Miriam Dalli | Irkupru Ekonomiku: Mhux Biss Kwistjoni ta’ Numri
Meta nsemmu baġits ta’ rkupru, m’aħniex sempliċement qed nilgħabu bin-numri, iżda qed nieħdu azzjoni mingħajr preċedent għal sitwazzjoni unika
Malta kisbet l-ikbar allokazzjoni finanzjarja mill-baġit Ewropew fid-dawl tal-pandemija Covid-19. L-allokazzjoni ta’ €2.25 biljun għas-seba snin li ġejjin hija sinnifikanti, speċjalment meta tqis li r-Renju Unit mhux se jibqa’ parti mill-Unjoni Ewropea - it-tieni l-ikbar kontributur għall-finanzi Ewropej, u meta tqis li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fl-aħħar snin kien tajjeb ħafna.
Il-Prim Ministru Robert Abela kellu diskussjonijiet mal-President tal-Kunsill Ewropew u Kapijiet ta' Gvernijiet oħra, li magħtulhom spjega punti speċifiċi relatati ma' Malta. Hawn intqal li minkejja l-prestazzjoni ekonomika qawwija ta’ pajjiżna f'dawn l-aħħar snin, Malta, bħala Stat Membru u bħala gżira żgħira, għandha sfidi uniċi li huma differenti minn dawk ta' Stati Membri oħra.
L-allokazzjoni ta’ fondi u l-użu ta’ dawn il-fondi rridu nqisuhom mhux biss f’sens matematiku. Irridu dejjem niftakru li Covid-19 ħatfet il-ħajja t’eluf fl-Ewropa u fid-dinja u wasslet għal kriżi bla preċedent b'konsegwenzi diżastrużi għan-nies, għall-familji, għall-ħaddiema u għan-negozji. L-imxija tal-pandemija wasset għal xokk bla preċedent għall-ekonomija globali, tant li l-impatt tagħha inħass b’aktar saħħa mill-Kriżi Finanzjarja Globali tal-2008 u d-Depressjoni Ekonomika tal-passat.
Meta nsemmu baġits ta’ rkupru, m’aħniex sempliċement qed nilgħabu bin-numri, iżda qed nieħdu azzjoni mingħajr preċedent għal sitwazzjoni unika. L-irkupru tal-Ewropa għandu jagħmel sens mhux biss biex nirpiljaw malajr, imma biex nirpiljaw b’mod sostenibbli u li jagħmel sens fit-tul. Għandu jkun irkupru bbażat fuq il-ħsieb li l-ekonomiji tagħna joħorġu minn din il-kriżi aktar b'saħħithom, reżiljenti, sostenibbli u kompetittivi.
Jekk inħarsu b’mod partikolari lejn Malta, fejn ħajjet in-nies inbidlet konsiderevolment, ma ndumux wisq ma nosservaw kemm il-komunità Maltija adattat malajr għall-bidla u kif dan il-mod li bih addattajna poġġa lil pajjiżna fuq quddiem nett tal-ġlieda kontra din il-pandemija. Sakemm inkomplu nilqgħu għal din is-sitwazzjoni u nistinkaw biex noħorġu minnha, ma nistgħux inpoġġu aspetti bħall-ħarsien ambjentali fil-ġenb. Irridu niżguraw li ninvestu f’mudell ekonomiku ġdid li jirrispetta r-riżorsi tagħna u jsostni l-ambjent li ngħixu fih, aktar milli jippreġudika l-kwalità tal-ħajja u l-benesseri tagħna.
Jeħtieġ li ninvestu r-riżorsi tagħna fejn tassew huwa importanti għall-ġejjieni tagħna u ta’ wliedna; sorsi ta' enerġija aktar nodfa u miżuri li jħaddmu riżorsi b'mod responsabbli. In-nies għandhom ikunu fil-qalba tas-soluzzjoni tagħna, bl-ikbar importanza tingħata lil stil ta’ ħajja b’saħħtu, mhux biss il-vijabilita’ ekonomika ta’ dak kollu li nikkunsmaw. Mudell ekonomiku li jibda jmexxina l-bogħod mid-dipendenza tagħna fuq sorsi ta’ tniġġiż. Għandu jkun hemm investiment ikbar f’oqsma bħax-xogħol remot. Il-mentalita konservattiva li bix-xogħol remot qed nagħmlu xi pjaċir lill-ħaddiema biss, ma tagħmel ġid lil ħadd. Fid-dinja mgħaġġla tal-llum jekk indaħħlu aktar prattici ta’ xogħol remot, jista’ jiggwadanja kulħadd.
