Carmel Cacopardo | Is-solidarjetà: bejn il-kliem u l-fatti
Malta, repetutament, tħalliet terfa’ l-piż waħedha. Fl-Unjoni Ewropeja, s’issa għad m’hemmx qbil li din hi problema tal-Unjoni kollha u li teħtieġ soluzzjoni li tinvolvi lill-membri kollha
Fid-diskors politiku li jingħad f’Malta, xi minn daqqiet, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea titkejjel fuq il-flus li l-Unjoni toħroġ biex tkun żviluppata l-infrastruttura lokali, kemm dik fiżika kif ukoll dik soċjali. Il-fondi ta’ koeżjoni kif ukoll dawk dwar l-iżvilupp reġjonali minn xi waqtiet jidhru bħala li huma l-unika manifestazzjoni tal-politika Maltija konnessa mal-Unjoni Ewropeja.
Is-solidarjetà tifforma parti mill-pedamenti essenzjali tal-Unjoni Ewropeja u hemm referenza għaliha fit-trattati Ewropej: imma sfortunatament mhiex riflessa biżżejjed fl-imġieba kemm tal-istati membri kif ukoll taċ-ċittadini Ewropej. Is-solidarjetà tfisser li qegħdin hemm biex ngħinu lil xulxin meta jkun hemm bżonn. Is-solidarjetà tmur lil hinn minn impenn finanzjarju tal-pajjiżi b’saħħithom tal-Unjoni li jerfgħu iktar minn ħaddieħor il-piż finanzjarju. Imma, sfortunatament, bosta drabi, il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja jsibu diffikultà mhux żgħira biex jgħaddu mill-kliem għall-fatti..
Is-solidarjetà mhux biss nirċievuha, imma għandna nagħtuha ukoll: nistennewha fil-konfront tagħna imma ma nagħtux kaz biżżejjed li barra d-drittijiet għandna ukoll obbligi lejn dawk li huma magħna u madwarna. Is-solidarjetà magħna nistennewha imma dik dovuta lil ħaddieħor xi drabi infittxu elf skuża biex niżolqu mill-obbligi tagħna lejhom.
Il-kriminalizzazzjoni tal-għaqdiet volontarji li qed isalvaw il-ħajjiet tan-nies (flok l-istati li abdikaw mir-responsabbiltajiet tagħhom) flimkien mal-għeluq tal-portijiet anke għall-missjonijiet umanitarji hi ċaħda sfaċċata tal-prinċipji bażiċi ta’ solidarjetà li nistqarru bil-kliem. M’għandniex nitfgħu fuq spallejn l-għaqdiet volontarji n-nuqqas tal-istat Libjan li jikkontrolla lil dawk li qed jisfruttaw b’mod kriminali lir-refuġjati maħruba mill-għaks u mit-terrur.
Il-kriżi tal-Covid-19 identifikat għal darba oħra li fl-Unjoni Ewropeja, fl-iktar mument ta’ ħtieġa hawn deficit ta’ solidarjetà. Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropeja iktar kmieni din il-ġimgħa għamlet apoloġija lill-Italja minħabba li kif faqqgħet il-kriżi tal-coronavirus ma sabet l-ebda għajnuna mill-Unjoni.
Imma li titob skuża jew maħfra għan-nuqqas mhux biżżejjed. Biex it-talba għal skuża tkun ġenwina trid tkun akkumpanjata minn azzjoni konkreta li twassal għal tibdil fl-imġieba. Inkella t-talba għal skuża ma tkun tfisser assolutament xejn.
F’dan iż-żmien ta’ kriżi hemm ħtieġa ta’ presenza ikbar tal-Ewropa. Hu ż-żmien meta dawk relattivament iktar b’saħħithom għandhom jgħinu lil dawk li jeħtieġu l-għajnuna biex ikunu jistgħu jegħlbu d-diffikultajiet li jkunu qed jiffaċċjaw f’dak il-mument. Fi żmien ta’ kriżi ħadd ma għandu jitħalla jokrob għall-għajnuna. Is-solidarjetà għandha tkun kważi awtomatika u bla kundizzjonijiet.
Dan mhu xejn ġdid għalina għax ilna niffaċċjaw nuqqas ta’ solidarjetà fil-konfront tal-impatti tal-immigrazzjoni f’Malta kontinwament. Flimkien ma stati oħra membri tal-Unjoni Ewropeja tul il-fruntiera estensiva tal-Unjoni, Malta, repetutament, tħalliet terfa’ l-piż waħedha. Fl-Unjoni Ewropeja, s’issa għad m’hemmx qbil li din hi problema tal-Unjoni kollha u li teħtieġ soluzzjoni li tinvolvi lill-membri kollha tal-Unjoni Ewropeja.
F’Malta, bosta drabi nonqsu milli nifhmu li l-effettività tal-Unjoni Ewropeja fi kwalunkwe qasam jiddependi fuq kif jirreaġixxu b’mod individwali l-istati membri. S’issa, xi drabi, kien hemm qbil fuq azzjoni ta’ rilokazzjoni volontarja ta’ refuġjati salvati mill-għarqa jew li waslu f’Malta waħidhom inkella assistiti mill-għaqdiet volontarji.
S’issa l-uniku qbil kostanti fl-Unjoni Ewropeja kien li jinħarġu l-flus biex tittaffa ’l-problema tal-immigrazzjoni. Intużat ukoll l-għodda ta’ għajnuna għall-iżvilupp biex tgħin il-bini mill-ġdid ta’ pajjiżi diversi li ikkollassaw fl-Afrika
Is-solidarjetà għandha tkun valur fundamentali li tiggwida l-ħidma tagħna mhux biss bħala pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea imma ukoll bħala stat li jiftaħar li jħaddan valuri bażiċi insara. Is-solidarjetà tagħna m’għandha fl-ebda ħin tkun ikkundizzjonata minn jekk ħaddieħor mexiex sewwa jew le. Imxi ma ħaddieħor kif tixtieq li jimxu miegħek. Din smajtha bosta drabi. Meta ser nibdew nipprattikaw dak li nipprietkaw?