Owen Bonnici | Kommessi li nibqgħu ntejbu s-sistema edukattiva
Aħna bħala Gvern kommessi li nibqgħu ntejbu s-sistema edukattiva ħalli tkun l-aħjar sistema possibli għall-ġid ta’ uliedna u ulied uliedna
Mill-ġurnata tal-għeluq tal-iskejjel sal-lum ingħataw total ta’ 123 tablets u laptops u 132 aċċess għall-internet b’xejn lil studenti vulnerabbli. Dan ifisser li mingħajr din l-għajnuna, dawn l-istudenti u familji vulnerabbli kienu jispiċċaw mingħajr aċċess għal edukazzjoni.
Din il-ħidma bdiet mall-ewwel, għaliex hekk kif l-iskejjel ingħalqu minħabba l-COVID-19 beda proċess li bih tqassmu tablets, laptops u aċċess għall-internet b’xejn lill-familji vulnerabbli.
It-talbiet għadhom deħlin u qed isiru l-isforzi kollha biex il-proċess ikun effiċjenti kemm jista' jkun.
Sa mill-bidu li faqqgħet din il-pandemija rajna li ħadd mill-istudenti ma jbati. Ma ridniex li sitwazzjoni li ġiet fuqna għal għarrieda u li aħna ma kellna l-ebda kontroll fuqha, tispiċċa tagħmel vittmi lill-istudenti. Din kienet prijorità sa’ mill-ewwel ġurnata. L-istudent flimkien mal-edukatur għadu prijorità u jibqa’.
Din il-ħidma tagħna kienet rikonoxxuta minn entitajiet barranin u nieħu gost ngħid li bħala pajjiż konna qabel pajjiżi oħra ikbar minna, li ħsibna għal dawn l-istudenti li ġejjin minn familji vulnerabbli.
Apparti dan, aħna ħsibna wkoll biex dawk l-istudenti li ġejjin minn familji vulnerabbli u li qabel fl-iskejjel konna nqassmulhom kollazzjon b’xejn, dan jibqgħu jieħduh. Filfatt dan qed inwassluhlom fid-djar tagħhom.
Għal darb’oħra nirringrazzja lil dawk il-kumpaniji li kellmuna riċentament u laqgħu l-appell li għamilna bħala Ministeru għal donazzjonijiet li huma mportanti immens biex kull student ikun jista’ jkompli bit-tagħlim tiegħu. Ma’ dawk li diġa ħabbarna, rċivejna 60 tablet oħra, laptop u kompjuter biex b’hekk s’issa rċivejna total ta’ 95 tablet, 4 laptops u 7 kompjuters flimkien ma’ donazzjonijiet finanzjarji ta’ €19,130.
Aħna bħala Gvern kommessi li nibqgħu ntejbu s-sistema edukattiva ħalli tkun l-aħjar sistema possibli għall-ġid ta’ uliedna u ulied uliedna.
It-talbiet kollha ta’ studenti li qegħdin fuq Skema 9 ġew milqugħa u ngħataw l-assistenza li talbu. Ma’ dawn il-Ministeru laqa’ wkoll talbiet minn familji li għalkemm mhumiex fuq Skema 9 talbu għajnuna. Dan sar wara evalwazzjoni minn kumitat imwaqqaf apposta. It-talbiet jidħlu b'mod regolari u bħalissa hemm pendenti 40 talba oħra għal għoti ta' tablet, liema talbiet qed jiġu proċessati bla dewmien.
Intenni l-appell lil kumpaniji privati biex joffru l-għajnuna tagħhom u jsellfu kompjuters, laptops u tablets lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jingħataw lil dawk it-tfal vulnerabbli li m’għandhomx dawn il-mezzi.
+++
L-imxija tal-COVID-19 halliet impatt u d-dinja nbidlet. Il-pandemija qed iġġiegħel lil kulħadd jirrifletti. Riflessjoni dwar is-setturi kollha li ntlaqtu mill-impatt li qed iħalli dan il-virus u dwar il-mod li se tinbidel id-dinja kif nafuha meta din l-isħaba tkun għaddiet.
Qed nirrealiżżaw li dan l-impatt se jkollu effetti. Effetti li rridu nħarsu lejhom b’serjetà. Imma din il-ħarsa trid tkun ukoll analiżżata u minnha noħorġu r-riflessjonijiet tagħna b'mod matur u strutturat. Anki fis-settur tal-edukazzjoni u 'l hinn.
