Miriam Dalli | Il-Mediterran: Patrimonju Mhedded

Nibqa’ kommessa li naħdem biex nipproteġu l-baħar ta’ madwarna, għaliex huwa parti mill-patrimonju li rridu ngħaddu lil uliedna, patrimonju imprezzabbli li fuqu tiddependi saħansittra saħħitna

Il-Baħar Mediterran, minkejja li huwa parti żgħira mill-oċeani tad-dinja, huwa abitat minn firxa wiesgħa ta’ pjanti u annimali. Baħar li jilqa’ madwar 17,000 speċi, li jirrappreżentaw bejn 4 u 18% tal-biodiversità tal-baħar tad-dinja. Huwa stmat li bejn 20 u 30% tal-ispeċi fil-Mediterran huma kkunsidrati endemiċi għall-baħar Mediterran. 

Qed insemmi dan fid-dawl li l-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija dwar il-biodiversità għas-sena 2030 u pjan ta’ azzjoni assoċjat magħha. Din l-istrateġija għandha l-għan li tkun ibbażata fuq pjan fit-tul biex tkun protetta n-natura u titwaqqaf il-qerda tal-ekosistemi madwar l-Ewropa, filwaqt li tonqos il-ħsara li qed issir lill-biodiversità. 

Bħala parti minn dan il-pjan, iridu niffukaw b’mod partikolari fuq l-oċeani. L-attivitajiet tal-bniedem, bħall-ħruq ta’ fossil fuels u żjut, qed jippumpjaw gassijiet bħas-CO2 fl-atmosfera b’rata ħafna aktar mgħaġġla mill-proċess naturali. Dan kollu joħloq problema, għaliex hekk kif il-konċentrazzjoni ta' CO2 tiżdied, din tiġbed lejha aktar sħana tax-xemx, li hija waħda mir-raġunijiet għalfejn it-temperaturi globali medji telgħu matul l-aħħar deċennji. Hawn tidħol l-importanza tal-oċeani, li jassorbu madwar kwart tas-CO2 kollu li jkun iġġenerat mill-attivitajiet tal-bniedem. Ma nistgħux minn naħa waħda nitfgħu aktar CO2 fl-arja, u minn naħa l-oħra ma nagħtux lill-ibħra u l-oċeani tagħna l-importanza li jistħoqilhom. 

Qed nisħaq fuq il-ħarsien tal-Mediterran għaliex dak li qed nesperjenzaw illum-il ġurnata huwa fenomenu li qed idgħajjef ir-rwol tal-oċeani u l-ibħra. Dawk li jissejħu ‘carbon sinks’ li huma depożiti naturali li jassorbu u jaħżnu l-karbonju mill-atmosfera qed jonqsu flok jiżdiedu. Riżultat ieħor ta’ dan il-fenomenu inkwetanti hu li l-baħar qed isir iktar aċiduż, fattur li jaffetwa ħażin lill-organiżmi u l-ħajja fil-baħar. Huwa fenomenu li riesaq dejjem aktar lejn ir-reġjun tagħna, b’diversi studji juru li l-baħar Mediterran diġa’ għandu ammont inkwetanti ta’ aċtu fih, speċjalment fin-naħa tal-Punent. 

Permezz tal-istrateġija Ewropea dwar il-biodiversità, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi miri, marbuta b’obbligi legali, li għandhom iwasslu għal titjib fil-biodiversità, u dan huwa pass pożittiv ’l quddiem. Minn naħa tiegħi qed ninsisti li għandna nitfgħu ħarsitna fuq l-oċeani u aktar u aktar għandna niftgħu ħarsitna fuq il-baħar Mediterran. Diġa’ nafu li l-Mediterran huwa suxxettibbli għal diversi pressjonijiet, ewlenin fosthom l-attività tal-bniedem, li qed tikkontribwixxi għal fatturi bħat-tibdil fil-klima u invażjonijiet bioloġiċi. 

Fil-kumitat Ewropew għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà fl-Ikel (ENVI), qed ninsisti biex tittieħed azzjoni leġiżlattiva biex jonqos l-ammont ta’ diossidju tal-karbonju mill-oċeani, sabiex nwaqqfu aktar aċidifikazzjoni u nħallu lill-oċeani jibqgħu jservu ta’ reċipjenti naturali tad-diossidju tal-karbonju. Irridu wkoll pjanijiet li jirribattu l-effetti tal-aċidifikazzjoni li qed jagħmlu ħsara lilll-ħajja marittima u l-biodiversità fl-ibħra li jdawwru l-gżejjer Maltin. Dan jista’ jsir billi ntejbu l-prattiċi agrikoli fir-reġjun tal-Mediterran. Irridu nħaddmu prattiċi tajba, u nsibu mezzi kif inħeġġu t-tkabbir ta’ prodotti indiġeni madwar din iz-zona. Irridu naħdmu kontra d-diforestazzjoni u naħdmu favur ir-rifforestazzjoni ta’ zoni li diġa’ ġew mittiefsa. Dan minbarra passi ovvji li jipproteġu l-ibħra, ċioe li naraw li l-attivitajiet kollha marittimi ma jikkaġunawx ħsara irreparabbli jew bla proporzjon lill-baħar Mediterran.

Qed naħdem biex il-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-iStati Membri kollha jkollhom leġiżlazzjoni stretta u inforzabbli sabiex jkunu protetti l-oċeani. L-istrateġija tinkludi impenji u azzjonijiet speċifiċi li għandhom iseħħu sal-2030, inkluż it-twaqqif ta’ network ikbar ta' żoni protetti fl-Unjoni Ewropea fuq l-art u fuq il-baħar, li jkompli jibni fuq żoni ta' Natura 2000 eżistenti, bi protezzjoni stretta għal dawk iż-żoni fejn hemm bijodiversità għolja u ta' valur klimatiku. Madanakollu, irridu nkunu aktar speċifiċi u naħsbu b’mod partikolari fil-Mediterran, wieħed mill-aktar ekosistemi tal-baħar kumplessi.

Bħala parti kruċjali mill-European Green Deal, l-istrateġija dwar il-biodiversità għandha tiggwida lis-soċjetà lejn irkupru ambjentali wara l-pandemija. B’mod partikolari f’kuntest post-COVID, importanti li nilħqu bilanċ bejn l-attività li nagħmlu u n-natura li ddawwarna. 

B'emissjonijiet tal-karbonju deħlin fl-atmosfera tagħna aktar milli joħorġu, li jintlaħaq bilanċ fl-ammont ta’ karbonju tidher aktar diffiċli minn qatt qabel, sakemm ma nieħdux azzjoni immedjata. Nibqa’ kommessa li naħdem biex nipproteġu l-baħar ta’ madwarna, għaliex huwa parti mill-patrimonju li rridu ngħaddu lil uliedna, patrimonju imprezzabbli li fuqu tiddependi saħansittra saħħitna. 

More in Politika