Owen Bonnici | Malta bl-anqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro

Iż-żgħażagħ kienu fost dawk li l-aktar gawdew mit-tnaqqis fil-qgħad f’pajjiżna

Nhar it-Tlieta fil-Parlament meta kont qed inwieġeb il-Mistoqsijiet Parlamentari tkellimt dwar diversi suġġetti fosthom il-qagħad u l-impjiegi u tajt informazzjoni dwar dan il-qasam. Spjegajt kif il-pjan ta’ dan il-Gvern għall-ekonomija tagħna huwa fit-triq it-tajba u wkoll kif hemm fiduċja dejjem tikber fis-settur.

Urejt kif l-aħħar statistika turi li b'kuntrast ma' ħafna pajjiżi madwar id-dinja, Malta diġà beda jkollu suċċess fil-ġlieda kontra l-qgħad li rriżulta mis-sitwazzjoni bla preċedent li ġabet magħha COVID-19.

Fi tmiem Ġunju l-ammont ta’ nies jirreġistraw għal impjieg naqas għal 4,270 imqabbel ma’ 4,409 fi tmiem Mejju - tnaqqis ta’ 139 persuna, jew 3%. Dan ifisser li kull ġurnata f’Ġunju madwar 5 persuni ma baqgħux ikollhom bżonn jirreġistraw għax kienu sabu impjieg.

Wara li t-Tnejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ din l-istatistika, dan kien ukoll ikkonfermat l-Erbgħa bil-kejl tal-Unjoni Ewropea, dak tal-Labour Force Survey, li f’rapport ukoll wera li kien hemm tnaqqis fil-qgħad.

Fil-fatt, waqt li kien hemm tnaqqis ta’ 139 persuna jirreġistraw bejn Mejju u Ġunju, bil-kejl aktar wiesa’ tal-Labour Force Survey, it-tnaqqis fl-ammont ta’ persuni li qegħdin ifittxu mpjieg ilaħħaq 181 persuna.

Stqarrija oħra, din id-darba tal-Eurostat li kienet ippubblikata l-Ħamis, tgħid li Malta issa għandha l-anqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro flimkien mal-Ġermanja. Din l-istqarrija tikkonferma li, filwaqt li f’Malta l-qgħad beda jonqos, fl-Unjoni Ewropea dan kompla jiżdied matul Ġunju. Fil-fatt, f’pajjiżna r-rata ta’ qgħad naqset għal 4.2% f’Ġunju minn 4.3% f’Mejju. Dan meta madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm żieda minn 7.0% għal 7.1%, filwaqt li fiż-żona ewro ż-żieda kienet minn 7.7% għal 7.8%.

L-ogħla rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea hija fi Spanja, li issa jlaħħaq 15.6% jew kważi erba’ darbiet ir-rata f’pajjiżna. L-uniċi pajjiżi li għandhom rata anqas minn pajjiżna huma r-Repubblika Ċeka u l-Polonja. 

Iż-żgħażagħ kienu fost dawk li l-aktar gawdew mit-tnaqqis fil-qgħad f’pajjiżna. Fil-fatt, ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin naqset minn 12.3% f’Mejju għal 11.9% f’Ġunju. Dan meta madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm żieda minn 16.2% għal 16.8%.  

Il-Gvern huwa kommess li jkompli jieħu miżuri ħalli jonqos il-qgħad u jirriġenera l-ekonomija. Fix-xhur li ġejjin, il-Gvern se jkompli jaħdem biex il-ġlieda kontra l-qgħad tkompli tintrebaħ u aktar familji jkollhom dħul aħjar

It-tnaqqis fir-rata tal-qgħad f’pajjiżna seħħ fix-xahar li fih tnieda l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika. Il-fiduċja u s-sostenn li ta dan il-pjan serva biex pajjiżna jmur kontra t-tbassir ta’ ħafna li kien se jkun hawn żieda qawwija fil-qgħad. Minflok, pajjiżna għall-ewwel darba qed ikun il-pajjiż bl-anqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro. 

Ta’ min jiftakar li l-agħar rata li qatt ġiet irreġistrata f’pajjiżna kienet 8.5% f’Awwissu 2003. Fil-leġiżlatura ta’ qabel l-2013, l-ogħla rata kienet 7.3% f’Diċembru 2009. Dan ifisser li r-rata osservata bħalissa f’pajjiżna hija kważi nofs dik li kienet irreġistrata waqt ir-riċessjoni tal-2009.

