Owen Bonnici | Inħarsu 'l quddiem

Nixtieq nirringrazzja sinċerament lil dawk kollha li qed jaħdmu bla heda biex it-tfal tagħna jerġgħu lura flimkien ma’ sħabhom fuq il-bankijiet tal-iskola f’Settembru li ġej

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol huwa impenjat bis-sħiħ li jkompli bit-tħejjijiet neċessarji bl-aħjar mod possibbli biex fit-28 ta’ Settembru, l-iskejjel ikunu jistgħu jiftħu u jirċievu studenti għas-sena skolastika li jmiss.

Fil-fatt, bdew isiru u se jkomplu jsiru numru ta’ laqgħat bejn il-Ministeru u l-partijiet interessati kollha biex jiddiskutu l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel. Il-laqgħat isegwu xogħol essenzjali li sar mill-Ministeru għal tħejjija sħiħa u komprensiva tas-sillabi tal-istudenti.

Intenni li t-tfal tagħna jistħoqqilhom l-aħjar possibbli u hija għalhekk din il-ħidma li għaddejja.

L-impenn tal-Gvern huwa dak li jiftaħ l-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi oħra fit-28 ta’ Settembru biex it-tfal tagħna, l-istudenti tagħna, jkomplu l-vjaġġ edukattiv tagħhom u wkoll jintegraw lura f’aspett importanti ieħor - l-ambjent edukattiv.

Huwa ovvju li aħna se nieħdu s-salvagwardji kollha meħtieġa biex nipproteġu mhux biss it-tfal iżda wkoll l-edukaturi. U din hija r-raġuni għaliex inbdew u se jkomplu serje ta’ laqgħat mal-partijiet interessati kollha li matulhom se niddiskutu, naqsmu l-ħsibijiet tagħna dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel għall-benefiċċju tat-tfal tagħna.

Nixtieq nirringrazzja sinċerament lil dawk kollha li qed jaħdmu bla heda biex it-tfal tagħna jerġgħu lura flimkien ma’ sħabhom fuq il-bankijiet tal-iskola f’Settembru li ġej.

Laqgħat pożittivi oħra kienu ma’ rapprezentanti tal-istudenti (f’ordni alfabetika) tal-KNZ, KSJC, KSM, KSU, Pulse u SDM. Dawn il-laqgħat kienu dwar is-sessjonijiet tas-SEC u l-MATSEC li se jibdew iktar tard dan ix-xahar. Dejjem insistejt li meta jkun hemm x’jiġi diskuss, jien ma niddejjaq qatt indur ma’ mejda u niddiskuti. Kif għamilt ma’ dawn ir-rappreżentanti tal-istudenti.

Min-naħa tagħna weġibna għad-domandi kollha li dawn l-organizazzjonijiet seta’ kellhom u qbilna dwar l-importanza li nkomplu nikkomunikaw. Nieħu l-opportunità li mill-ġdid nawgura kull suċċess lill-istudenti kolllha!

+++

Flimkien mall-kollega Michael Falzon, nedejt kompetizzjoni ta’ kitba ta’ kotba divertenti għall-edukazzjoni fil-kapaċità finanzjarja, immirati li jinkitbu mill-għalliema tal-primarja.

Dan il-proġett joħloq għodda edukattiva għall-għalliema u l-istudenti biex jitgħallmu dwar aspetti finanzjarji b’mod divertenti. Il-litteriżmu finanzjarju huwa tema kross-kurrikulari fis-sillabi tagħna. 

Huwa parti mir-riżultati tat-tagħlim li l-istudenti kollha għandhom jgħallmu matul l-esperjenza skolastika tagħhom. Il-litteriżmu finanzjarju huwa aspett importanti tal-edukazzjoni taċ-ċittadinanza, kif ifformulat fid-dokument tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. Bħala gvern, aħna kommessi biex ngħinu lill-istudenti tagħna bl-aħjar mod li nistgħu u nipprovdulhom l-għodda meħtieġa sabiex ngħinuhom jiżviluppaw aktar il-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom. Għalhekk, inħeġġeġ lil dawk kollha interessati biex jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni li ser tkun ta’ benefiċċju għal uliedna u ulied uliedna.

Il-kompetizzjoni tiżgura li l-awturi emerġenti u dawk stabbiliti huma mħeġġa jużaw it-talenti u l-

kreattività tagħhom biex jiktbu kotba dwar il-kapaċità finanzjarja, li filwaqt li jkunu edukattivi, ikunu wkoll divertenti, jiġbduk u jżommuk.

