Audrey Friggieri | L-edukazzjoni, il-benesseri u l-vjolenza domestika – x’għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin?

Tfal u żgħażagħ bħal Pablo jġorru magħhom kull fejn imorru t-tbatijiet li jesperjenzaw fit-trobbija tagħhom. It-traskuraġni, l-iżolament u n-nuqqas ta’ stabbilita’  jiffurmawhom u jimmarkawhom

Lil Pablo (isem fittizju) ħadd ma seta’ jikkontrollah – meta jieħu għalih fuq xi ħaġa jew ma jifhimx xi jkun qed jiġri, kien jinfexx jitkellem ħażin, jitgħajjar, isabbat u jwaddab l-affarijiet. Min jaf kemm qala’ kastigi l-iskola! Min jaf kemm xenati mal-membri tal-amministrazzjoni u mal-għalliema! Pablo  kien bidel diversi foster homes u kien jgħidli li lilu ma jridu ħadd. Missieru kien dieħel u ħiereġ il-ħabs, u meta kien ikun barra rari kien ifittex lill-ibnu. Ommu għamlet żmien f’istituzzjoni għas-saħħa mentali u wara ma riditx taf b’binha li skontha kien frott ta’ stupru u kien ifakkarha fir-raġel li tant kienet tobgħod. Iktar tard iżżewwget u għamlet familja oħra. Pablo sadanittant kien qed jgħix daqqiet għand in-nanna u daqqiet f’istituzzjoni, imxennaq u fl-istess ħin irrabjat kemm għal ommu kif ukoll għal missieru. Qatt ma kien jagħmel lezzjoni sħiħa, moħħu biex jinbex jew jara kif se jiskarta. Kien sensittiv ħafna u jirreaġixxi għal min jagħtih ħarsa żejda jew imqar jgħaddi ċajta li lil Pablo ma togħġbux. Spiss kien imur joqgħod fit-toilet jew jitlajja fil-kurituri tal-iskola, dejjem imfittex, dejjem irrappurtat, dejjem meqjus diżbubbidjenti u mingħajr rispett. Il-membri tal-amministrazzjoni spiss kien ikollhom kunflitt dwar l-aħjar mod kif tissolva ‘l-problema’ Pablo:   ‘ niskużawh milli jattendi l-iskola għax qed jagħmel il-ħsara kemm lilu nnifsu kif ukoll lill-oħrajn!’ ‘Jew naraw kif nistgħu ngħinuh iktar?’ ‘Imma kif??’  ‘Ippruvajna kollox!’

Hawn xi ħadd minna li konna nagħmlu aħjar kieku għaddejna milli jgħaddu żgħażagħ bħal Pablo? Meta qalbek tkun daqshekk maqsuma,  tista’ tkun ‘normali?  Xi tfisser ‘normali’ fuq kollox?  

Il-vjolenza fost it-tfal u ż-żgħażagħ

Diversi studji sabu li hemm fatturi varji u kumplessi  li jwasslu għal riskju ikbar  ta’ mġieba vjolenti fit-tfal u fl-addoloxxenti, fost oħrajn li tkun int stess vittma ta’ abbuż u vjolenza (American Academy of Child and Adolescent Psychiatry, 2015).

M’ilux, fil-media soċjali ġie rappurtat li kien hemm żieda f’każijiet ta’ vjolenza domestika fejn l-ulied jerfgħu idejhom fuq il-ġenituri. Dan huwa suġġett li ma tantx jissemma’ f’diskussjonijiet dwar vjolenza domestika u huwa kkunsidrat bħala fenomenu moħbi  u li hemm bżonn jiġi studjat iktar (Ibabe, 2019, Coogan, 2011).  Ir-riċerka turi li f’familji  bħal dawn aktarx li jkun hemm abbuż fiżiku u psikoloġiku fuq l-ulied minn-naħa tal-ġenituri stess. Huwa maħsub li  din l-mġieba tkun ġejja minn  sens ta’ disprament għax ma jafux kif ikunu ġenituri aħjar (Cottrell & Monk, 2004; Edenborough et al., 2008; Gallagher, 2004).  Dawn il-familji spiss ikunu iżolati  fil-komunita’ u jsofru fis-silenzju (Coogan, 2011). 

