieġu. Dan wassal biex is-servizzi tas-saħħa f’dawn il-pajjiżi ma setgħux ilaħħqu biex jindirizzaw l-impatti tal-mixja tal-virus u kienu f’xifer il-kollass.
It-telf ta’ kull ħajja hi dejjem okkazjoni ta’ dieqa kbira. Imma meta din tkun frott ta’ nuqqas ta’ preparazzjoni adegwata tkun ukoll riżultat ta’ inkompetenza.
Id-dibattitu illum huwa ukoll dwar liema hi l-aħjar triq il-quddiem. Pajjiżi min-nofsinnhar tal-Ewropa, ewlenin fosthom l-Italja u Spanja, b’appoġġ tal-Ħodor u s-soċjal demokratiċi fil-grupp S & D, qed jargumentaw favur il-ħruġ ta’ coronabonds mill-Unjoni Ewropeja. Bonds li hu propost li jimmaturaw fit-tul u dan kemm biex jitnaqqsu l-ispejjes biex dawn ikunu amministrati kif ukoll biex ikun assiguratli l-piż jintrefa minn kulħadd. Qed nikteb l-Erbgħa fil-ghaxija meta jidher li għad ma hemm l-ebda konklużjoni dwar dan kollu. Hi triq, iżda, li għandha twassal għal solidarjetà u mhux għal karità.
Is-solidarjetà mhiex taħt kwarantina. Hi t-triq il-quddiem kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa. Wara kollox hi parti integrali mid-DNA tagħna