Stefan Zrinzo Azzopardi | Infasslu l-futur ta' pajjiżna
Fix-xhur li għaddew il-Gvern Laburista ħadem bis-sħiħ biex għadda mill-Parlament numru ta’ liġijiet importanti, fil-parti l-kbira tagħhom approvati b’mod unanimu
Il-Gvern Laburista qed ikompli joffri viżjoni għall-futur ta’ pajjiżna, liema viżjoni hija ċ-ċentru ta’ politika li trid twassal biex il-poplu tagħna jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar. Biex insostnu din il-viżjoni u narawha titwettaq fis-snin li ġejjin, pajjiżna għadu kemm kiseb mill-Unjoni Ewropea, l-akbar pakkett li qatt ġie negozjat għal Malta, jiġifieri €2.25 biljun li se jservu għal aktar investiment u għajnuna għat-tisħiħ tar-riġenerazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela l-ġimgħa l-oħra kellu l-opportunita jfisser fid-dettal din il-viżjoni waqt laqgħa tal-Kabinett li saret fil-bini tal-Kamra tal-Kummerċ. Viżjoni ta’ mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.
Il-Governanza
Fix-xhur li għaddew il-Gvern Laburista ħadem bis-sħiħ biex għadda mill-Parlament numru ta’ liġijiet importanti, fil-parti l-kbira tagħhom approvati b’mod unanimu, li bihom kompla jissaħħaħ il-qafas Kostituzzjonali tagħna. Bosta poteri li sa mill-Indipendenza ‘l hawn kienu dejjem jappartjenu lill-Prim Ministru, għaddew f’idejn l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u dan sar bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Veneżja. Dan kien sinjal ċar tad-determinazzjoni tal-Gvern li jsaħħaħ il-Governanza u s-Saltna tad-Dritt fil-pajjiż.
Fil-viżjoni li tkellem dwarha l-Prim Ministru Robert Abela l-ġimgħa l-oħra, huwa stqarr li l-Governanza tajba hija ċentrali għal ekonomija b’saħħitha li toffri a level playing field għal kulħadd.
Kif ħa nkabbru l-ekonomija
Id-direzzjoni ekonomika li ta lil pajjiżna l-Gvern Laburista mill-2013 ‘l hawn kienet waħda li tagħtna suċċess. Kellna tkabbir bla preċedent li wassal biex saħħaħna bil-kbira il-finanzi tal-Gvern tant li sena wara l-oħra rreġistrajna surplus. Il-qagħad tniżżel f’livelli li qatt ma kien fihom u l-livell tal-għajxien tal-poplu tagħna tjieb bil-bosta.
Iżda issa, jeħtieg li b’din il-viżjoni ġdida, it-tkabbir ekonomiku jsir b’mod li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Irridu aktar xogħol ta’ kwalità aħjar għall-ħaddiema filwaqt li l-familji jkollhom aktar ħin xi jqattgħu flimkien u li s-soċjeta tagħna tkun aktar ħanina l-aktar ma’ dawn li jkunu qed jaqgħu lura.
Il-ħajja tal-poplu tagħna tkun aħjar jekk inkunu qed ngħixu f’ambjent aħjar b’inqas storbju, b’inqas trabijiet fl-arja, b’postijiet aċċessibbli għal kulħadd u b’aktar dixxiplina f’diversi oqsma mhux l-inqas fl-indafa ta’ pajjiżna. B’ambjent aħjar irridu niffaċċjaw l-isfida tal-iskart, jkollna
Malta aktar nadifa u ippjanar tajjeb li jagħti aktar spazji miftuħa liċ-ċittadini tagħna.
Irridu nkomplu nagħmlu suċċess fit-turiżmu, mutur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku billi nattiraw lejn pajjiżna kwalità aħjar ta’ turist.
