Owen Bonnici | Insebbħu l-ambjent Edukattiv
'Meta fl-2013 kien hemm investiment ta’ €2,500,000, fl-2020 dan tela’ għal €17,500,000. Anki jekk tħares lejn l-investiment fil-kotba u qari, f’dawn l-aħħar 5 snin investejna b’€1.7 miljun' - Owen Bonnici
Dan huwa gvern li verament jemmen fis-settur edukattiv. Qed ngħid dan għaliex ħarsa lejn l-istatistika turi li dan il-gvern ma jpoġġix fuq quddiem lil dan is-settur bil-paroli biss, imma bil-fatti. Ejja nħarsu lejn dik li hija infrastruttura.
Jekk immorru ftit lura naraw li fis-sena 2012, il-vot kapital għall-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada kien ta’ €6.6 miljun. Fl-2020 il-vot kapitalgħall-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada kien ta’ €14.5 miljun. F’dawn it-8 snin il-Gvern investa ‘l fuq minn €112-il miljun f’bini u tisbiħ ta’ skejjel.
Anki jekk tħares lejn l-investiment teknoloġiku, tara li f’dawn it-8 snin dan l-investiment żdied b’700%. Meta fl-2013 kien hemm investiment ta’ €2,500,000, fl-2020 dan tela’ għal €17,500,000. Anki jekk tħares lejn l-investiment fil-kotba u qari, f’dawn l-aħħar 5 snin investejna b’€1.7 miljun. Aħna rridu bis-serjetà naraw li uliedna jkollhom mhux biss l-aqwa opportunitajiet skolastiċi, imma li dawn l-opportunitajiet jingħataw bl-aqwa mezzi u wkoll fl-aqwa ambjent.
ll-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (Foundation for Tomorrow Schools) din is-sena hija mpenjata b’diversi proġetti għaddejjin li flimkien ilaħħqu nvestimet ta’ €52 miljun. Din iċ-ċifra hija maqsuma fi tnejn: €42 miljun f’proġetti infrastrutturali u €10 miljun li qed jiġu investiti f’laboratorji ta’ suġġetti VET (Vocational Education and Training), investiment li huwa mifrux fuq sentejn.
Ftit ilu tkellimt dwar ix-xogħol li qed isir fl-iskola ġdida tal-Qawra, li miexi b'ritmu tajjeb ħafna u mistenni jitlesta din is-sena stess - proġett b’investiment ta’ €13-il miljun. Tkellimt ukoll dwar l-iskola Sekondarja li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun fejn qed isiru xogħlijiet li huma mistennija li jitlestew sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss, bini ta’ footpath u footbridge fit-tieni u fit-tielet sular rispettivament bil-għan li tgħaqqad iż-żewġ binjiet minn kull sular - b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro. Hemm ukoll is-sit fejn qed isir xogħol ta’ restawr u ta’ tisbiħ tal-Iskola tal-Arti, xogħol li miexi b’ritmu tajjeb ħafna u huwa mistenni li dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ €5 miljun, ikun lest fix-xhur li ġejjin.
Qed naħdmu fuq pjan biex intejjbu ferm l-ambjent skolastiku għall-istudenti u l-edukaturi. Fejn huwa possibbli qed nibnu skejjel ġodda, bħal fil-każ tal-Qawra. Imma fejn dan ma jistax isir qed naraw li ninvestu billi nestendu l-ispazju fi skejjel eżistenti, kif qed nagħmlu fl-iskola Sekondarja taż-Żejtun.
Il-Ġimgħa żort dan il-proġett - il-proġett ta’ €5 miljun għat-tkabbir u modernizzar tal-Iskola Sekondarja fiż-Żejtun.
L-Iskola Sekondarja taż-Żejtun se tkun estiża billi jinbena sular fuq kull blokka eżistenti tal-iskola. Permezz ta' din l-estensjoni, mifruxa fuq aktar minn 2,500 metru kwadru, se jiżdiedu 13-il klassi normali, kif ukoll 8 laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, 2 klassijiet għall-home economics, u klassijiet għall-Inġinerija u d-Disinn.
Ix-xogħol li qed isir f’din l-iskola mhuwiex dan biss, għaliex apparti l-progett ta' estensjoni tal-iskola, dan il-proġett jinkludi wkoll l-immodernizzar komplet tal-iskola eżistenti. L-iskola se ssir aċċessibli għall-istudenti kollha, permezz ta' bini ta' diversi lifts fil-binja kollha.
Nerġa nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-FTS li huma nvoluti f’dan il-proġett kbir. Aħna bħala Gvern kommessi li ntejbu ħajjiet l-istudenti tagħna biex huma jħarsu lejn l-edukazzjoni bħala fattur determinanti fil-bini tal-futur tagħhom stess. Bis-saħħa tax-xogħlijiet li qegħdin isiru qed naraw iktar skejjel li jimxu 'l quddiem.
Dan qed isir bil-għan li ntejjbu l-ambjent skolastiku biex l-istudenti jieħdu gost fil-ħin li jqattgħu fiżikament fl-iskola. Kulħadd jieħu gost jidħol f’post sabiħ u attrezzat u kkulurit, kemm l-għalliema u l-edukaturi tagħna, kif ukoll l-istudenti. Għalhekk napprezza u nirringrazzja lil kull persuna li hija nvoluta biex isir it-twettieq ta’ dan ix-xogħol għall-benefiċċju tas-sistema edukattiva tagħna.
Il-Gvern fetaħ laboratorji u workshops fl-iskejjel Sekondarji kollha madwar Malta u Għawdex. Dan biex l-istudenti jingħataw l-opportunità li jitgħallmu u jitħarrġu f'suġġetti vokazzjonali differenti. Fost dawn is-suġġetti hemm: It-Teknoloġija tal-Informatika, l-Inġinerija, it-Turiżmu u l-Ospitalità, il-Kura tal-Ġisem u x-Xagħar, il-Media, it-Tessuti, l-Agribusiness, ir-Retailing u l-Health and Social care.
Il-laboratorji għal suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel Sekondarji kollha setgħu isiru b'investiment li laħħaq madwar €10 miljuni.
Interessant ferm huwa li fis-sit tal-Iskola Sekondarja taż-Żejtun, fejn qed tiġi mmodernizzata l-iskola eżistenti, instabu fdalijiet ta' barriera antika waqt sorvelljanza minn arkeologi iddelegati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Dawn il-fdalijiet possibilment jiffurmaw parti mill-kumpless ta' Villa Rumana li kienet instabet fil-viċin fis-snin 60. Il-fdalijiet tal-Villa Rumana, li llum huma hija parti mill-kampus tal-iskola ilhom jiġu skavati minn arkeologi f'diversi kampanji ta' studju inkluż f'dawn l-aħħar snin mid-Dipartiment tal-Istudji Klassiċi u Arkeoloġija tal-Università ta' Malta. Din il-barriera se tkun inkorporata fil-proġett u se titgawda mill-istudenti ta’ din l-iskola.
Dan huwa żieda eċitanti f’din l-iskola li jkollok l-istorja ta’ pajjiżna parti minn kamp skolastiku huwa bonus mhux biss għall-istudenti kollha li jattendu f’din l-iskola imma dawn il-fdalijiet jarrikkixxu bil-kbir l-esperjenza skolastika speċjalment għal dawk l-istudenti li għandhom għal qalbhom l-istorja ta’ pajjiżna.