Carmel Cacopardo | Messhom ilhom li nqaflu Kordin
'Is-swaba’ kollha jippuntaw lejn Konrad Mizzi, issa konvenjentement imkeċċi mill-Grupp Parlamentari Laburista, u tal-protettur tiegħu Joseph Muscat'
Din kienet waħda minn dawk il-ġimgħat li kellu f’moħħu Harold Wilson mexxej Laburista fir-Renju Unit meta kien emfasizza li fil-politika, ġimgħa hu perjodu twil ħafna.
Hemm żewġ ġrajjiet partikolari li spikkaw din il-ġimgħa. L-ewwel waħda hi d-determinazzjoni tal-Kap tal-PN Adrian Delia li jkisser il-partit li għadu jmexxi. It-tieni grajja hi r-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-verifika (NAO) dwar il-konċessjoni mogħtija lil Vitals Global Healthcare (VGH) mill-Gvern Malti. Ir-rapport tal-NAO ikkonkluda li bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare kien hemm ftehim jew arranġamenti bil-moħbi, minn wara dahar kulħadd.
Kemm il-Partit Laburista fil-Gvern kif ukoll il-Partit Nazzjonalista fl-Opposizzjoni bħalissa huma fi stat ta’ taħwid kbir, li, kif qalet l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min Iħaddem f’nofs il-ġimgħa jista’ jkollu impatti gravi li jwasslu għal kollass politiku u istituzzjonali. Il-Gvern Laburista ilu bi sħab ma dawk li jfittxu li jqaxxru il-kaxxa nazzjonali għal dawn l-aħħar seba’ snin. In-nuqqas ta’ Opposizzjoni Parlamentari li kapaċi taġixxi għamlitha iktar faċli mhux biss biex il-Labour jevita l-kontabilità imma fuq kollox biex ikompli jfittex opportunitjaiet ġodda biex tkompli tinselaħ il-kaxxa ta’ Malta.
Konrad Mizzi u Joseph Muscat flimkien ma’ dawk li kienu jħufu madwarhom messhom ilhom li nqaflu Kordin: Konrad ta s-sehem tiegħu fil-ħolqien tal-opportunitajiet mimlijin b’dellijiet ta’ korruzzjoni ta’ kull xorta u Joseph li kontinwament ipproteġieh. Inkoraġġew stat Mafjuż. Dawk li jmexxu bil-kontijiet u kumpaniji fil-Panama b’dikjarazzjonijiet li ser ikunu f’posizzjoni li jiddepożitaw €5000 kuljum f’dawn il-kontijiet.
L-elezzjoni riċenti għat-tmexxija Laburista intilfet minn dawk li riedu jitfuhom ġewwa. Rebħet il-kampanja favur il-kontinwità: għax din kienet tagħti tama lil min kien jippreferi li tibqa’ l-protezzjoni.
Joseph Muscat irnexxielu jittrasforma lill-Partit Laburista u l-Gvern immexxi minnu f’bejta tal-ħallelin: verżjoni moderna ta’ Ali Baba Carmel Cacopardo
L-investigazzjoni tan-NAO dwar il-kuntratti tal-Vitals Global Healthcare (VGH) intalbet mill-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM). Ir-rapport hu intitolat “An audit of matters relating to the concession awarded to Vitals Global Healthcare by Government. Part 1: A review of the tender process.” Il-fatt li dan hu biss l-ewwel parti jfisser li għad hemm ħafna iktar informazzjoni li qed tistenna li tkun magħrufa.
Ir-rapport ta’ 219 paġna huwa wieħed dettaljat. Il-punt bażiku hu li saħansitra qabel mal-Gvern ħareġ is-sejħa għall-proposti (Request for Proposals) kien diġa ftiehem mal- Vitals Global Healthcare permezz ta’ ftehim sigriet li l-Gvern m’għaddiex kopja tiegħu lill-Ufficcju Nazzjonali tal-Verifika (NAO). Imma mill-verifika ħareġ li l-Vitals Global Healthcare, mas-sottomissjonijiet bi tweġiba għas-sejħa għall-proposti, ippreżenta ittra mill-Bank of India bħala garanzija li kellu aċċess għall-finanzi meħtieġa għall-“Malta Healthcare Project”. Din l-ittra, imma, kellha data li kienet ħmistax il-ġurnata qabel ma ħarġet is-sejħa tal-Gvern Malti dwar il-proġett. L-eżistenza ta’ dan id-dokument wasslet lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) biex jikkonkludi li din kienet prova “of the VGH’s prior knowledge of the planned project and proof of collusion with Government, or its representatives.”
Din hi l-agħar kundanna possibli tal-proċess tax-xiri użat mill-Gvern u tat-tidwir mal-proċess li jitħaddem normalment taħt id-direzzjoni tad-Direttur tal-Kuntratti: responsabbiltà politika tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.
Is-swaba’ kollha jippuntaw lejn Konrad Mizzi, issa konvenjentement imkeċċi mill-Grupp Parlamentari Laburista, u tal-protettur tiegħu Joseph Muscat. Imma Edward Scicluna ukoll għandu responsabbiltà politika għal dak li messu għamel u m’għamlux.
Wara kollox kien riċentement, nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju 2020 li Edward Scicluna, huwa u jirċievi ir-rapport annwali għall-2019 tal-Bord li jikkunsidra appelli minn deċiżjonijiet dwar tenders fis-settur pubbliku (Public Contracts Review Board - PCRB), emfasizza dwar il-ħtieġa li l-Ministeri differenti jeħtieġ li jieħdu ħsieb u jindukraw il-professjonisti fil-qasam finanzjarju tant meħtieġa biex jissorveljaw in-nefqa pubblika. Dakinnhar kien saħaq li l-pajjiż kien kommess għall-għola livelli ta’ kwalità.
Ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar il-Vitals Global Healthcare (VGH) malajr qallu x’kienudawn l-ogħla livelli ta’ kwalità li għalihom għandu responsabbiltà politika Edward Scicluna!
Il-Prim Ministru Robert Abela ipprova jdaħħaq meta qal li r-rapport dwar il-Vitals Global Healthcare mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kien prova ta’ kemm jaħdmu l-istituzzjonijiet. Naħseb li l-iktar konklużjoni importanti li wieħed jista’ jislet mir-rapport hu li Joseph Muscat irnexxielu jittrasforma lill-Partit Laburista u l-Gvern immexxi minnu f’bejta tal-ħallelin: verżjoni moderna ta’ Ali Baba u l-erbgħin ħalliel. Il-fatt li Robert Abela ippreżenta ruħu bħala l-kandidat tal-kontinwità jfisser ħafna, għal min irid jifhem.