X’inhuma dawn l-effetti u x’qed naraw fis-settur tal-edukazzjoni? Kif se nħarsu lejn dan is-settur, speċjalment bl-esperjenzi li qed ngħaddu minnhom f’dan il-perjodu? U kif se nħarsu lejn il-futur? Se nistennew il-futur jiġi fuqna jew minn issa se nbassru l-futur biex l-isfidi ndawruhom f'opportunitajiet?
F'dan l-ispirtu ħabbart it-twaqqif ta' think tank li għandu l-għan li joħroġ b'ideat, ħsibijiet u riflessjonijiet dwar is-settur edukattiv li rridu li jkollna fil-futur. Jien kuntent immens bl-interess sabiħ li qajjem it-think tank, b'ħafna nies mid-diversi setturi li jixtiequ ħafna jikkontribwixxu l-ideat tagħhom. Grupp li għandu jippreżenta ’l quddiem diskussjoni, riflessjonijiet u ideat dwar l-edukazzjoni ta’ għada fid-dawl tal-COVID-19 u lil hinn, bil-għan li bħala pajjiż inħarsu minn issa lejn il-futur u ndawru f’opportunità l-isfidi tal-ġejjieni.
It-think tank huwa magħmul mill-Professur Edward de Bono, Dr Colin Calleja, il-Professur Richard England, Dr Frank Fabri, is-Sinjura Joanne Grima, is-Sinjura Julianne Grima, is-Sur Frederick Schembri, l-Perit David Xuereb, u hu kordinat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Kuntent ħafna li flimkien għandna rieda li minn issa nħarsu lejn il-futur sabiex l-isfidi ndawruhom f'opportunijiet
Dan jinkludi fih żewġ membri li huma għalliema, bi snin ta’ esperjenza f’livelli differenti tas-settur edukattiv. Fl-istess waqt, il-ministeru sema’ u fehem ir-rispons li tressaq ’il quddiem dwar il-bżonn li jkun hemm ukoll rappreżentanza xierqa ta’ edukaturi li jgħallmu ta’ kuljum fil-klassi. Lil dawn l-edukaturi ngħidilhom grazzi.
Għalhekk nilqa’ wkoll b’mod pożittiv l-aċċettazzjoni tal-MUT li jkollha rappreżentant fuq it-think tank. Bl-istess mod, nilqa’ t-twaqqif fi ħdan l-MUT ta’ grupp ta’ ħidma magħmul minn membri b’esperjenza fil-klassi, li għalhekk se jkun qed jikkontribwixxi wkoll fit-think tank tal-ministeru.
Nirringrazzja lill-persuni distinti li aċċettaw li jifformaw parti minn dan il-grupp ta' ħidma.
Fi ħdan dan it-think tank hemm persuni li għandhom standing internazzjonali fil-kamp tal-filosofija, l-ħsieb u l-kreattività, persuni li speċjalizzaw fil-kamp tal-edukazzjoni (anke fejn tidħol l-inkluzjoni), oħrajn li qed jagħmlu karriera ta' suċċess fil-kamp multimedjatiku u nies li ġejjin direttament minn u jirrappreżentaw l-industriji.
Huwa fid-dover tagħna li minn issa nantiċipaw id-dinja t'għada, biex inkunu fl-aħjar pożizzjoni li nantiċipaw l-isfidi u dawn, minn issa, naqilbuhom f'opportunitajiet. Jiena nistieden lil kull min jixtieq jikkontribwixxi biex jersaq 'il quddiem u flimkien nimirħu f'eżerċizzju ta' bluesky thinking u jkunu miftuħin għall-ideat kreattivi kollha.
ll-grupp mistenni jħares lura, jifhem il-mument u bi kreattività u bil-qies fil-ħsieb jipprova jagħti titwila lejn ġejjieni possibbli. lt-think tank se jagħmel il-konsultazzjonijiet opportuni, se jagħmel konsultazzjonijiet varji ma’ msieħba fis-settur u lil hinn u wara, jippreżenta r-rapport tiegħu.
Dan ir-rapport mistenni li jkun finalizzat sa mhux iktar tard minn nhar it-Tnejn, 14 ta' Settembru 2020, u huwa mistenni li jkompli jqanqal riflessjoni u diskussjoni u hsieb dwar ghada, dwar il-futur u dwar il-gejjieni.
Kuntent ħafna li flimkien għandna rieda li minn issa nħarsu lejn il-futur sabiex l-isfidi ndawruhom f'opportunijiet.