Carmel Cacopardo | Kontradizzjonijiet
'Il-kontradizzjonijiet fil-politika ambjentali tal-Partit Laburista jimxu fuq l-eżempju tal-predeċessuri tagħhom fil-Gvern li waqt li kienu jokorbu biex nipproteġu l-ilma fasslu proġett biex l-ilma tax-xita jispiċċa kważi kollu l-baħar'
Jekk wieħed joqgħod biss fuq dak li jgħidu dawk li jitkellmu f’isem il-Gvern, malajr jasal għal konklużjoni żbaljata li qatt ma kellna Gvern favur l-ambjent daqs dan tal-lum. Sfortunatament l-affarijiet huma ferm differenti minn hekk!
Iktar kmieni din il-ġimgħa ġie fi tmiemu l-perjodu ta’ sitt ġimgħat konsultazzjoni dwar l-iskop tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Biodiversità u l-Pjan t’Azzjoni dwarha li għandu jwassal sal-2030. Għal xi raġuni li s’issa għad mhiex magħrufa għalfejn l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), għal dawn l-aħħar snin qed tikkonċentra l-konsultazzjonijiet importanti għax-xhur tas-sajf (b’mod partikolari tul Awwissu) meta hu magħruf li n-nies tieħu l-vaganzi u allura tistrieħ!
L-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Biodiversità u l-Pjan t’Azzjoni assoċjat magħha, bla dubju, meta jkun konkluż ser ifittex li jħares il-kapital naturali tal-pajjiż fit-totalità tiegħu.
Imma iktar kmieni din il-ġimgħa, Clint Camilleri, l-Ministru għall-Kaċċa u l-Insib, ħabbar li l-Gvern, għal darb’oħra, ser jerġa’ jipprova jissabotaġġa l-implementazzjoni tal-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Għasafar billi jipprova jisfrutta xi partijiet minnha! Il-konsulenti tal-Gvern qed jippruvaw jagħmlu użu minn dik il-parti tad-Direttiva tal-Għasafar li tipprovdi dwar l-istudji xjentifiċi: din tippermetti l-qbid ta’ numru żgħir ta’ għasafar ħajjin. Dan kollu, fil-fehma tal-Gvern u l-konsulenti tiegħu, jista’ jiġġustifika xi forma ta’ nsib!
Jidher li għadhom ma fehmu xejn: id-Direttiva tal-Għasafar tal-Unjoni Ewropea hi għodda Ewropeja dwar il-ħarsien tal-biodiversità u mhux strument biex jiġġustifika l-kaċċa jew l-insib!
Il-Prim Ministru Robert Abela, il-ġimgħa li għaddiet, waqt li kien qed jindirizza l-Kamra tal-Kummerċ ħabbar viżjoni msejsa fuq ħames punti. Wieħed minn dawn il-punti, li fl-aħħar induna bih, hu l-ħtieġa li naddottaw bħala mira li nilħqu n-newtralità fl-emissjonijiet tal-karbonju. Mira tajba, kieku dak li qed jgħid hu veru!
Dan hu każ ieħor fejn għal darb’ oħra, l-Gvern, ambjentalment qed juri wiċċ b’ieħor, kif wara kollox issa ilna li drajna! Il-Gvern ilu s-snin iberbaq il-miljuni tal-ewro fi żvilupp ta’ infrastruttura ta’ toroq li mhiex meħtieġa: l-iskop uniku hu li jirrinforza d-dipendenza fuq il-karozzi privati għax minnhom jiddependi ammonti kbar tad-dħul tal-Gvern: minn taxxi fuq petrol u diesel sa taxxi u liċenzji assoċjati mal-karozzi.
Il-Gvern ilu s-snin iberbaq il-miljuni tal-ewro fi żvilupp ta’ infrastruttura ta’ toroq li mhix meħtieġa: l-iskop uniku hu li jirrinforza d-dipendenza fuq il-karozzi privati għax minnhom jiddependi ammonti kbar tad-dħul tal-Gvern Carmel Cacopardo
Il-Gvern ikkummissjona studji, strateġiji u Pjani Nazzjonali u meta waslu għandu qalibhom ta’ taħt fuq. Id-dikjarazzjoni ta’ Robert Abela favur viżjoni bil-mira ta’ newtralità fl-emissjonijiet tal-karbonju hija f’kontradizzjoni mal-infieq massiċċ tal-Gvern fuq infrastruttura tat-toroq li mhix meħtieġa. Il-Gvern ta’ Abela, bħal dawk ta’ qablu (ħomor u blu), jaħseb li l-problemi jistgħu jissolvew billi jkunu bbumbardjati bil-miljuni tal-ewro. Il-flus ċertament dejjem ikunu ta’ għajnuna, imma jeħtieġ li jintużaw tajjeb u mhux jitberbqu kif qed iseħħ presentement.
L-ispazju li għandi hu limitat u allura ma nistax nispjega mill-ġdid il-proposti kollha li Alternattiva Demokratika għamlet dwar dan kollu tul is-snin: proposti Ii jiswew farka mill-miljuni li l-Gvern qiegħed iberbaq.
Ikun biżżejjed li niftakru li l-Pjan Nazzjonali dwar it-Trasport jispjega illi 50 fil-mija tal-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi privati fil-gżejjer Maltin għandhom tul li ma jaqbizx il-ħmistax-il minuta. Dan juri b’mod mill-iktar ċar mobilità primarjament ta’ natura lokali u reġjonali! Għal dan la hemm bżonn ta’ flyovers u l-anqas ta’ mini imma qafas biex fih jitħaddem transport lokali u reġjonali. Huma inizjattivi ta’ din ix-xorta li jnaqqsu l-karozzi mit-toroq li jgħinuna fit-triq diffiċli lejn n-newtralità fl-emissjonijiet tal-karbonju!
Għaddew madwar tlett snin minn meta l-predeċessur ta’ Robert Abela ħa proposta mill-Manifest Elettorali ta’ Alternattiva Demokratika dwar il-ħtieġa li nistabilixxu data li minnha lil hemm ma jinbiegħux karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel u dan flimkien ma proposti oħra dwar l-elettrifikazzjoni tat-trasport fit-toroq tagħna. Imma l-istudji mwegħda ma jidhrux b’nemes!
Il-kontradizzjonijiet fil-politika ambjentali tal-Partit Laburista jimxu fuq l-eżempju tal-predeċessuri tagħhom fil-Gvern li waqt li kienu jokorbu biex nipproteġu l-ilma fasslu proġett biex l-ilma tax-xita jispiċċa kważi kollu l-baħar. Proġett li spiċċa biex mal-ilma tax-xita, rema’ l-baħar, , miljuni ta’ euro f’fondi Ewropej!
Il-paroli tal-Labour u tal-PN dwar l-ambjent qatt ma solva xejn. Għax dejjem jgħidu ħaġa u jagħmlu oħra.