Carmel Cacopardo | It-turiżmu wara l-pandemija

It-turiżmu għadu staġjonali wisq u dan minnu innifsu jwassal għal kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ natura prekarja

It-turiżmu kien wieħed mis-setturi li l-iktar intlaqat bħala riżultat tal-pandemija  Covid-19. Tul is-snin in-numri tat-turisti li ġew iżuruna żdied kull meta tjiebet il-konnettività: min-naħa l-oħra hekk kif il-konnettività naqset u eventwalment waqfet kompletament, ġara bil-maqlub.

Iktar kmieni din il-ġimgħa bdew jaslu l-ewwel turisti fil-port u l-ajruport tagħna. Bil-mod qed terġa’ tiġi stabilita l-konnettività li twassal biex it-turiżmu jibda jirpilja bil-mod.  Il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia-Portelli f’dawn il-ġranet ħabbret il-mira tal-Gvern : 700,000 turist sal-aħħar tas-sena. Iktar kmieni t-tmexxija tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienet emfasizzat li jeħtieġ madwar sentejn biex il-wasla tal-passiġġiera tirkupra u naslu fejn konna qabel ma faqqgħet il-pandemija.

Jista’ t-turiżmu qatt jilħaq il-livelli ta’ qabel il-pandemija?

Jeżistu stimi diversi dwar il-kontribut tat-turiżmu lejn l-ekonomija.  Stima minnhom tipponta lejn kontribut dirett ta’ 5 fil-mija tal-ekonomija. Imma, bħala riżultat tal-impatt fuq setturi oħra dan is-sehem jitla għal madwar 12 fil-mija. Barijiet, restoranti, ħwienet li jbiegħu bl-imnut, attivitajiet pubbliċi, l-industrija tad-divertiment u t-trasport (in partikolari l-kiri tal-karozzi) huma dipendenti fuq it-turiżmu. Setturi partikolari bħat-tagħlim tal-Ingliż u ċ-ċentri tal-għaddasa huma meqjusa bħala parti integrali mill-ekonomija turistika.

Intqal ħafna dwar l-impatt tal-pandemija fuq il-lukandi. Imma anke dawk li jipprovdu sodod turistiċi barra mil-lukandi  ġarrew fuq spallejhom impatt sostanzjali avolja ftit li xejn issemmew fid-dibattitu konness mal-impatti tal-pandemija. Dan huwa settur li jinvolvi negozjanti żgħar u dawk li nirreferu għalihom bħala micro--businesses li kull wieħed minnhom jimpjega inqas minn għaxar persuni.

UNCTAD, l-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp,  iktar kmieni din il-ġimgħa ħabbret li l-iġġammjar tat-turiżmu minħabba l-pandemija  ser jiswa’ lill-industrija globali tat-turiżmu madwar $1.2 triljun . Din l-istima tista’ tirdoppja skond kif tiżviluppa t-tieni mewġa tal-pandemija.

Il-Ġamajka tista’ titlef madwar 11 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku, t-Tajlandja  9 fil-mija, l-Italja 5 fil-mija. Fl-Unjoni Ewropeja l-agħar impatti huma mal-kosta Mediterranja fejn l-ekonomija hi dipendenti ħafna fuq it-turiżmu. Minbarra Malta hemm l-Italja, l-Kroazja, is-Slovenja, Cipru u l-Greċja li kollha ntlaqtu sew. It-Turkija u t-Tunesija, parteċipanti Mediterranji fl-industrija turistika ukoll iġġammjaw, wara li gawdew minn żidiet sostanzjali fin-numri ta’ turisti tul is-snin.

Il-miġja fostna tal-linji tal-ajru low-cost bħala parti essenzjali mill-politika tat-turiżmu illum tpoġġi emfasi ikbar fuq in-numri. Din hi għażla politika li saret u li teħtieġ li tkun eżaminata u analizzata fil-fond

Jagħmel sens li l-Gvern, f’dan il-waqt, permezz tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, qiegħed jiffoka fuq li jġib lill-industrija tat-turiżmu lura fuq saqajha. Dan imma, mhux biżżejjed. Jeħtieġ li nibdew naħsbu dwar il-futur tal-industrija u dan billi neżaminaw fid-dettall dak li l-industrja teħtieġ li tiffaċċja fit-tul.

Fi tmiem is-sena li għaddiet, l-2019, ilħaqna in-numru ta’ 2.8 miljun turista iżuruna. Il-punt hu jekk dawn in-numri humiex sostenibbli. Dan hu argument ta’ dejjem li ilu għaddej sa minnmeta n-numri kienu ferm iżgħar.  Id-dibattitu kien, u għandu jibqa’ jkun dwar jekk għandniex niffukaw iktar fuq il-kwalità milli fuq il-kwantità.

Il-miġja fostna tal-linji tal-ajru low-cost bħala parti essenzjali mill-politika tat-turiżmu illum tpoġġi emfasi ikbar fuq in-numri. Din hi għażla politika li saret u li teħtieġ li tkun eżaminata u analizzata fil-fond.  L-impatti ekonomiċi għandhom jitqiesu fl-istess ħin mal-impatti ambjentali.  Irridu niftakru kontinwament li t-turiżmu jiġġenera bosta impatti ambjentali.

Wasal iż-żmien li nirrealizzaw li d-dibattitu  meħtieġ dwar il-futur tat-turiżmu jeħtieġ li jsir fl-isfond tal-Patt l-Aħdar: The Green Deal.

L-emissjonijiet tal-ajruplani ser ikollhom ikunu indirizzati fil-futur qarib. Hu inevitabbli li jiddaħħlu taxxi dwar dawn l-emissjonijiet (carbon taxes) fi żmien mhux il-bogħod. Jekk mhux ser jittieħdu passi immedjati dwar dawn l-emissjonijiet ser ikun ħafna iktar diffiċli, biex ma ngħidx impossibli, biex ikunu ndirizzati l-konklużjonijiet tas-Summit Klimatiku ta’ Pariġi tal-2015. Summit li Malta ħarġet tiftaħar li kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi li rratifikatu. F’dak il-mument (jekk nibqgħu ma nieħdux passi) mhux biss it-turiżmu jaqla’ daqqa kbira oħra imma tkun il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll li tieħu daqqa l-isfel.

Il-gżejjer Maltin, bħall-parti l-kbira tal-gżejjer imxerrda mal-ibħra, ikunu minn tal-ewwel biex jaqilgħu ġo fihom l-impatti tat-tibdil fil-klima. Il-kosta tkun effettwat bl-għoli tal-livell tal-baħar. Tajjeb li niftakru li l-infrastruttura tat-turiżmu qegħda kważi kollha mal-kosta! Iktar ma ninjoraw dan il-fatt bażiku ikbar tkun id-daqqa li naqilgħu.

S’issa naħseb li kulħadd irrealizza kemm l-industrija tat-turiżmu hi waħda fraġli. Kull xokk li l-industrija isofri jista’ jwassal għal tnaqqis kbir fl-impiegi f’din l-industrija. It-turiżmu għadu staġjonali wisq u dan minnu innifsu jwassal għal kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ natura prekarja.

Jeħtieġ li nippjanaw iżjed billi nħarsu il-bogħod u fuq medda twila ta’ żmien: naħsbu u nippjanaw sewwa dwar l-impatti soċjali, ambjentali u ekonomiċi ta’ kull deċiżjoni. Dan wara kollox hu l-proċess li jwassal għal żvilupp sostenibbli.  Hu l-unika mod kif nistgħu nassiguraw li l-impatti negattivi tal-industrija tat-turiżmu nistgħu nindirizzawhom illum qabel għada. 

More in Politika