Owen Bonnici | Inħarsu ‘l quddiem għal sena skolastika ġdida
it-tliet sulari fl-iskola tal-Qawra fejn se jkun hemm il-klassijiet tat-tfal tal-primarja saru b’kuluri differenti apposta, bil-għan li t-tfal ikunu jafu f’liema sular hija l-klassi tagħhom
Il-ġimgħa l-oħra kienet ġimgħa oħra ta’ xogħol fil-Ministeru li matulha komplejna għaddejjin bil-preparamenti, diskussjonijiet u wkoll laqgħat dwar diversi proġetti li għaddejjin fis-settur edukattiv. Għalkemm ix-xhur tas-Sajf b’mod ġenerali jkunu kajmani fl-attività, imma fil-Ministeru l-preparamenti għax-Xitwa jkunu fil-qofol tagħhom. U din is-sena hija sena li matulha kellna l-perjodu tal-COVID-19, li mingħajr ma ridna daħħalna wkoll f’atmosfera differenti u bla preċendet, li issa bil-ħidma kollettiva tal-Gvern ħriġna minnha.
Il-ħidma kollettiva għaddejja wkoll fis-settur edukattiv. Din il-ġimgħa iffokajna sew fuq xogħol infrastrutturali li għaddej u li se jgawduħ l-istudenti u l-edukaturi meta jirritornaw għall-bankijiet tal-iskola fl-istaġun skolastiku li jmiss.
Fuq quddiem hemm ix-xogħol fl-iskola l-ġdida tal-Qawra. Bħala gvern u permezz ta’ dan il-ministeru, għandna prijorità li fejn huwa possibbli naraw li jkollna skejjel moderni, mgħammra bl-aħħar teknoloġija u wkoll li jkollhom ambjent li fih kemm l-istudenti u wkoll l-edukaturi jkunu komdi fil-vjaġġ eċitanti edukattiv tagħhhom.
U dan l-ambjent żgur li wettaqnieh fl-iskola l-ġdida tal-Qawra. Skola ġdida u moderna, b’investiment ta’ madwar €13-il miljun, li hija mifruxa fuq medda ta’ 9,500 metru kwadru u li tant kien hemm bżonnha f’din iż-żona ta’ pajjiżna. Skola b’39 klassi, kindergarten u wkoll Ċentru għall-Ħarsien tat-Tfal u b’kumdità ta’ lifts biex il-binja tkun aċċessibli għal kulħadd, li huwa mportanti ferm. Hemm ukoll sala li tkun tista’ tintuża għal skopijiet differenti, u faċilitajiet sportivi kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa, b’parkeġġ għal 400 karozza li qiegħed taħt l-iskola.
Bħal ma sar fl-iskola l-ġdida ta’ Marsaskala, hemm ukoll kodiċi ta’ kuluri li qed tintuża biex tagħti dehra isbaħ, imma fl-istess ħin biex tgħin lit-tfal. Filfatt it-tliet sulari fl-iskola tal-Qawra fejn se jkun hemm il-klassijiet tat-tfal tal-primarja saru b’kuluri differenti apposta, bil-għan li t-tfal ikunu jafu f’liema sular hija l-klassi tagħhom. Imma dawn il-kuluri jagħtu dehra sabiħa u vivaċi lill-ambjent li se jkunu fih l-istudenti.
L-iskola se tiftaħ f’ħinijiet normali u għal dawk il-ġenituri li jaħdmu, huwa fil-pjan tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi li minn Settembru/Ottubru li ġej jinfetaħ ukoll Klabb 3-16 fil-Qawra stess.
Semmejt l-iskola l-ġdida ta’ Marsaskala. Naf żgur li l-ferħ u l-eċitament li kellhom it-300 student meta fi Frar tas-sena li għaddiet żanżnu l-iskola ġdida tal-primarja ta’ Wied il-Għajn b’investiment ta’ €6 miljun, se jkun replikat fuq wiċċ il-500 student li se jżanżnu din l-iskola l-ġdida.
B’hekk f’dawn is-snin li ilna fil-Gvern inkunu bnejna 7 skejjel ġodda. U dalwaqt nibdew dik tal-Imsida. Anké hawn għaddej xogħol kbir. Filfatt issa wasal fi tmiemu l-iskavar tas-sit tal-Iskola Primarja l-ġdida fl-Imsida. Hawn se nibnu skola kompletament ġdida, li wkoll se tkun mgħammra b’ċentru għall-ħarsien tat-tfal u kindergarten. Din l-iskola, bħal skejjel oħrajn li qegħdin nibnu, se jkollha parkeġġ taħt l-art u wkoll se tkun waħda li tirrifletti ambjent sikur, ħarsien tal-ambjent u fuq kollox ambjent modern u bl-aħħar teknoloġija għall-istudenti u l-edukaturi tagħna.
