Carmel Cacopardo | Gambetti lill-Konvenzjoni Kostituzzjonali
Flok ma joqgħodu jilgħabu bil-Kostituzzjoni kull tant żmien, ikun ferm aħjar jekk induruha dawra sew flimkien u dan wara konsultazzjoni pubblika
Il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, kien ewforiku dwar il-bidliet kostituzzjonali li ftehmu dwarhom il-Partit Nazzjonalista u l-Gvern Laburista. “Ftehim storiku” qal.
Ikun opportun li ninnutaw li dan il-ftehim bejn Gvern u Oppożizzjoni sar bil-bibien magħluqin. Għal darb’oħra ma kienx hemm konsultazzjoni pubblika. Il-Konvenzjoni Kostituzzjonali, preżentement fil-limbu, ngħatat gambetta oħra. Kif ġie emfasizzat iktar kmieni din il-ġimgħa minn Pieter Omtzigt, rapporteur Olandiż tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Malta u s-saltna tad-dritt, il-bidliet ta’ din ix-xorta għandhom isiru bis-serjeta.
Filwaqt li l-partiti fil-Parlament kontinwament jitkellmu favur il-ħtieġa tal-konvenzjoni kostituzzjonali, b’għemilhom jimminawha kontinwament. Tal-PLPN jidher li jemmnu li għandhom xi dritt divin li jiddettaw it-tibdil meħtieġ għall-kostituzzjoni. B’għemilhom kontinwament jagħtu l-ġenb lill-konsultazzjoni pubblika. Il-Kostituzzjoni, imma, mhix tagħhom biss, iżda hi tagħna lkoll. Il-Parlament għaldaqstant m’għandu l-ebda dritt li jimponi riformi kostituzzjonali mingħajr konsultazzjoni pubblika adegwata.
Il-qbil li, fil-futur, il-President tar-Repubblika jkun elett b’appoġġ li ma jkunx inqas minn żewġ terzi tal-Membri tal-Parlament hu pass il-quddiem mis-sitwazzjoni attwali. Imma jikkuntrasta ma’ proposta ta’ Alternattiva Demokratika li ilha li ġiet ippreżentata lill-Konvenzjoni Kostituzzjonali li biha l-Kunsilli Lokali, flimkien mal-Membri Parlamentari jkunu involuti direttament fil-ħatra tal-Kap tal-Istat. Meta l-PLPN iddeċidew dwar din il-proposta kif ukoll dwar emendi oħra, bejniethom, bil-bibien magħluqin, kienu għal darb’oħra qed jagħtu bis-sieq lill-konsultazzjoni pubblika. Il-ħatra tal-Kap tal-Istat m’għandhiex tibqa’ l-prerogativa tal-Parlament: ir-rapprezentanza demokratika fil-lokalitajiet ukoll għandha tkun involuta attivament f’din l-għażla.
Apparti li hemm bżonn mod aħjar milli għandna illum kif nagħżlu l-Kap tal-Istat wasal iż-żmien li nikkunsidraw jekk il-President tar-Repubblika għandux ikollu l-possibilità li jirrifjuta li jiffirma liġi jekk ikun tal-fehma li din tmur kontra l-Kostituzzjoni. Anke dwar dan Alternattiva Demokratika ipproponiet lill-Konvenzjoni Kostituzzjonali li l-President għandu jkollu din ir-responsabbiltà li meta liġi jqisha li tmur kontra l-Kostituzzjoni jibgħatha lura lill-Parlament biex dan jikkunsidraha mill-ġdid. Permezz tal-ġurament tal-ħatra l-President tar-Repubblika jwiegħed li jħares il-Kostituzzjoni, iżda mbagħad ma jingħata l-ebda għodda kostituzzjonali biex ikun jista’ jwettaq dan l-obbligu. L-awtorità morali tal-Kap tal-Istat mhix biżżejjed biex jissavagwardja l-Kostituzzjoni meta l-Parlament ikun jidhrilu li jista’ jiġi jaqa’ u jqum minn kollox u minn kulħadd.
Mezzi oħra tal-media preżentement qed jiffukaw fuq ir-rwol tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju tal-partiti politiċi. Anke dwar dan, repetutament, Alternattiva Demokratika emfasizzajna li f’demorkazija moderna dan ma jagħmilx sens, għalkemm dejjem irridu nżommu quddiem għajnejna ċ-ċirkustanzi li minħabba fihom il-partit laburista u l-partit nazzjonalista għandhom dawn il-mezzi. Alternattiva Demokratika ipproponiet lill-Konvenzjoni Kostituzzjonali li l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi għandhom jingħalqu u dan f’kuntest ta’ riforma mill-qiegħ tax-xandir fil-pajjiż. Il-PLPN għandhom kull interess li dibattitu bħal dan jostakolawh għax inkella jispiċċaw jitilfu l-kontroll li għandhom fuq ix-Xandir.
Il-proposti pendenti quddiem il-Konvenzjoni Kostituzzjonali huma bosta.
Bi qbil bejn il-PLPN, il-President tar-Repubblika intalab li jikkoordina l-Konvenzjoni Kostituzzjonali. Dan qed isir bl-assistenza ta’ kumitat magħmul minn rappresentanti tal-PLPN, tlieta minn kull naħa. Dan ilu għaddej is-snin, sa minn qabel ma nħatar il-President tar-Repubblika attwali. S’issa, imma, jekk sar xi progress m’aħniex infurmati bih! Għax jidher li s-segretezza, sfortunatament, invadiet il-Palazz Presidenzjali ukoll.
Flok ma joqgħodu jilgħabu bil-Kostituzzjoni kull tant żmien, ikun ferm aħjar jekk induruha dawra sew flimkien u dan wara konsultazzjoni pubblika. Ir-riformi li jinħmew wara l-bibien magħluqin, il-metodu operattiv preferut tal-PLPN, mhumiex aċċettabbli.