Carmel Cacopardo | Is-Solidarjetà mhiex għażla, iżda obbligu

Evarist Bartolo qed jipprova jagħti l-impressjoni falza li l-għeluq tal-portijiet Maltin għall-NGOs biex ikunu jistgħu jisbarkaw l-immigranti meħlusa mill-għarqa fl-ibħra ta’ madwarna li qed jiżviluppaw f’ċimiterju hi aċċettabbli

Iktar kmieni din il-ġimgħa, Evarist Bartolo, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, b’wiċċ ta’ qdusija artifiċjali,  iddikjara fuq it-televiżjoni li kien iddiskuta fit-tul il-kriżi tal-immigrazzjoni li qed tiżviluppa fl-ibħra Maltin mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Vatikan u ma uffiċjali mlaħħqin tal-aġenzija tal-Ġnus Magħquda dwar ir-Refuġjati (UNHCR). Ilkoll kienu tal-fehma, qal, li Malta ghandha raġun. 

Evarist Bartolo qed jipprova jagħti l-impressjoni falza li l-għeluq tal-portijiet Maltin għall-NGOs biex ikunu jistgħu jisbarkaw l-immigranti meħlusa mill-għarqa fl-ibħra ta’ madwarna li qed jiżviluppaw f’ċimiterju hi aċċettabbli u jew raġjonevoli għall-komunità  internazzjonali.  Il-verità hi ferm differenti minn hekk.

Il-Ħodor, kemm f’Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewropea, repetutament emfasizzaw li Malta ma tistax titħalla terfa’ waħedha dawn l-obbligi ta’ salvataġġ.  Dan ġie emfasizzat din il-ġimgħa stess fi stqarrija konġunta bejn il-Partit tal-Ħodor Ewropej (EGP) u  Alternattiva Demokratika. Is-solidarjetà fjakka jew ineżistenti ma tħassarx l-obbligi ta’ Malta fiż-żona ta’ salvataġġ li hi responsabbli għaliha fil-Mediterran ċentrali. 
Hi tabilħaqq sfortuna li tul is-snin, Malta, repetutament ippruvat taħrab mir-responsabbiltajiet tagħha. Ilkoll niftakru meta l-PN fil-Gvern wasal fi ftehim mal-Gvern immexxi minn Silvio Berlusconi fl-Italja biex il-qawwiet tal-baħar Taljani jimbuttaw lura d-dgħajjes mgħobbija bl-immigranti li jkunu telqu mill-kosta Libjana.

Iktar qrib fiż-żmien il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat wasal f’xi forma ta’ ftehim sigriet imma mhux miktub (safejn hu magħruf) li permezz tiegħu il-Gvern Taljan immexxi minn Matteo Renzi b’mod li ma waslux iktar immigranti f’Malta għal perjodu twil.
Imbagħad hemm il-każ ta’ Neville Gafà, il-mibgħut speċjali tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-laqgħat li hu kellu ma’ Haithem Tajouri mexxej tal-brigati rivoluzzjonarji ta’ Tripli.   Tajouri, mid-dehra viċin ħafna tal-Gvern ta’ Joseph Muscat jissemma f’rapport ta’ 'l fuq minn 200 paġna tal-Ġnus Magħquda liema rapport hu dwar ksur ta’diversi drittijiet tal-bniedem. Skond l-istess rapport Tajouri hu responsabbli ukoll għal ċentru privat ta’ detenzjoni fejn jinżammu ħafna nies.

Fl-istampa lokali kien ġie rappurtat ukoll li kien hemm laqgħat fil-Libja bejn Neville Gafà, l-mibgħut speċjali tal-Prim Ministru, Joseph Muscat, u uffiċjali għoljin tal-Gvern Libjan. F’dawn il-laqgħat, li għalihom attenda Kurunell mill-Forzi Armati ta’ Malta ġew diskussi l-mezzi li kellhom jintużaw biex iwaqqfu l-immigrazzjoni. L-ismijiet u r-ritratti ta’ dawk presenti kienu ġew ippubblikati.

Dan m’għadux effettiv għax illum jidher li nbidlet l-istrateġija u jeħtieġilna li  niffaċċjaw allegazzjonijiet serji fil-konfront tal-Forzi Armati ta’ Malta dwar sabutaġġ tal-opri tal-baħar użati minn dawk li qed ifittxu l-ażil. Qed ikun allegat li s-suldati/baħrin tal-patrol boat P52 qatgħu l-cable tal-mutur li bih kienet għaddejja l-opra tal-baħar b’mod li ħallihom bejn sema’ u ilma fiż-żona ta’ tiftix li hi responsabbiltà ta’ Malta.  Prosit lill-NGO Repubblika li qed tinsisti li issir investigazzjoni kriminali dwar dan l-inċident biex jiġi stabilit eżattament x’ġara u min huwa responsabbli għalih.  Kont nistenna li kellu jkun il-Kmandant tal-Forzi Armati minn rajh li jagħti bidu għall-investigazzjoni hekk kif saru dawk li s’issa għadhom allegazzjonijiet. Ma kellux joqgħod jistenna li jkun ħaddieħor li jinsisti  li dan isir.

Il-proposta riċenti tal-Ministru Bartolo biex l-Unjoni Ewropeja tgħin lil-Libja b’mod li ittaffilha l-piz umanitarju li qed iġġorr bħalissa kif ukoll biex ikun iffaċilitat li l-komunità internazzjonali tkun tista’ tipprovdi  l-għajnuna tant meħtieġa kemm lir-refuġjati kif ukoll lil-Libjani infushom hi pass il-quddiem. Imma tajjeb li jkun ċar illi minkejja d-diffikultajiet kollha fil-Libja nnifisha dan diġa qed isir. 
Fil-fatt mill-2014 sal-lum l-Unjoni Ewropeja diġa ħarget għajnuna umanitarja ta’madwar €50 miljun indirizzata lejn il-Libja.

Sfortunatament la hemm rieda u l-anqas aptit għal soluzzjoni Ewropea fost il-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropeja u dan minkejja li erbgħa fost l-ikbar pajjiżi tal-unjoni  (il-Ġermanja, Franza, Spanja u l-Italja), xi ġranet ilu ħadu inizjattiva biex il-migrazzjoni tirritorna fuq l-agenda.
Naħseb li lkoll napprezzaw li s-sitwazzjoni hi waħda diffiċli. Imma anke f’dawn iċ-ċirkustanzi kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu.

Il-Gvern Malti għandu jibdel ir-rotta u flok ma jibqa’ kontinwament ifittex li jipprova jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu ifittex li jaħdem id f’id mal-NGOs li qed isalvaw il-ħajjiet b’mod li qed jagħmlu ħidma li messha qed issir mill-Gvernijiet.    Li jkun hemm min jipprova jimita lil mexxej lemini Matteo Salvini biex ikunu kkriminalizzati l-NGOs iservi biss biex tkompli tixtered il-mibgħeda imżejna b’lingwaġġ taparsi patrijottiku.

Hemm il-ħtieġa li l-Gvern Malti jifhem li s-solidarjetà mhiex għażla, imma dmir.
 

More in Politika