Il-Gvern huwa kommess li jkompli jieħu miżuri ħalli jonqos il-qgħad u jirriġenera l-ekonomija. Fix-xhur li ġejjin, il-Gvern se jkompli jaħdem biex il-ġlieda kontra l-qgħad tkompli tintrebaħ u aktar familji jkollhom dħul aħjar.

+++

F’żewġ okkażjonijiet separati li kelli din il-ġimgħa mall-kollega Clifton Grima, ħadt gost niltaqa’ ma’ studenti ta’ setturi differenti u wkoll ippreżentajtihom ċetifikat għal dak li rnexxielhom jiksbu. Żewġ ċerimonji ħelwin u sinifikanti.

F’ċerimonja minhom qassamna ċ-ċertifikati lil dawk l-istudenti li temmew id-diversi stadji tal-programm Youth.inc., li huwa mmexxi minn Aġenzija Żgħażagħ u huwa programm ta’ esperjenza edukattiva għal żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena li jixtiequ jkomplu jibnu fuq l-esperjenza edukattiva tagħhom u jwessgħu l-għarfien tagħhom, il-valuri u l-ħiliet biex jew jidħlu fil-qasam tax-xogħol jew biex jiggwadanjaw kwalifiki biex ikomplu t-taħriġ tagħhom. 

Permezz ta’ dan l-avveniment nagħtu messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk iż-żgħażagħ kollha li forsi ġewhom xi dubji mill-esperjenza edukattiva tagħhom imma bis-saħħa ta’ dan il-programm komplew itejbu u jiżviluppaw il-ħiliet kif ukoll il-kapaċitajiet tagħhom. 

Nawgura lil dawk kollha li spiċċaw b’suċċess dan il-kors, nifraħ lil dawk kollha li se jibdew dan il-vjaġġ edukattiv u wkoll nirringrazzja lil kull min huwa nvolut fil-proċess biex nipprovdu għajnuna fis-settur edukattiv lil uliedna u ulied uliedna.

Fl-okkażjoni l-oħra, ippreżentajna ċ-ċertifikati lill-istudenti ta’ MQF 3 fil-ħdax–il sena, matul ċelebrazzjoni tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport. 

L-Iskola Nazzjonali tal-Isport tagħti ċans lill-istudenti atleti ta’ bejn is-seba’ sena u l-ħdax-il sena skolastika li jsegwu programm speċjalizzat fuq dixxiplini sportivi differenti. Matul il-ħames snin fl-iskola sekondarja, dawn l-istudenti atleti għandhom madwar 500 siegħa ddedikati biex jiżviluppaw u jkomplu jsaħħu t-talenti sportivi tagħhom. L-iskola riedet tagħti valur għal dawn il-ħinijiet twal ta’ taħriġ u għalhekk inħolqu żewġ programmi: Foundations in Sports Specific, MQF 2 u Progressive Sports Specific, MQF 3. Dawn iż-żewġ programmi ġew akkreditati MQF 2 u MQF 3 rispettivament mill-Malta Qualifications Framework. Iż-żewġ programmi jimmiraw lejn għarfien, ħiliet u kompetenzi speċifiċi fejn dawn l-istudenti atleti huma mistennija li jiksbu fl-aħħar taż-żewġ programmi. 

Permezz ta’ dan il-programm, l-istudenti huma mħeġġa jsegwu u jinvestu fil-ħiliet sportivi tagħhom. L-għan tal-ministeru tagħna huwa li ninkoraġġixxu bilanċ bejn l-akkademika u l-isport biex l-istudenti jkollhom stil ta’ ħajja b’saħħtu. Bl-għajnuna ta’ dan il-programm, l-istudenti jingħataw l-opportunità li jesploraw karrieri relatati mal-isport, li jistgħu jiftħulhom opportunitajiet kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna.

Dan iċ-ċertifikat għandu l-istess valur daqs ċertifikat tal-Matrikolazzjoni tal-Università ta’ Malta u l-istudenti-atleti jistgħu jippreżentaw dan iċ-ċertifikat biex japplikaw għall-iskejjel post-sekondarji.

Aħna bħala Gvern ninsabu kommessi li nipprovdu lill-istudenti tagħna għarfien edukattiv vast kemm jekk ikun akkademiku jew ukoll relatat mal-isport. Kif dejjem ngħid, irridu li l-vjaġġ edukattiv ta’ uliedna jkun wieħed eċitanti u wkoll wieħed li jieħdu gost jivvjaġġaw fih.

More in Politika