Jeħtieġ li ninvestu r-riżorsi tagħna fejn tassew huwa importanti għall-ġejjieni tagħna u ta’ wliedna; sorsi ta' enerġija aktar nodfa u miżuri li jħaddmu riżorsi b'mod responsabbli. In-nies għandhom ikunu fil-qalba tas-soluzzjoni tagħna, bl-ikbar importanza tingħata lil stil ta’ ħajja b’saħħtu, mhux biss il-vijabilita’ ekonomika ta’ dak kollu li nikkunsmaw
Il-Gvern Malti żgura allokazzjoni bla preċedent taħt il-Politika ta' Koeżjoni u l-Agrikoltura. Ejja niżguraw li meta naħdmu biex nirkupraw is-settur agrikolu tagħna, nagħmlu enfasi fuq il-konsum ta’ produzzjoni agrikola lokali li hija ħielsa mill-pestiċidi u sustanzi tossiċi oħra. Wara kollox, jekk kien hemm episodju li wriena kemm hu importanti l-prodott lokali, kien propju dan tal-Covid-19.
L-għaqal fit-tfassil ta’ triq ’l quddiem ma jieqafx f’dak kollu li hu direttament assoċjat mal-ambjent, iżda jmiss kull settur. L-industrija tal-kostruzzjoni, per eżempju, spiss hija meqjusa bħala l-oppost ta’ dak kollu li huwa ġid ambjentali. Iżda l-kostruzzjoni tista' tkun imfassla b’mod sostenibbli wkoll, bl-introduzzjoni ta’ aktar pjanijiet ta’ tħaddir u aktar effiċjenza fil-mod li nużaw l-enerġija. Il-kostruzzjoni tista’ wkoll tkun estetikament pjaċevoli aktar milli blokok ta’ konkrit li ma jsebbħux l-irħula u l-ibliet tagħna. B’hekk ukoll inkunu qed intejbu l-għixien tagħna. Ejja ninvestu fir-restawr u d-disinn mill-ġdid ta' bini eżistenti, nagħtu ħajja ġdida lill-ambjent urban u nimmotivaw lir-residenti tal-komunità.
Fuq skala wiesa, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha tagħha xorta jridu jimpenjaw ruħhom għall-policies sostenibbli, bħall-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Ftehim ta' Pariġi. Malta għandha dawn l-obbligi wkoll. Lil hinn minn dawn l-impenji diġa’ stabbiliti, issa li żgurajna allokazzjoni ekonomika bla preċedent, irridu aktar minn qatt qabel viżjoni strateġika sostnuta b’liġijiet, inċentivi u infuzar jekk ikun hemm bżonn, biex nibnu soċjeta’ aktar reżiljenti milli kellna s’issa. Irridu nbiddlu l-mudell ekonomiku tagħna li s’issa ma tax wisq każ tal-impatti fit-tul tal-qerda tal-abitat naturali tagħnau b’hekk ma setax ikun mudell sostenibbli.
Fl-aħħar jiem żort ukoll negozjanti Għawdxin li kellmuni fuq l-impatti li ħassew minħabba l-pandemija. Innotajt li lkoll kemm huma biddlu xi ftit jew wisq in-natura tal-operat tagħhom, biex setgħu jibqgħu għaddejjin. Jekk kapaċi nadattaw ruħna f’tant qasir żmien u b’mod tant urġenti, aħseb u ara x’kapaċi nagħmlu bħala nazzjon jekk flimkien niddeċiedu li l-ġejjieni se jkun differenti mill-passat, fis-sens li se npoġġu l-ewwel u qabel kollox quddiem għajnejna l-kwalita’ ta’ ħajjitna u ħajjet uliedna, u l-bżonn li nimxu id f’id mal-ambjent naturali tagħna għall-progress tagħna. Nemmen li daqs kemm dan huwa żmien ta’ sfida bla preċedent, huwa wkoll żmien ta’ opportunita’ bla preċedent, u rridu naħdmu bla preċdent ukoll biex din l-opportunita’ ma nitilfuhiex.