L-edukazzjoni u l-imħabba

Meta t-tfal u ż-żgħażagħ  imorru l-iskola ikun hemm it-tentazzjoni li narawhom bħala ħaġa waħda: studenti. Imorru l-iskola biex jitgħallmu u jiftħu moħħhom, ħalli meta jikbru jsibu xogħol u jieħdu l-istat tagħhom. Dan hu s-sens komun. Iżda filfatt, kull tifel u tifla għandhom l-istorja partikulari tagħhom, u jkun hemm stejjer li kapaċi  jwaħħxu lil kull min jaħseb li jeżisti xi tip ta’ ‘normal’. Hemm nies li jsofru fis-skiet, f’sitwazzjonijiet li mhux faċli tifhimhom jew tagħmel sens minnhom. Il-vjolenza u l-abbuż spiss huma riżultat ta’ dawn is-sitwazzjonijiet u hawnhekk l-iskola, bħala ‘t-tieni dar’ tat-tfal tagħna, għandha rwol importanti ħafna. 

Tfal u żgħażagħ bħal Pablo jġorru magħhom kull fejn imorru t-tbatijiet li jesperjenzaw fit-trobbija tagħhom.    It-traskuraġni, l-iżolament u n-nuqqas ta’ stabbilita’  jiffurmawhom u jimmarkawhom ħafna drabi għal għomorhom (Crowley, 2016).  Huma ma jisgħux jiffukaw fuq it-tagħlim jekk il-bżonnijiet fundamentali tagħhom tal-imħabba u tas-sigurta’ ma jiġux sodisfatti. Ma tkunx qed issir ġustizzja magħhom jekk (ikomplu) jiġu  esklużi u/jew diskriminati minħabba imġieba frott  ħruxijiet f’ħajjithom li huma qatt ma għażlu (Case, 2018). 

 Jeħtieġ jingħata iktar spazju u valur  lill-ħsieb ħieles u kritiku  fl-edukazzjoni ta’ uliedna. Ir-riflessjoni u d-djalogu  jistgħu jgħinuhom jifhmu aħjar dak li jkun għaddej f’ħajjithom u madwarhom. Jifhmu r-rabja u d-dispjaċir minn fejn ġejjin u kif jistgħu isibu l-wens u tama ġdida.  

Il-Covid-19 kompla jiftħilna għajnejna għal realtajiet varji ta’ żvantaġġ  li jgħixu fihom diversi tfal u studenti. Jekk qabel kienu iżolati, issa qed ikunu iktar, minħabba li l-kuntatt bejn l-edukaturi u l-istudenti qed jiddependi esklussivament mit-teknoloġija. Apparti l-arranġamenti varji li jistgħu jgħixu fihom familji differenti, fejn jista’ jkun hemm nuqqas ta’ spazju u kwiet neċessarju biex it-tfal jistgħu jikkonċentraw, il-ġenituri mhux kollha midħla tal-kompjuter, mhux kollha għandhom ir-riżorsi meqjusa bħala ‘normali’ fil-post fejn joqgħodu, u mhux kollha kapaċi jiddixxiplinaw u  jgħallmu ‘l uliedhom skont kif tassumi l-iskola. Jeħtieġ nitgħallmu mill-esperjenza li offritilna l-pandemija u nfittxu modi oħra kif nilħqu ‘l dawn it-tfal u ż-żgħażagħ individwalment, sabiex tassew issir ġustizzja magħhom. B’hekk huma wkoll ikollhom aċċess għall-assistenza partikolari li jista’  jkollhom bżonn u għal edukazzjoni xierqa li tgħinhom isiru persuni kapaċi u attivi  fid-demokrazija ta’ pajjiżna.

More in Politika