Owen Bonnici | Sentiment pożittiv ħafna għas-sena akkademika li jmiss

Jiena nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja mill-qalb lill-edukaturi kollha tal-impenn kbir matul dawn il-ġimgħat, lill-istudenti u wkoll lill-ġenituri u l-kustodji ta’ uliedna, għas-saġrifiċċji imma bil-wisq aktar l-impenn li wrew

Matul il-ġimgħa li għadha kif għaddiet madwar l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi saru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena, dawk li huma magħrufin bħala l-End of School Celebrations. Qed isiru b’differenza, għaliex din is-sena, li kienet sena skolastika verament bla precedent, dawn l-attivitajiet varji gew organizzati onlajn, b’mod virtwali. Jien hadt sehem f'uhud minnhom.

Kollha nafu kif għaddejna dawn il-ġimgħat sħaħ, minħabba l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19. Bħala Ministeru u Dipartiment tal-Edukazzjoni rajna d-dħul ta’ miżuri, prattiċi u wkoll sistemi li għenu mhux ftit biex jitħarsu kemm l-istudenti u wkoll l-edukaturi tagħna.

Imma forsi l-aktar li messet lill-uliedna l-istudenti u lill-edukaturi kienet it-tkomplija tal-edukazzjoni tagħhom permezz tal-mezzi elettroniċi. U kellhom ikunu wkoll dawn il-mezzi li permezz tagħhom qed isiru dawn l-attivitajiet ħelwin immens. Iċ-ċelebrazzjonijiet kienu sbieħ ħafna, din is-sena aktar mis-soltu. Għax qed isiru f’atmosfera virtwali, meta s-soltu jkun hemm l-element aktar uman bejn l-edukaturi u l-istudenti tagħhom.

Din is-sena l-firda tal-kuntatt uman damet ġimgħat sħaħ, minħabba li l-egħluq tal-iskejjel wasslet biex l-edukazzjoni ssir onlajn, bin-nuqqas tal-kuntatt fi klassi, imma min naħa l-oħra l-edukaturi daħlu b’mod virtwali fid-djar tal-istudenti u l-istudenti daħlu fid-djar tal-edukaturi tagħhom.

Jiena nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja mill-qalb lill-edukaturi kollha tal-impenn kbir matul dawn il-ġimgħat, lill-istudenti u wkoll lill-ġenituri u l-kustodji ta’ uliedna, għas-saġrifiċċji imma bil-wisq aktar l-impenn li wrew.

Vera kienet sena mhux bħall-oħrajn, imma li huwa żgur huwa li qed tintemm sena skolastika li m'hi se tintesa' qatt!

L-iktar ħaġa li laqtitni f'uħud mil-laqgħat virtwali li attendejt mat-tfal u l-edukaturi tagħna, hu s-sens pożittiv ħafna favur il-ftuħtas-sena skolastika li jmiss f'Settembru. It-tfal u l-edukaturi t-tnejn jinsabu mimlija ottimiżmu u pożittivi favur il-ftuħ tal-iskejjel, fejn l-edukazzjoni tmur lura ghan-normalità. Kulħadd qed iħares b'mod sabiħ ħafna lejn Settembru li ġej meta se nerġgħu niftħu l-bibien tagħna tal-iskejjel għan-normalità li tant qed nieħdu gost nerġgħu ngħixu flimkien.

Kburi hafna b'dan is-sens sabih ta' ottimizmu u pozittivita' li zgur ma ġiex b'kumbinazzjoni.

+++

Ix-xogħol baqa’ għaddej u kien imiss li nniedi l-prospett għas-sena akkademika li jmiss tal-Giovanni Curmi Higher Secondary.

Minn qalbi lqajt l-istedina li għamilli l-Kap tal-iskola għat-tnedija ta’ dan il-prospett. It-tagħlim post-Sekondarju għandu l-iskop primarju biex jagħti aċċess lill-istudenti tagħna u jħejjihom għad-dinja tax-xogħol. Aħna bħala Gvern dejjem konna kommessi li ngħinu kemm nistgħu lill-istudenti jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u ntuhom l-għodda neċessarja biex ikunu kapaċi jaħsbu b’mod indipendenti.

L-edizzjoni li qed tinħareġ din is-sena hija kemxejn differenti mis-snin preċedenti billi tirrifletti ċ-ċirkostanzi partikolari li s-sena skolastika li qed tispicca ghaddiet minnhom.

Fil-prospett hemm lista tal-korsijiet kollha offruti, nkluż il-programmi ta’ edukazzjoni non-formali, li qed jiksbu suċċess minn sena għall-oħra. Fil-prospett hemm ukoll dettalji dwar ir-rekwiżiti meħtieġa biex wieħed jibda xi wieħed mill-korsijiet offruti mill-iskola.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li organizzajna sostnejt li wara l-ftuħ tac-child care centres u l-ftuħ ta' Skola Sajf minn nhar l-erbgħa li ġej, kollox jinsab lest biex niftħu f'Settembru li ġej l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna.

