Alex Agius Saliba | Is-solidarjeta’ Ewropea ma teżistix

 .. pruvaw idaħħlu emenda li kienet immirata biex titfa’ pressjoni fuq Malta u pajjiżi oħra tal-fruntiera biex niftħu l-portijiet u l-fruntieri tagħna biex indaħħlu lill-immigranti biss. Jien kburi ngħid li din l-emenda vvutajt kontriha

Il-proġett Ewropew ġab miegħu diversi suċċessi u matul is-snin intlaħqu diversi kisbiet storiċi li mexxew lill-Unjoni Ewropea ‘l quddiem, pero’ żgur li dan mhux il-każ fejn jidħol il-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil. Sfortunatament dan jibqa’ wieħed mill-fallimenti maġġuri tal-Unjoni u jekk wieħed iħares lura, kull ma jara huwa snin twal ta’ kliem fieragħ u negozjati li ma wasluna mkien. Kliem bla azzjoni u solidarjeta’ mlaqqta u tal-konvenjenza li tapplika biss meta togħġob lil xi wħud.

F’dawn l-aħħar jiem erġajna sibna ruħna fil-limbu maqbudin fil-fruntiera tal-Unjoni Ewropea, b’numru ta’ dgħajjes li telqu mill-Afrika ta’ fuq u sabu rwieħhom maqbuda fil-Mediterran. Sfortunatament, fis-sitwazzjoni preżenti fejn qed niġġieldu gwerra ma’ għadu inviżibbli u saħansitra kellna nagħlqu l-fruntieri tagħna, żgur li pajjiżna mhux qiegħed f’pożizzjoni li jdaħħal bastimenti mimija bl-immigranti meta u kif jidhrilhom ċertu għaqdiet mhux governattivi speċjalment meta wieħed anke jaf li dawn injoraw struzzjonijiet speċifiċi mill-Ġermanja biex ma joħolqux kumplikazzjonijiet minħabba li l-portijiet kollha fil-Mediterran jinsabu magħluqin.

Biex inkunu ċari, ix-xogħol li jagħmlu ħafna mill-għaqdiet, kemm dawk lokali u kif ukoll dawk barranin, huwa imprezzabbli u xejn m’għandu jnaqqas mill-mertu tal-ħidma umanitarja li jagħmlu. Pero’ min-naħa l-oħra żgur li ma nistgħux inbaxxu rasna għal dan l-abbuż fuq pajjiżna li sempliċiment minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħna u għaliex għandna rwol estensiv fil-koordinazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ, qegħdin niġu mistennija li ndaħħlu u nakkomodaw lill-immigranti kollha li jaqsmu lejn l-Ewropa. L-irwol u l-obbligi internazzjonali tagħna bħala Stat dejjem onorajnihom pero’ żgur li ma nistgħux nagħtu minn dak li m’għandniex.

fis-sitwazzjoni preżenti fejn qed niġġieldu gwerra ma’ għadu inviżibbli u saħansitra kellna nagħlqu l-fruntieri tagħna, żgur li pajjiżna mhux qiegħed f’pożizzjoni li jdaħħal bastimenti mimija bl-immigranti Alex Agius Saliba

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia din il-ġimgħa ried jipprova jagħti l-impressjoni li solva l-problema għax ċempel lill-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-migrazzjoni u qal li qablet miegħu li Malta għandha bżonn l-għajnuna f’dan il-qasam. Imma x’kien ir-riżultat ta’ dan il-qbil li qal li kellu? Il-Kummissjoni Ewropea qaltilna li din hija kwistjoni li għandha tiġi solvuta bejn Malta u l-Italja, u li pajjiżna għandu jservi ta’ ċentru ta’ salvataġġ għal dawn l-immigranti kollha li ser jaqsmu mil-Libja u d-deċiżjoni ta’ x’ser jiġri minnhom tittieħed wara. Ma qalilna xejn ġdid u fejn konna bqajna. Dan il-kuntest il-Gvern Malti ilu jaħdem fih u saru sforzi kbar biex tinstab soluzzjoni dejjiema u reżiljenti għall-pressjonijiet kbar li għandna u ser jibqa’ jkollna. Sfortunatament ir-rieda politika fuq livell Ewropew ma teżistix. Kull pajjiż qed jiġbed lejn xawwatu u qed jiġi jaqa’ u jqum mill-valur tas-solidarjeta’ li suppost inħaddmu dejjem u kullimkien. Din mhux ġustizzja u żgur mhux l-Unjoni Ewropea li rridu naraw.

Nifhem li kull Stat għaddej minn żmien ħażin minħabba l-imxija tal-COVID-19, iżda anke pajjiżna għaddej minn din l-istess sitwazzjoni, u din żgur li ma kinitx ir-raġuni li għal darb’oħra f’dawn l-aħħar jiem il-kumplament tal-Unjoni Ewropea ġiet taqa’ u tqum minn dak li għaddej fl-ibħra tal-Mediterran. Il-Gvern Malti ilu snin iħambaq fuq din ir-realta’ u jippersisti fuq il-bżonn li fuq livell Ewropew ikollna bażi soda ta’ solidarjeta’ bejn l-Istati Membri għaliex nafu fiċ-ċert li din il-problema ser tibqa’ tippersisti, biss biss huwa stmat li hemm madwar miljun persuna lesta biex taqsam lejn l-Ewropa. Għalhekk l-isforzi tal-Gvern Malti dejjem kienu mmirati lejn il-ħtieġa li jiġi kreat mekkaniżmu awtomatiku li jassigura li kull Stat Membru jaqsam dan il-piż mal-pajjiżi tal-fruntiera u f’każijiet ta’ salvataġġ, l-immigranti jiġu relokati b’mod immedjat mingħajr ma’ noqgħodu nistennew li ssir sessjoni ta’ tombla u qisu kulħadd qed jagħmel xi att ta’ karita’ magħna. Pero’ s’issa qatt ma wasalna mkien għaliex is-solidarjeta’ fl-Unjoni Ewropea għandha l-kundizzjonijiet u l-Istati Membri konvenjentament qed jibqgħu joġġezzjonaw u jipposponu kull idea li tista’ tqarribna lejn bilanċ u qsim tar-responsabbilta’.

Din il-ġimgħa wkoll fil-Parlament Ewropew kellna quddiemna mozzjoni rigward ir-rispons kollettiv tal-Unjoni għas-sitwazzjoni tal-COVID-19, fejn xi Membri Parlamentari pruvaw idaħħlu emenda li kienet immirata biex titfa’ pressjoni fuq Malta u pajjiżi oħra tal-fruntiera biex niftħu l-portijiet u l-fruntieri tagħna biex indaħħlu lill-immigranti biss. Jien kburi ngħid li din l-emenda vvutajt kontriha u fortunatament fl-aħħar mill-aħħar il-maġġoranza tal-Plenarja m’appoġġjathiex. Żgur li mhux ġust la fil-konfront tal-Gvern u l-Awtoritajiet li qed jagħmlu ħidma kbira biex jipproteġuna, u wisq anqas lejn il-poplu Malti u Għawdxi li qiegħed jagħmel sagrifiċċji kbar sabiex pajjiżna joħroġ minn din is-siegħa ħażina. Sadanittant, ix-xogħol ikompli u t-taqtiegħa mal-Unjoni Ewropea trid tissaħħaħ. Bla dubju ta’ xejn jien ser inkun qed inkompli nagħti l-appoġġ sħiħ tiegħi lill-Gvern Malti għaliex nemmen li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu huma fl-aħjar interess tal-poplu Malti u dawk residenti fil-gżejjer tagħna.

More in Politika