Edukazzjoni – pedament ewlieni tal-viżjoni ekonomika
Il-viżjoni tal-gvern tqis l-edukazzjoni bħala wieħed mill-pilastri fundamentali għal aktar suċċess. Edukazzjoni li twassalna għal ekonomija b’saħħitha fit-tul taż-żmien. It-tfal tagħna jridu jkunu ppreparati sew fil-Matematika, ix-Xjenzi u l-ekonomija diġitali. Irid ikollna sistema edukattiva li tipprepara lit-tfal u ż-żgħażagħ Maltin għall-oqsma l-ġodda tal-ekonomija dinjija, bħal Life Sciences, ir-robotika, coding, l-infrastruttura tal-IT, l-iżvilupp tas-sistemi ta’ software, l-intelliġenza artifiċjali, cloud computing u oqsma oħra li llum qed jitqiesu bħala r-raba’ rivoluzzjoni industrijali fid-dinja.
Għaldaqstant il-viżjoni tagħna hija li nibqgħu nimmodernizza l-infrastruttura edukattiva tagħna mhux biss fil-bini tal-iskejjel imma fil-preparazzjoni tal-għalliema u l-istudenti.
L-infrastruttura biex ikollna ħajja aħjar
Il-Gvern qed jaħseb biex għas-snin li ġejjin, jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż fid-diversi oqsma tagħha. Mhux l-inqas fil-bini tat-toroq tagħna fejn qed nistqarru li wasal iż-żmien li nitkellmu bis-serjeta fuq mezzi tat-trasport tal-massa li huma verament innovattivi. Hawnhekk wasal iż-żmien li jittieħdu d-deċiżjonijiet. L-infrastruttura trid taħseb ukoll biex tipprovdi mezz kif wieħed jivvjaġġa b-modi differenti, mhux inqas bil-mixi jew bir-roti.
Jeħtieġ ukoll li l-pajjiż ikollu infrastruttura diġitali aktar b’saħħitha bil-għan li titnaqqas il-burokrazija manwali u s-servizzi kollha għan-negozju jkunu online, miġburin f’portal wieħed. L-infrastruttura diġitali ta’ pajjiżna trid tibqa’ tissaħħaħ u f’dan ir-rigward tħabbar li Malta dalwaqt ikollha it-tieni fibre-optic cable li jgħaqqad b’mod aktar b’saħħtu lil Malta u Għawdex.
Il-miri ambjentali Ewropej nagħmluhom tagħna
Il-viżjoni tal-Gvern dwar l-ambjent tikkumplimenta dak li qed titlob l-Unjoni Ewropea, jiġifieri li sas-sena 2050, Malta wkoll tkun “Carbon Neutral”. Biex naslu għal dan il-Gvern qed ifassal miri intermedjarji li jridu jintlaħqu fis-sena 2030, fl-2040 u mbagħad fl-2050.
B’dawn il-miri ambizzjużi fil-qasam tal-ambjent se nibdew inħarsu lejn dan il-qasam bħala ingredjent kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Robert Abela, meta fisser il-viżjoni tiegħu fil-jiem li għaddew għamel stedina lill-aqwa mħuħ fil-pajjiż biex jingħaqdu flimkien ħalli jitfassal il-pjan ta’ kif se titwettaq din il-viżjoni ambjentali.
Fuq kollox, dan il-pjan irid jagħti prijorita lill-investiment barrani li jkun qed jipproponi proġetti li jħallu l-inqas impatt ambjentali fuq Malta jekk mhux ukoll impatt pożittiv.
Ix-xogħol ta’ ippjanar li għaddej bħalissa dwar kif ser jintużaw il-Fondi Ewropej fis-seba’ snin li ġejjin se jkun iggwidat minn dawn il-ħames prinċipji u se jkun parti mit-twettieq ta’ dawn l-għanijiet importanti.
Wara esperjenza ta’ sebgħa snin ta’ bidla mill-qiegħ fid-direzzjoni tal-pajjiż, bidliet u riformi kbar f’kull qasam tas-soċjeta Maltija, issa irridu nimbarkaw fuq proċess ta’ aktar tiġdid ta’ pajjiżna b’investiment b’saħħtu imsejjes fuq il-ħames prinċipji li semmejt. Dan l-investiment jiżgura li pajjiżna jibqa’ jirnexxi u flimkien negħlbu l-isfidi li għandna quddiemna u niżguraw Għada Aħjar.