+++

Din il-ġimgħa kelli wkoll tliet okkażjonijiet interessanti.  

Ġejt ippreżentat bil-ktieb ‘L-Elf Mistoqsijia ta' Dino Ricciolino Dwar il-Virus Corona’, pubblikazzjoni li saret bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u li huwa mmirat għal tfal bejn it-tliet snin u l-għaxar snin.

Minħabba l-pandemija COVID-19, ħafna familji madwar id-dinja, speċjalment it-tfal, raw id-dinja tagħhom tinbidel mil-lejl għan-nhar. L-għan ta’ dan il-ktieb ċkejken huwa li jispjega b'mod ċar u ħafif, imma xjentifikament korrett, il-ħafna mistoqsijiet li jkollhom it-tfal.

L-għarfien huwa l-ewwel pass biex wieħed jifhem l-affarijiet li jkunu qed jiġru, għalhekk b’dan il-ktieb it-tfal qed jinghataw għodda bżonnjuża biex jaffaċċjaw ir-realtà imma wkoll iżidu fis-sens ta’ responsabbiltà biex jipproteġu lilhom infushom u lil qrabathom. Din il-pubblikazzjoni hija wkoll ta’ għajnuna lill-familji biex iwieġbu l-mistoqsjiet b’mod ċar.

Ħadt gost bid-deċiżjoni li jkun ktieb bilingwi, bil-Malti u kif ukoll bl-Ingliż. Dan biex nilħqu t-tfal kollha f’Malta u Għawdex. Se nagħtu wkoll l-ebook bil-Malti u bl-Ingliż b’xejn lill-istudenti.

Umbgħad kelli wkoll okkażjoni flimkien mal-Professur Alan Deidun għan-nom tal-Università ta’ Malta, li matulha presedejna ċerimonja ta' għoti ta' premjijiet lil studenti li ħadu sehem f'attivitajiet edukattivi ambjentali favur il-ħarsien tal-oċeani.

Aħna bħala gvern ninsabu kommessi li inżidu l-għarfien tal-istudenti tagħna permezz tal-edukazzjoni dwar il-pjaneta tagħna u kif l-azzjonijiet ta’ kuljum tagħna jħallu impatt fuqha. L-għan ewlieni tal-avveniment huwa li jispira lill-istudenti dwar l-oċeani u li tnissel kuxjenza fi ħdanhom dwar l-importanza għall-bnedmin li nibżgħu ghall-oċeani. Dan sar billi jimpenjahom fi proġetti hands-on, inkluż l-użu mill-ġdid ta' materjal mormi biex jipproduċu xogħlijiet ta’ arti jew artifatti utli, kif kien il-każ fl-edizzjonijiet preċedenti ta’ dan l- avveniment.

Ir-restrizzjonijiet tal-pandemija COVID-19 ta' din is-sena rriżultaw fl-għeluq tal-iskejjel, u għalhekk il-Konsorzju Nazzjonali tal-Litteriżmu dwar l-Oċejani organizza avveniment simili permezz ta’ mezzi teknoloġiċi rimoti, billi nieda kwiżż għall-istudenti lokali kollha tal-iskola primarja u sekondarja. Nirringrazzja lill-iskejjel kollha li ħadu sehem billi taw din l-opportunità lill-istudenti tagħhom u għenu jqajmu iżjed għarfien dwar dan is-suġġett bejniethom.

Kelli wkoll grupp ieħor ta’ studenti li ħadt gost niltaqa’ magħhom dil-ġimgħa. 

Grupp ta’ studenti mill-Iskola Sekondarja ta’ Ħad-Dingli u mill-Iskola Medja tar-Rabat tal-Kulleġġ San Nikola kklassifikaw fost l-aqwa erba’ timijiet fil-proġett Climate Detectives organizzat mill-European Space Agency. ltqajt mal-kapijiet tal-iskola, mal-prinċipal tal-Kulleġġ u mal-għalliema u mal-istudenti li kienu involuti fil-proġett u fraħtilhom għas-suċċess tagħhom.

Dawn l-istudenti kienu kapaċi jqajmu kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima billi ħolqu materjal li jippromwovi l-użu tad-dawl naturali, l-użu għaqli tal-elettriku u tal-ilma, il-valur tal-iskart bħala riżorsa, is-separazzjoni tal-iskart, tħawwil ta’ siġar indiġeni madwar l-iskola u fil-komunitajiet li jgħixu fihom. Jiena ninkoraġġixxi li iżjed skejjel bħal dawn jisimgħu lill-istudenti u jgħinuhom fejn huwa possibbli għax bl-ideat tagħhom kapaċi nġibu bidliet għall-ġid ta’ uliedna u ta’ ulied uliedna.

More in Politika