'Nifs żgħir ħafna' - L-ewwel reazzjoni ta' Adrian Delia dwar il-miżuri mħabbra
Delia jisħaq li l-miżuri pożittivi ħareġ bihom il-Partit Nazzjonalista anke jekk fi kliemu l-Gvern, fihom, waqaf nofs triq
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddeskriva l-pjan għar-riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-Gvern bħala nifs żgħir ħafna waqt li insista li l-Gvern ħalla diversi negozji u familji barra mill-miżuri.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Delia saħaq li ħafna minn dak li kien pożittiv illum huma proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista iżda saħaq li l-Gvern waqaf nofs triq.
Fost dawn, semma l-proposta biex għax-xhur tas-sajf il-Gvern se jħallas 50% tal-kont tad-dawl tan-negozji sa massimu ta' €1,500. Delia saħaq li kien jistenna li l-Gvern jissudja wkoll il-kontijiet tal-ilma u anke l-kontijiet tad-djar residenzjali mhux tan-negozji biss. Ikkritika wkoll il-fatt li dan is-sussidju se jingħata għax-xhur ta' Lulju, Awwissu u Settembru biss.
Dwar is-sussidju fuq il-kirjiet, il-Gvern, skont Delia, ħalla barra lil min għandu kirjiet għolja ħafna u dan fid-dawl tal-fatt li l-konsum u n-negozji naqas.
Il-Kap Nazzjonalista saħaq li kien jistenna wkoll aktar viżjoni ta' fejn il-Gvern irid jieħu l-ekonomija u anke dettalji dwar inċentivi biex Malta tkun tista' tikkompeti ma' pajjiżi oħra biex it-turisti jżuru Malta.
"Kont nistenna pakketti biex inħajru turisti li jiġu Malta," insista Delia. Staqsa wkoll x'inhuma s-setturi ġodda li l-Gvern se jkun qed jinvesti fihom.
"In-negozji tagħna jridu viżjoni," saħaq Delia. "Il-familji tagħna huma minsija," kompla jgħid waqt li insista li l-Gvern ma kellu l-ebda kelma għall-11,000 ħaddiem li spiċċa bla xogħol.
Insista li l-Gvern ma kellu l-ebda viżjoni jew għajnuna għal dawk il-madwar 100,000 negozju li fi kliemu kienu minsija fi żmien il-pandemija u li fi kliemu, baqgħu minsija llum ukoll.
Temm jisħaq li kien jistenna li l-Gvern se jkun qed jippremja finanzjarjament lill-ħaddiema tas-saħħa kollha li kienu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-COVID-19.
Aqra aktar:
Kif se jolqtuk il-miżuri li se jħabbar il-Gvern? Id-dettalji fuq illum.com.mt