Owen Bonnici | Aktar investiment fl-Edukazzjoni

Iktar ma jgħaddi żmien, iżjed qed naraw li bosta studenti jagħżlu korsijiet vokazzjonali u għalhekk ninsab verament kuntent li l-MCAST qed tieħu l-passi u d-deċiżjonijiet neċessarji sabiex istituzzjoni bħalha tibqa’ dejjem tikber u timxi ’l quddiem

Din il-ġimgħa bħala Ministeru kellna żewġ okkażjonijiet li fihom rajna aktar investiment għaddej fis-settur edukattiv. Wieħed huwa investiment infrastrutturali u ieħor investiment f’riżorsi edukattivi. L-investiment f’dan is-settur huwa varju u kollu għandu l-importanza tiegħu. Kemm dak l-investiment li permezz tegħu naraw ħolqien ta’ spazji edukattivi u wkoll dak l-investiment li permezz tiegħu nkunu qed insaħħu t-tagħlim – għal kull età.

Żort il-proġett taċ-Ċentru tar-Riżorsi fil-kampus tal-MCAST b’investiment ta’ €10 miljun, kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020 (ERDF), u proġett li mistenni jkun lest sal-bidu tas-sena skolastika 2021-2022. Dan huwa proġett interessanti ferm, kemm bħala binja imma wkoll bħala kunċett. 

L-investiment huwa importanti biex inkomplu niżviluppaw l-ambjent fiżiku kif ukoll ninvestu fl-istudenti u fl-edukaturi tagħna. U dan iċ-ċentru huwa eżempju ta’ kif nibnu spazji għat-tagħlim bl-aħħar teknoloġija biex jibbenefikaw minnu uliedna u ulied uliedna. Dan mhuwiex biss investiment f’binja imma rridu noħolqu spazju li fih l-edukaturi u l-istudenti joħolqu xogħol kreattiv u innovattiv, spazju li jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni lil hinn mill-klassi. 

Iktar ma jgħaddi żmien, iżjed qed naraw li bosta studenti jagħżlu korsijiet vokazzjonali u għalhekk ninsab verament kuntent li l-MCAST qed tieħu l-passi u d-deċiżjonijiet neċessarji sabiex istituzzjoni bħalha tibqa’ dejjem tikber u timxi ’l quddiem.

Iċ-ċentru, f’binja mifruxa fuq erba’ sulari jinsab fl-aħħar fażi tiegħu. Se jkollu fih diversi faċilitajiet u servizzi għall-istudenti fosthom żewġ spazji għal esebizzjoni, auditorju, 14-il uffiċċju għad-diretturi u għall-maniġers, żewġ boardrooms, sittax-il klassi, kafetterija, librerija maqsuma fuq żewġ sulari kif ukoll spazju fejn wieħed jista’ jaħdem u jistudja, kamra tal-proġetti u kamra tal-logħob.

Binja li fiha se jkun hemm faċilitajiet adekwati għat-tħejjija tal-istudenti li se jkunu speċjalizzati f’oqsma vokazzjonali speċifiċi kif meħtieġ mill-industrija. L-istrategija tagħna hija li nkomplu noħolqu opportunitajiet ta’ investiment fit-taħrig vokazzjonali li jiffaċilita l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa. Bħala pajjiż għandna nkomplu niffukaw fuq l-iżvilupp tal-ħiliet li jtejbu l-impjegabbiltà.

Se jkollu wkoll Ċentru tar-Riżorsi tal-Librerija u t-Tagħlim li se toffri varjetà ta’ riżorsi u ta’ teknoloġiji utli tal-informazzjoni għall-istudenti u għall-edukaturi, u wkoll Taqsima ta’ Għajnuna fit-Tagħlim biex din taħdem mill-qrib mal-istituti tal-MCAST ħalli jiġi żgurat li l-istudenti jirċievu l-appoġġ akkademiku neċessarju ħalli jiksbu l-ħiliet akkademiċi u jsiru indipendenti fl-istudji tagħhom.

Persważ li meta jinfetaħ, se jkun minjiera ta’ opportunitajiet għall-istudenti kollha li jattendu l-MCAST, kemm fuq bażi full time u wkoll fuq bażi part-time u wkoll għall-edukaturi kollha tagħhom.

+++

Investiment ieħor huwa fit-tagħlim. Kif dejjem ngħid, qatt ma huwa tard li titgħallem, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tiegħek u l-età tiegħek. U hawnhekk inħares lejn it-Tagħlim Tul il-Ħajja, forsi magħruf aħjar bħala Lifelong Learning. Dan kiseb importanza kbira matul dawn l-aħħar snin, speċjalment minħabba li t-tagħlim dejjiemi għandu diversi implikazzjonijiet marbuta miegħu. Jiswa għall-prospetti tal-karriera, il-qagħda personali u wkoll l-inklużjoni soċjali. It-tagħlim tul il-ħajja huwa xi ħaġa li tiswa għall-individwu b’mod personali.

