Editorjal | Kriminalità moqżieża ... nafu min huma t-traffikanti. X'intom tistennew?
Tħallux nies jgħerqu u tħallux nies imutu. Għidniha ftit ġimgħat ilu u nerġgħu nfakkru: Tkunux bully maż-żgħir. Tafu min huma l-kriminali
Huwa vera li jeħtieġ illi jsir punt politiku minn Malta u li Malta żżomm sod u mhux titħalla tiġi njorata fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Dan huwa minnu u m'hemmx limitu ta' kemm nistgħu ngħiduh.
Iżda ma jistax ikun illi filwaqt li qed nagħmlu dan il-punt politiku, waqt li qed indoqqu l-arpa taċ-ċelebrazzjonijiet inħallu nies bejn sema' u ilma b'mod indefinit u bil-konsegwenzi kollha li din għandha. Ilbieraħ is-sit illum.com.mt kien minn ta' quddiem illi rrapporta dwar protesta fuq l-Europa II. Din il-protesta li setgħet kellha konsegwenzi akbar hija riżultat ta' din is-soluzzjoni fuq bażi temporanja. Kemm se ndumu nħallu nies bejn sema u ilma? Ġimgħa? Ġimagħtejn? Xaharejn? Kemm? Filwaqt li l-Unjoni Ewropea tilgħab logħba ċess, fl-ibħra ta' madwarna għandna bombi tal-ħin lesti biex jisplodu, għad-detriment tal-immigranti nfushom u tal-ħaddiema li jinsabu fuq il-bastimenti.
Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser u forsi hawn min hekk iridha tinkiser, ħalli jkun jista' jagħmel eżempju minn Malta.
Huwa tajjeb, anzi importanti u pass fid-direzzjoni t-tajba li l-PM Robert Abela mar il-Libja u ltaqa' ma' Fayez Al-Sarraj biex tiġi diskussa din il-materja. Is-soluzzjoni fl-Afrika qiegħda - primarjament mill-pajjiż illi minnu ġejjin l-immigranti u mbagħad fil-Libja - minn fejn jitilqu - fejn Sarraj qal li hemm 800,000 immigrant lesti biex jitilqu.
Tħallux nies jgħerqu u tħallux nies imutu. Għidniha ftit ġimgħat ilu u nerġgħu nfakkru: Tkunux bully maż-żgħir. Tafu min huma l-kriminali. Kienu mxandra f'dokumentarju ferm interessanti fuq ix-xandir nazzjonali - minn eks ġurnalista ma' din il-gazzetta. Mela x'intom tistennew? X'inhi tistenna l-Ewropa? Jew tant hemm ċrieki ta' korruzzjoni u abbuż li m'hemmx interess u rieda li l-kriminali jinqabdu?
X'se nagħmlu? Ħa npoġġu dawn it-800,000 kollha fuq il-bastimenti tat-turisti?
Din hija gwerra bl-użu u l-isfruttar makkak u moqżież tal-bnedmin u filwaqt li huwa importanti li ħadd ma jiffaċilità dan iċ-ċirku kriminali, huwa importanti li ma nagħmlux eżempju mill-ħajja umana li qed tintuża bħala gamblu.
Hemm bżonn illum qabel għada jiġu arrestati u ssir ġustizzja kontra t-traffikanti. Hemm bżonn li l-UE tqum mir-raqda u tfassal - malajr - pjani ta' kontinġenza u tqassim ta' immigranti. Hemm bżonn li jkun hemm kooperazzjoni mal-Libja biex din tibda ġejja f'tagħha u biex tgħasses il-fruntieri b'serjetà u b'rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem. Hemm bżonn, b'serjetà assoluta, jiġu mgħejjuna pajjiżi minn fejn qed jitilqu dawn l-immigranti.
Filwaqt li huwa sew li l-Gvern qed iżomm iebes, iktar iebes minn kwalunkwe li kellna fl-aħħar snin - ma jistax irabbi sens ta' indifferenza lejn l-umanità.
Tħallux nies jgħerqu u tħallux nies imutu. Għidniha ftit ġimgħat ilu u nerġgħu nfakkru: Tkunux bully maż-żgħir. Tafu min huma l-kriminali. Kienu mxandra f'dokumentarju ferm interessanti fuq ix-xandir nazzjonali - minn eks ġurnalista ma' din il-gazzetta. Mela x'intom tistennew? X'inhi tistenna l-Ewropa? Jew tant hemm ċrieki ta' korruzzjoni u abbuż li m'hemmx interess u rieda li l-kriminali jinqabdu?