Editorjal | L-għażla f'idejn it-tesserati tal-PN: Jew issa jew qatt!
Nappellaw lit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista biex jinżgħu minn fuqhom l-emozzjoni, is-sens ta' rabja u l-pika li jħossu, probabbilment b'mod ġustifikat. Minflok, jiddeċiedu fuq dawn il-mistoqsijiet f'sobrjetà, fl-għerf u bil-ħarsa lejn il-futur immedjat u oltrè
L-għażla li għandhom it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista - anke jekk is-sitwazzjoni tal-partit fl-Oppożizzjoni hija mwiegħra - mhijiex daqstant diffiċli jekk jiftakru x'għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista. U bħalissa x'għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista?
L-aktar bżonn urġenti tal-PN hija l-għaqda flimkien mal-voti. Qatt daqs illum il-PN ma kien daqshekk mifrud u mkisser bejn dawk li jħossu illi Adrian Delia qed iħalli r-riżultati u għandu jibqa' u dawk li jħossu li mhux jagħti riżultati tajbin u allura jħossu li għandu jitlaq. Il-firda tmur oltrè minn hekk fil-fatt: Bejn dawk li għandhom għeruqhom fil-partit u li ġejjin minn dinastiji sħaħ marbutin mal-PN: Il-familji Fenech Adami, De Marco, Borg Olivier u aktar u dawk li daħlu fil-partit jew bdew jimmilitaw aktar fih ma' Delia. Bejn dawk li huma l-ħassieba tal-partit u dawk li għadhom qed jitgħallmu jimxu fiha.
Il-PN għandu bżonn il-voti, il-voti li ilu jitlef gradwalment mill-2008 u l-emoraġija li kompliet tiggrava sal-2019 meta l-partit tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b'42,000 vot u tilef telfa aktar umiljanti fil-Kunsilli Lokali: B'distakk ta' 47,000 (39.8%). Jekk f'elezzjoni ġenerali - li tista' tkun bejn ftit xhur u sentejn minn issa, il-Partit Nazzjonalista jkompli jnaqqas aktar voti u jkabbar aktar dan id-distakk, allura se jkun qed iħares lejn żewġ xenarji: Il-periklu tal-qerda assoluta tiegħu mix-xenarju politiku lokali jew għallinqas il-qerda tiegħu minn kif nafuh illum u s-saħħa assoluta u eseġerata lill-Gvern, li jersaq jew jikseb iż-żewġ terzi fil-Parlament. Din tkun xejn inqas minn traġedja demokratika!
Mela l-PN jeħtieġ isib is-soluzzjoni u malajr. Ma jistax joqgħod jilgħab għall-ħin u għaż-żmien u jaħsibha. Kif ngħidu: Jew issa jew qatt!
Min huwa l-kandidat li jista' jgħaqqad lill-partit? Liema kandidat huwa l-aktar probabbli li jwaqqaf l-emoraġija - l-ewwel u qabel kollox - imbagħad jreġġa' din ix-xejra lura u jerġa jibda jikseb il-voti għall-Partit Nazzjonalista? Adrian Delia jew Bernard Grech?
Il-Partit Nazzjonalista mbagħad għandu bżonn viżjoni u skop li llum tilef. Anke l-unika għajta fl-2017 jiġifieri dik tal-korruzzjoni - li jekk ma rebbħitx lill-PN xorta għaqqditu u tagħtu skop - tilef u dan għaliex biex tiġġieled il-korruzzjoni trid tkun nadif u taħt ebda forma ta' dubji. Mhux qaddis. Mhux anġlu. Imma nadif u b'intenzjonijiet nodfa u ġenwini, b'intenzjonijiet li tnaddaf u bla skeletri gravi fil-gwardarobba li jistgħu jfixxkluk milli tkun l-aġent vera tal-politika onesta.
Min miż-żewġ kandidati li jidher illi se jkunu qed itellqu għall-pożizzjoni ta' Kap Nazzjonalista jista' jkun dan l-aġent tal-politika onesta bl-inqas tfixkil possibbli? Adrian Delia jew Bernard Grech?
Jekk iġġibuha ħażin - jaf lanqas ikun għad fadal PN ftit xhur oħra. Jew issa tagħmlu l-pass kuraġġuż u tajjeb anke jekk diffċli, jew qatt!
Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn Kap li jkun qrib in-nies, kariżmatiku - imma mhux biss. Il-grazzja ma ġġibx voti. Kap hemm bżonn ikun fuq kollox alternattiva kredibbli. Alternattiva differenti minn Gvern Laburista, li tista' tagħmel l-affarijiet differenti fejn hemm bżonn isiru differenti. Kap li kapaċi joħloq il-viżjoni tal-partit għall-pajjiż u jgħaqqad lil kulħadd taħtha - f'umbrella ta' interessi differenti li jingħaqdu għal għan komuni. Viżjoni ekonomika, fit-trasport, fil-komunikazzjoni, fit-turiżmu, fis-saħħa, fl-ambjent, fl-immigrazzjoni, fuq il-faqar u x-xogħol prekarju. Kap li kapaċi jattira lejh ix-xellug xi ftit jew wisq aljenat mill-Partit Laburista.
Min huwa l-aktar alternattiva kredibbli għall-Gvern Laburista li jista' verament joffri din l-isfida lill-Gvern? Adrian Delia jew Bernard Grech?
U finalment il-PN għandu bżonn Kap li se jattira lura lejn il-PN mhux biss in-nies imma l-ħassieba, l-istrateġisti, in-nies li twieldu u għexu fil-politika, in-nies li għandhom saqajhom mal-art u fl-irħula u t-toroq tal-pajjiż. In-nies li jattiraw lin-nies, iż-żgħażagħ li se jattiraw ġenerazzjoni ta' żgħażagħ lejn il-Partit Nazzjonalista. Il-PN għandu bżonn Kap li se jammetti fejn il-PN żbalja, jirrikonoxxi il-ħafna tajjeb li għamel Gvern Laburista u jipproponi Gvern rikonċiljattiv, magħqud, frisk, effiċjenti, tan-nies u lest biex ibiddel fejn hemm bżonn jinbidel.
U min jista' jagħmel dan? Adrian Delia jew Bernard Grech?
Nappellaw lit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista biex jinżgħu minn fuqhom l-emozzjoni, is-sens ta' rabja u l-pika li jħossu, probabbilment b'mod ġustifikat. Minflok, jiddeċiedu fuq dawn il-mistoqsijiet f'sobrjetà, fl-għerf u bil-ħarsa lejn il-futur immedjat u oltrè.
Jekk iġġibuha ħażin - jaf lanqas ikun għad fadal PN ftit xhur oħra. Jew issa tagħmlu l-pass kuraġġuż u tajjeb anke jekk diffċli, jew qatt!