Carmel Cacopardo | L-Oppożizzjoni Parlamentari
Carmel Cacopardi huwa ċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika
Il-fatt li l-Gvern ġie sfurzat mill-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa biex ma jibqax jikkontrolla l-proċess tal-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija huwa żvilupp posittiv fil-proċess demokratiku. Mhux tajjeb kemm meħtieġ imma definittivament inkoraġġanti bħala l-ewwel pass: hemm lok għal titjib sostanzjali fil-proċess.
F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni li ma tipparteċipax fis-smiegħ pubbliku hu pass ta’ granċ.
L-Oppożizzjoni Parlamentari, fi kwalunkwe ġurisdizzjoni demokratika li jixirqilha din id-deskrizzjoni, hi l-mutur favur it-trasparenza u l-kontabilità. L-Opposizzjoni Parlamentari teżiġi l-ikbar ammont possibli ta’ opportunitajiet biex tkun tista’ tagħmel skrutinju ta’ ħatriet pubbliċi ewlenin.
Li l-Oppożizzjoni tagħżel illi ma tieħux sehem fl-iskrutinju ta’ ħatra għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija mhuwiex biss każ ta’ opportunità mitlufa.
Toħloq ir-riskju li jkunu imminati it-talbiet bħala riżultat tal-proċess demokratiku biex ikun hemm skrutinju ikbar tal-ħatriet pubbliċi ewlenin.
L-Oppożizzjoni Parlamentari Nazzjonalista qed targumenta li mhux aċċettabbli illi l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid ser ikun soġġett għal sena prova (probation) għax dan iwassal biex hu joqgħod lura u għaldaqstant l-imġieba tiegħu tkun ikkontrollata mill-Gvern.
Il-preokkupazzjoni ġustifikata tal-Oppożizzjoni hi li jista’ jkun hemm abbuż tal-perjodu ta’ prova da parti tal-Gvern. Bla dubju, dan ġieli seħħ. Imma hemm soluzzjoni billi jkun propost illi t-tkeċċja ta’ Kummissarju tal-Pulizija, fi kwalunkwe stadju tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament. Dan ikun ifisser li l-Ministru tal-Intern ikollu l-obbligu li jispjega lill-Parlament ir-raġunijiet il-għaliex il-Gvern ikun tal-fehma li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jitkeċċa u min-naħa l-oħra l-Kummissarju jkollu d-dritt li jiddefendi ruħu mill-akkużi tal-Gvern. Dan ipoġġi lil kull Gvern f’posizzjoni imbarazzanti u bħala riżultat ta’ hekk ħadd ma jitkeċċa jekk ma jkunx hemm raġunijiet mill-iktar validi biex dan iseħħ.
Huwa dan, iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, li jista’ jassigura l-ħarsien u l-integrità tal-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.
L-Oppożizzjoni qed tinsisti ukoll li l-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Effettivament l-Oppożizzjoni qed titlob id-dritt ta’ veto fuq kull ħatra li ssir.
Kien ikun ħafna aħjar kieku d-dibattitu iffoka fuq fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet f’dan il-każ: jiġifieri l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC). Il-PSC twaqqfet permezz tal-Kostituzzjoni tal-1959 bl-iskop li tagħti pariri lill-Prim Ministur dwar ħatriet fis-servizz pubbliku kif ukoll dwar id- dixxiplina ta’ uffiċjali pubbliċi.
L-artiklu 109 tal-Kostituzzjoni jemfasizza li meta l-PSC tinħatar mill-President tar-Repubblika, huwa jaġixxi fuq il-parir tal-Prim Ministru li jkun ikkonsulta ruħu mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Mhux aħjar kieku kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jkollhomx x’jaqsmu ma dawn l-affarijiet?
Il-Parlament għandu jikkunsidra bis-serjetà li jneħħihom milli jibqgħu nvoluti f’dan il-proċess.
Mhux biss fil-każ tal-ħatra tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku imma anke fil-kaz tal-korpi kostituzzjonali kollha.
Huwa dwar dan li tkun ġustifikata l-ħtieġa taż-żewġ terzi! Id-deċiżjoni politika tal-PN fil-Parlament li jirrifjuta li jieħu sehem f’dan l-iskrutinju għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija hi deċiżjoni li tagħmel il-ħsara lill-pajjiż.
Sa mill-2018 il-Parlament kellu l-possibilità li jagħmel skrutinju ta’ numru ta’ ħatriet pubbliċi.
Jekk wieħed jagħti daqqa t’għajn u jara dak li ntqal fil-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari dwar il-ħatriet pubbliċi malajr jinduna bil-mod superfiċjali li bih ikunu kkunsidrati dawn il-ħatriet. Oġġezzjonijiet ta’ natura serja dwar il-kompetenza ta’ dawk proposti għall-ħatra jiġu injorati u l-ħatriet ikunu ġeneralment approvati bi ftit li xejn diskussjoni!
Sfortunatament il-Parlament mhux kapaċi jġiegħel lill-Gvern jagħti kont ta’ għemilu u b’Oppożizzjoni bħala din ftit hemm ċans li s-sitwazzjoni tinbidel.