Aħna dan ninkoraġġuħ sew, għax nemmnu li t-tagħlim m’għandux età. U fiż-żminijiet li ninsabu fihom, hemm il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni biex dawk kollha li jixtiequ jkomplu t-tagħlim tagħhom, jagħmlu dan. Għalija bħala l-ministru responsabbli u wkoll għall-Ministeru għall-Edukazzjoni, din hija prijorità, li naraw li jkun hemm aktar li jersqu lejn xi kors jew ieħor biex ikabbru l-għarfien tagħhom, biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom.

Iċ-ċentru, f’binja mifruxa fuq erba’ sulari jinsab fl-aħħar fażi tiegħu. Se jkollu fih diversi faċilitajiet u servizzi għall-istudenti fosthom żewġ spazji għal esebizzjoni, auditorju, 14-il uffiċċju għad-diretturi u għall-maniġers, żewġ boardrooms, sittax-il klassi, kafetterija

Dan rajnieħ meta din il-ġimgħa nidejt ’l fuq minn 450 kors għall-adulti għas-sena akkademika 2020/2021. 

Aħna bħala Gvern ninsabu kommessi fit-tisħiħ tal-edukazzjoni għall-adulti biex dawn ikollhom opportunità jtejbu l-ħiliet tagħhom, jilħqu l-għanijiet personali, u jżidu ċ-ċans għall-impjegabilità. F’dinja moderna li għaddejja minn żvilupp kontinwu, l-edukazzjoni ma tistax tibqa’ limitata sal-età obbligatorja - l-iżviluppi kontinwi permezz tal-edukazzjoni huma ta’ importanza fundamentali. It-tagħlim mhux biss jissoda l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u l-iżvilupp personali, imma saħansitra s-sostenibbiltà, il-kompetittività u l-impjegabilità.

Din is-sena kien hemm ukoll żviluppi marbuta mal-korsijiet imħabbra. Ittieħdu ċerta deċiżjonijiet wara li kienu analizzati l-impatt tagħhom kemm fuq l-istudenti kif ukoll fuq l-edukaturi. Dawn id-deċiżjonijiet ġabu xi tibdil fil-mod kif jopera t-Tagħlim tul il-Ħajja. Imma huma bidliet li se jkunu ta’ benefiċċju għas-settur edukattiv. 

Ħabbarna li għall-ewwel darba numru ta’ korsijiet se jingħataw kompletament onlajn. Din hija aħbar li zgur li se tintlaqa’ tajjeb u hija riflessjoni ta’ dak li ġara fil-ġimgħat tal-COVID-19. Bl-għeluq tal-iskejjel it-tagħlim tradizzjonali fil-klassijiet mar fuq livell ta’ tagħlim onlajn – xi ħaġa li kienet suċċess u mfaħħra minn bosta, ankè minn entitajiet internazzjonali.

Dan is-suċċess wassal biex it-tagħlim onlajn imur ukoll għal numru ta’ korsijiet fil-prospett tal-Lifelong Learning li tnieda.

Apparti hekk, minn din is-sena, l-età tal-applikanti għall-korsijiet tniżżlet għal 15-il sena. Din id-deċiżjoni ttieħdet bħala miżura preventiva kontra t-tluq bikri mis-sistema edukattiva, u se jkunu offruti lezzjonijiet b’rata raġonevoli ħafna għal dawk l-istudenti li ma jistgħux iħallsu għal-lezzjonijiet privati bi preparazzjoni għall-eżamijiet tas-SEC. 

Din hija prijorità oħra. U qed nagħmlu minn kollox biex nagħtu l-opportunitajiet kollha lill-istudenti kollha. Aħna ma rridu naraw lil ħadd iħossu maqtugħ minn sħabu jew mis-sistema edukattiva sempliċiment għax ma jkollux il-mezzi.

ll-korsijiet se jibdew f’Ottubru 2020 sa Jannar 2021 jew Mejju 2021, u l-applikazzjonijiet infetħu fil-15 ta’ Lulju u għandhom miftuħin sas-7 ta’ Awwissu 2020. Ninkoraġixxi lil dawk kollha li jixtiequ jkomplu jkabbru l-oriżżonti tagħhom, biex ma jaqtgħux qalbhom u japplikaw.

Aħna bħala gvern se nkomplu għaddejjin bl-investiment. Mhux biss investiment fil-bini, imma investiment ukoll fit-tagħlim, żewġ elementi li qed nimpenjaw ruħna fihom biex naraw li dejjem intejbu lil dan is-settur tant importanti.

More in Politika