Owen Bonnici | Determinati li nsaħħu s-settur Edukattiv

Kburin li l-ħidma kollettiva tagħna qed tagħti riżultati

Id-determinazzjoni u r-rieda tagħna li nsaħħu s-settur edukattiv qed jagħti l-frott tiegħu. U qatt daqs f’dan iż-żmien li ninsabu fih ma qed nieħdu inizjattivi bla preċedent għal dan il-għan. Mhux qed inkunu aħna li qed niftaħru b’rixna. Imma qed ikunu entitajiet u stituzzjonijiet barranin li qed jagħtu janalizzaw, jagħrblu u fl-aħħar mill-aħħar jagħtu rikonoxximent għal dak li qed jagħmel pajjiżna.

U għal dan ninsabu kburin. Kburin li l-ħidma kollettiva tagħna qed tagħti riżultati. Fuq quddiem nett ħidma li qed ifaħħruha dawk li l-aktar li għandhom bżonnha, l-istudenti u l-edukaturi. Imma ħidma wkoll li qed tikseb għarfien barra minn pajjiżna.

L-isforzi tagħna biex nipprovdu t-tagħlim onlajn, u wkoll il-ħidma tagħna biex nipprovdu kollazzjon b’xejn, servizz ta’ internet b’xejn u wkoll tablets jew mezz ieħor teknoloġiku lil studenti li ġejjin minn familji vulnerabbli ġibdu kummenti pożittivi ferm.

F’komunikazzjoni li ntbagħtet mit-Trust tal-Prinċep Charles lill-Ministeru għall-Edukazzjoni, din faħħret l-isforzi tal-Ministeru biex ikompli bl-edukazzjoni b’mod “ħolistiku u koordinat tajjeb” u l-isforzi biex jagħti assistenza lil tfal vulnerabbli.

Il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej, il-PES u anki l-Commonwealth ingħaqdu biex ifaħħru l-ħidma bla heda li għaddejja. Tweet tal-PES qalet, “Inżommu lit-tfal għaddejjin bl-edukazzjoni u wkoll  nieħdu ħsiebhom permez ta’ internet b’xejn, tagħlim online u wkoll kollazzjon b’xejn għal tfal vulnerabbli. Prosit Malta”. Din it-tweet tat ukoll l-indirizz elettroniku ta’ teleskola.mt, is-sit li tnieda mill-Ministeru u li fih l-istudenti u l-edukaturi għandhom aktar minn elf lezzjoni u attività għal kul età u sena skolastika.

Dr Greg Munro, is-Segretarju Generali tal-Commonwealth Government Forum, ukoll fuq twitter, iddeskriva l-isforzi tal-Ministeru bħala eżempju eċċellenti ta’ kif l-awtoritajiet nazzjonali u awtoritajiet lokali qed jaħdmu biex jgħelbu l-isfidi tal-COVID-19: it-twassil tal-kollazzjon b’xejn lil studenti vulnerabbli, l-għeluq tal-iskejjel u t-tagħlim onlajn, iil-proviżjon ta’ tablet jew mezz ieħor u wkoll id-diversi laqgħat estensivi b’mod virtwali.

 

Nieħu gost li l-ħidma kbira li qed issir minn dan il-Ministeru qed tiġi rikonoxxuta u mfaħħra. Dan ikompli jimlini b’kuraġġ u aktar determinazzjoni biex flimkien inkomplu nsaħħu dan is-settur.

+++

Il-Ġimgħa waqt it-tnedija tal-Prospectus tal-Istitut għall-Edukazzjoni bil-korsijiet li se jiġu offruti minn Ottubru ta’ din is-sena, bi pjaċir ħabbart li żdiedu l-korsijiet fil-Baċellerat tal-Edukazzjoni fi tliet suġġetti oħra - il-Bijoloġija, il-PE u Hair and Beauty.  Dan apparti li żidna wkoll il-Master of Education fl-Etika u fil-Matematika. 