Kollox huwa essenzjali li nedukaw lit-tfal minn etajiet żgħar, dan anke jekk ċertu tfal ikunu jgħixu f’sitwazzjonijiet soċjali diffiċli fejn aktarx ma tantx ikollhom għarfien edukattiv. Għalhekk, il-Ministru Falzon stqarr li għandna nkomplu naħdmu biex naqbdu u nagħtu direzzjoni u gwida lil dawn it-tfal.  

Il-persuni li se jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni għandhom jiktbu fuq waħda jew aktar mill-ħiliet ewlenin tal-ħajja li l-Istrateġija għall-Irtirar u l-Kapaċità Finanzjarja tistabbilixxi li ċ-ċittadini Maltin għandhom jakkwistaw biex ikunu finanzjarjament kapaċi. 

+++

Kemm hu sabiħ li lit-tfal tagħna ngħallmuhom minn età żgħira r-reponsabbiltà ċivika. Ħadt gost bl-inizjattiva tas-Sindku Rita Grima u l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq biex titqajjem kuxjenza dwar l-indafa pubblika fejn jidħlu annimali domestiċi. Din il-kampanja edukattiva nedejniha flimkien mal-ħaddiema mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, LESA u ħaddiema tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.

Il-kampanja tolqot l-indafa fit-toroq relatata mal-annimali u għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-impatt negattiv li dan iħalli fuq l-ambjent, apparti n-nuqqas ta’ indafa li jikkawża fit-toroq fl-irħula. Minn dejjem xtaqt li ssir kampanja edukattiva dwar din il-problema li kważi kull raħal jew belt jgħaddi minnha f’xi punt jew ieħor. 

Għal dan l-għan wara diskussjonijiet li saru bejn LESA u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali flimkien mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, nedejna din il- kampanja. 

Ninsab ottimist li permezz ta’ din il-kampanja se nqajmu iżjed għarfien dwar is-sens ta’ responsabbiltà li wieħed għandu jkollu biex inżommu s-sbuħija tal-irħula tagħna anke billi nassiguraw l-indafa fejn jidħlu l-klieb tagħna. Bis-saħħa ta’ kampijiet edukattivi ta’ din ix-xorta qed inrawmu ċertu għaqal f’uliedna u f’ulied uliedna.

+++

Parti mix-xogħol tiegħi huwa li ovvjament inżomm ruħi aġġornat dwar ix-xogħol kbir li jkun qed isir fl-iskejjel u sistuzzjonijiet edukattivi tagħna, mhux biss fejn jidħol kurrikulu imma wkoll f’dak li huwa xogħol infrastrutturali, moderniżżar u tisbieħ li qed isir.

U qed isir ħafna u ħafna xogħol biex meta l-istudenti jerġgħu jibdew l-iskejjel, jidħlu f’ambjenti nodfa, moderniżżati, u wkoll f’każi, ambjenti ġodda.

Nieħu eżempju tal-Iskola Sekondarja f’Santa Luċija li nbniet fis-snin disgħin, imma mingħajr sala u kumpless sportiv. 

Għalhekk ħsibna fi proġett li permezz tiegħu qegħdin nibnu sala għall-attivitajiet soċjali, kif ukoll kumpless sportiv fuq ġewwa. Proġett li qed isir b’investiment ta’ madwar €4 miljuni, u se jkun lest fis-sena skolastika li jmiss. 

Dawn il-faċilitajiet se jkunu jistgħu jintużaw mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola. 

Uliedna jixirqilhom l-aħjar!

U għax uliedna jixirqilhom aħjar, qed nieħdu ħsieb li nduru dawra sew mal-iskejjel tagħna. Anki x-xogħol fl-iskola Sekondarja taż-Żejtun miexi ġmielu.  Qed nirreferi għall-proġett tax-xogħol ta’ tkabbir u mmodernizzar ta’ din l-iskola.

Imma wkoll f’diversi skejjel oħra qed isir ħafna xogħol, grazzi għal tim dedikat ta’ ħaddiema li matul il-jum ikunu impenjati b’xogħol ta’ żebgħa, tikħil, tisbieħ tal-ispazji miftuħa, xogħol ta’ irranġar ta’ uffiċini, lista ma tintemm qatt. Dan huwa gvern li huwa impenjat sew biex jara li l-ambjent tal-iskejjel tagħna jkun wieħed li jixraq għal uliedna u ulied uliedna. U dan huwa x-xogħol li għaddej bih il-Ministeru għall-Edukazzjoni, xogħol li minnu se jibbenefikaw l-istudenti u l-edukaturi bieżla tagħna

More in Politika