Apparti x-xogħol infrastrutturali, nkomplu għaddejjin ukoll bi tħejjijiet oħra. Wara l-għeluq tal-iskejjel minħabba l-pandemija, qed nagħmlu minn kollox biex l-esperjenza edukattiva għall-istaġun skolastiku li jmiss tkun waħda impekkabbli għat-tfal tagħna u wkoll dawn li jindukrawhom fit-tagħlim tagħhom.
Fuq binarju ieħor nibqa’ wkoll għaddej nagħti l-appoġġ tiegħi lill-għaqdiet imxerrda ma’ pajjiżna bix-xogħol importanti tagħhom biex jgħinu lill-membri tagħna fil-komunità. Qed nirreferi hawnhekk għat-tnedija tal-80’s & 90’s Music Festival organizzat mill-Għaqda Mużikali San Leonardu ta’ Ħal Kirkop.
Waqt it-tnedija ta’ din l-attività tajna dettalji dwar waħda mill-akbar attivitajiet organizzati matul dawn l-aħħar erba’ snin mill-Għaqda Mużikali San Leonardu b’risq tal-Fondazzjoni Inspire. Apparti mis-suċċess tal-attività nnifisha, bl-organizzazzjoni għal din l-attività ammont kbir ta’ żgħażagħ jinteressaw ruħhom biex jingħaqdu mal-għaqda mużikali u jgħinu lil nies vulnerabbli.
Dawn l-attivitajjiet nagħtihom kull appoġġ u għajnuna għaliex nemmen li l-edukazzjoni ma tingħatax biss fil-klassi imma anke barra mill-
iskola, inklużi għaqdiet mużikali lokali li joffru tipi differenti ta’ tagħlim u żvilupp ta’ ħiliet.
F’dan il-każ, l-Għaqda Mużikali ta’ San Leonardu involviet tliet għalliema professjonali biex joffru taħriġ speċjali f’sezzjonijiet differenti li jifforma parti minn banda tipika Maltija. Apparti mill-edukazzjoni mużikali, għaqdiet mużikali joffru liż-żgħażagħ u lil membri ħafna opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom permezz ta’ tagħlim informali. Żgħażagħ u membri jistgħu jkunu parti mill-organizzazzjoni ta’ attivitajiet varjati filwaqt li jkunu parti minn kumitati varjati. Barra minn hekk, huwa enfasizzat li bħala parti mill-impenn soċjali, tkun organizzata attività annwali għall-ġbir ta’ fondi għal nies fil-bżonn.
Tul is-snin, għaqdiet mużikali madwar Malta komplew jevolvu, kemm fil-mod tal-organizzazzjoni tal-festa u anke fl-edukazzjoni tal-mużika. Illum il-ġurnata għaqdiet mużikali għandhom settijiet professjonali tagħhom stess għall-edukazzjoni tal-mużika.
Din is-sena se tkun immarkata bħala l-ħames sena tal-festival tal-mużika li jsir f’Ħal Kirkop għal darb’ oħra b’kollaborazzjoni mal-
Fondazzjoni Inspire sabiex iktar donazzjonijiet ikunu miġbura għal kawża filantropika u ġusta. Ta’ min isemmi li matul dawn l-aħħar erba’ snin inġabru u ngħataw total ta’ €10,000 lill-Fondazzjoni Inspire.
Nixtieq insmmi wkoll żewġ okkażjonijiet ta’ dil-ġimgħa nteressanti ferm.
Ġejt ippreżentat bi ktieb ‘L-Esperjenza tat-Tagħlim’ ta’ Dr Terence Portelli, senior lecturer fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, bi speċjalizzazzjoni fuq it-tagħlim tal-Malti. Ktieb ġdid jagħti ħarsa strutturata u dettaljata lejn l-istadji ewlenin taċ-ċiklu tat-tagħlim: it-tħejjija, it-twettiq u t-tgħarbil ta’ din l-esperjenza kumplessa. L-idea wara dan il-ktieb hija li l-esperjenza edukattiva tal-istudenti tkun waħda pożittiva skont kemm l-għalliema jagħrfu jinsġu flimkien komponenti differenti taċ-ċiklu tat-tagħlim tul il-vjaġġ edukattiv tal-istudenti tagħhom.
U nagħlaq billi ngħid prosit lill-Iskola primarja ta’ Birkirkara fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża u l-Iskola Primarja Żejtun B li kklassifikaw fit-tieni u t-tielet post fid-dinja rispettivament li l-aktar għamlu użu mill-pjattaforma diġitali J2Webb waqt il-pandemija.