Ħabbart ukoll li għal dawk l-għalliema li jgħallmu suġġett u jridu jkunu kkwalifikati biżżejjed biex jgħallmu suġġett ieħor li huwa qrib is-suġġett li jgħallmu se jiġu offruti wkoll il-Postgraduate Certificates. Is-suġġetti li żdiedu huma l-Ospitalità, l-Agribusiness u Fashion and Textiles.
Nafu kemm is-suġġetti vokazzjonali huma mixtieqa u għalhekk hemm bżonn li l-għalliema jkunu mħarrġa bil-kompetenzi kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jwasslu lit-tfal tagħna għal-livell mixtieq bħal ma jsir f’kull suġġett ieħor. B’kollox se noffru 29 kwalifika għal min jixtieq isir għalliem jew għal dawk li huma supply teachers imma jixtiequ jtejbu l-kwalifiki tagħhom biex isiru għalliema regolari.

L-Istitut għall-Edukazzjoni se joffri wkoll kors li huwa mfittex ħafna minn dawk li għandhom xewqa javvanzaw fil-karriera u jsiru kapijiet ta’ skejjel. Dan il-kors huwa Master Degree in Applied Educational Leadership li f’dawn l-aħħar sentejn li ġie offrut inħataf fl-ewwel ħdax-il minuta.

Fil-Prospectus hemm lista sħiħa ta’ madwar 44 Award li huma korsijiet qosra akkreditati dwar ammont ta’ suġġetti varji. Dawn ukoll isiru part-time u parti minnhom issir online filwaqt li uħud minnhom isiru kompletament online. Tnejn mill-korsijiet ġodda li dejjem kien hemm ix-xewqa li jiġu offruti huma Award in Educational Neuroscience u Award in Outdoor Learning li jittrattaw il-bioloġija tal-moħħ u l-mod prattiku kif it-tagħlim isir billi jintuża l-ambjent ta’ barra, rispettivament.

Il-Gvern huwa kommess li jżid l-aċċessibilità għat-taħriġ u dan qed isir ukoll permezz li l-korsijiet jiġu offruti part-time u wkoll partijiet minnhom online. Għalhekk l-opportunità li wieħed isir għalliem żdiedet ukoll.

Il-Prospectus jinsab online u fih il-kwalifiki kollha li qed jiġu offruti diġà flimkien ma’ dawk li se jkunu qed jiġu offruti ġodda meta joħorġu l-applikazzjonijiet fl-20 ta’ Mejju.

Dan jorbot ukoll mal-pubblikazzjoni tal-prospectus ġdid tal-MCAST għas-sena akkademika 2020/2021, ukoll din il-ġimgħa.

L-MCAST dejjem ipprovda edukazzjoni li tmur lil hinn mill-kurrikulu tal-klassi bl-opportunità li jinkisbu kwalifiki rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. Programmi ġodda ta’ studji u ta’ taħriġ jiġu kontinwament miżjuda mal-lista ta’ korsijiet offruti sabiex l-għan jibqa’ li jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-istudenti individwali li jkunu qed isegwu korsijiet fil-livelli differenti waqt li jiġi assigurat li kull student ikollu l-possibbiltà li jimxi għal korsijiet ta’ livelli ogħla mingħajr diffikultà. 

B’iktar minn 190 kors full-time għal iżjed minn 7,000 student full-time u 4,500 student part-time, hu ċar li l-MCAST kiber ħafna u saru passi ta’ ġgant għall-benefiċċju tal-istudenti. B’hekk nixtieq ninkoraġġixxi iżjed persuni jagħżlu din il-karriera għaliex hija tassew waħda ta’ sodisfazzjon.

Il-Kulleġġ għamel kisbiet sinifikanti bis-saħħa tal-impenn tal-istaff u tal-edukaturi. Anke fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, l-MCAST kompla bit-tagħlim onlajn u bi programm effettiv biex l-istudenti kollha, fil-livelli kollha, jingħataw laptop u aċċess tal-internet biex ikunu jistgħu jsegwu l-lezzjonijiet onlajn mid-dar. L-MCAST qed ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala katalist importanti għad-dinja tax-xogħol f’Malta.

Il-pubbliku hu mistieden jaqra l-prospectus fuq il-website www.mcast.edu.mt jew jiġbor kopja mill-kunsilli lokali. Din il-pubblikazzjoni fiha korsijiet ġodda li jkopru firxa wiesgħa ta’ kompetenzi u ta’ ħiliet.

More in Politika