Owen Bonnici | Ix-Xjenza u l-qasam tax-Xogħol
Id-dinja tax-xogħol teveolvi maż-żmien. Mhux se nidħol fid-dettal, għax din il-materja hija studju fiha nnifisha. Imma d-dinja tax-xogħol inbidlet mil-lejl għan-nhar
Wara t-tagħlim fid-djar – dak li huwa tagħlim li jgħaddi mill-ġenituri għal uliedhom, it-tfal tagħna jiġu fdati f’idejn l-edukaturi biex minn età żgħira jgħaddu mill-għożża tal-familja, għall-għożża u d-dedikazzjoni tal-edukaturi tagħhom. Hija l-bażi tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.
U min hawn jibda l-vjaġġ eċitanti tal-edukazzjoni f’kull livell tagħha. Edukazzjoni li hija importanti mhux biss b’mod personali għal kull individwu bil-kapaċitajiet kollha li jħaddan, imma hija wkoll pass biex kull individwu jieħu l-qagħda tiegħu fis-soċjetà. Mill-bank tal-iskola jsib ruħu – kif ngħidu bil-Malti – fuq il-bank tax-xogħol.
Hemm rabta intrinsika għalhekk bejn l-edukazzjoni u d-dinja vasta u varja tax-xogħol.
Issa hemm differenza ewlenija bejn l-impjieg u l-impjegabbiltà. L-impjieg huwa bażikament post tax-xogħol. L-impjegabbiltà hija t-taħlita effettiva ta' ħiliet, attributi u attitudnijiet biex persuna tkun impjegata.
Waħda mill-għanijiet tagħna f'dan is-settur hija li nagħtu liż-żgħażagħ il-kompetenzi ewlenin meħtieġa biex jilħqu l-isfidi tas-suq tax-xogħol ta' Malta. Jiġifieri, mhux biss biex dawn isibu impjieg, iżda biex inħejjuhom ħalli jkollhom dak kollu li huwa meħtieġ għad-dinja dejjem tinbidel ta’ dan is-settur u dak li dan is-settur qiegħed ifittex bħala kapaċitajiet u ħiliet.
Id-dinja tax-xogħol teveolvi maż-żmien. Mhux se nidħol fid-dettal, għax din il-materja hija studju fiha nnifisha. Imma d-dinja tax-xogħol inbidlet mil-lejl għan-nhar. Filwaqt li dejjem baqa’ l-ħtieġa ta’ oqsma li mdorrijjin bihom, fl-era li qed ngħixu fiha bħalissa, dejjem qed jispikkaw aktar l-impjiegi marbutin mat-teknoloġija moderna, impjiegi li bħala bażi għandhom ix-Xjenza f’kull forom tagħha.
Għalhekk ninsabu f’dinja li fiha, dawk li jħaddmu qed ifittxu talent kwalifikat u ta’ ċertu kapaċitajiet, l-istudenti qed ifittxu korsijiet li jwassluhom għal dawn it-tip ta’ xogħol u l-istituti edukattivi qed jamalgamaw korsijiet bil-parteċipazzjoni tal-industrija biex iħejju lill-istudenti għal dak li l-pajjiż qiegħed joffri fil-kamp tax-xogħol.
Għalhekk, illum il-ġurnata qed naraw li l-edukazzjoni għandha bżonn li tersaq dejjem aktar viċin tal-ħtiġijiet kif semmejt. Ħa nagħmel parentesi. Kull persuna għandha l-kapaċitajiet tagħha u kull kapaċità hija bżonnjuża. Dak li qed isir bħalissa għalhekk irridu nkomplu nibnu fuqu u nsaħħuħ. Fl-istess waqt li nsaħħu aktar u nibnu fuq dak li diġa sar fejn jidħlu suġġetti li jaqgħu taħt il-kappa tax-Xjenza.
Tajjeb li nifhmu li meta qed insemmu Xjenza – irridu nitilqu ferm ‘l bogħod mill-ewwel stampa li tiġina f’moħħna – ix-xjenza tidħol b’aspetti differenti kważi f’kull ma mmissu b’idejna. Jekk tieħu Ambjentalista, Uffiċjal Forensiku, Inġinier, Restawratur, Psikologu, Tekniku u lista twila oħra – dawn huma kollha impjiegi li jistgħu jkunu karriera għal student jew studenta u kollha huma tip ta’ xogħol marbuta max-Xjenza.
Stituzzjonijiet bħall-Università, l-MCAST u oħrajn diġa qed jagħmel xogħol kbir fejn jidħlu korsijiet li jwasslu għall-ħtiġijiet tal-lum fid-dinja tax-Xogħol. U hemm ukoll iċ-Ċentru tax-Xjenza li huwa parti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, li wkoll qed jagħti sehem importanti ferm f’dan il-qasam. Sehem importanti f’dawk li huma magħrufa bħala STEM - (Science, Technology, Engineering and Mathematics) – Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika.
Aħna wkoll għarafna l-importanza tas-suġġetti marbuta max-Xjenza u qed nagħmlu ħilitna biex nagħtu ħajja ġdida lid-diversi laboratorji li għandna fl-iskejjel tagħna. U wkoll ħadna ħsieb oħrajn ġodda.
Ix-xogħol imur id f’id mal-ekonomija tal-pajjiż. Pajjiżna miexi ‘l quddiem. U f’din il-mixja qed jieħu kunsiderazzjoni tal-elementi kollha li jkomplu jsaħħu l-ekonomija tal-pajjiż. Ekonomija li llum qed tħares lejn x’inhuma l-ħtiġijiet biex din tkompli għaddejja u fuq liema setturi għandu jkun hemm enfasi. L-Edukazzjoni tinsab fil-quċċata ta’ dan. Għax hija wkoll l-Edukazzjoni li twassal biex ikollna ekonomija b’saħħitha u fit-tul u wkoll biex fuq kollox naslu għal punti kruċjali ieħor – dak li jkollna kwalita’ ta’ ħajja aħjar.
Fil-kamp tax-xogħol f’dawn l-aħħar snin feġġew setturi li huma marbuta sew max-Xjenza. Xjenza li m’hix biss dik marbuta mas-suġġetti li jiġuna f’moħħna – jiġifieri l-Kimika, l-Bijoloġija u l-Matematika – imma li huma wkoll bla dubju l-bażi – imma huma suġġetti li jiftħu aktar. Illum tħares lejn id-dinja tax-xogħol jispikkaw oqsma bħal Life Sciences, robotics, coding, infrastruttura ta’ IT, software development, Intelliġenza Artifiċjali, Cloud Computing, Quantum, Cyber Security u Industrija 4.0 – dik li hija meqjusa bħala r-raba’ rivoluzzjoni industrijali.
Allura hawnhekk fejn għandna nħarsu lejn is-sistema edukattiva tagħna. Irridu naraw din is-sistema lejn fejn qed teħodna. Irridu naraw li, mingħajr ma nagħtu dahrna lejn suġġetti li qed jiġu mgħallma bħalissa, għax dawn huma importanti, imma rridu nagħtu l-importanza mistħoqqha lis-suġġetti li huma miġbura taħt l-umbrella tax-Xjenza. Irridu li nippreparaw lill-uliedna fil-kompetenzi kollha possibbli biex nagħtuhom futur tajjeb, billi nippreparawhom għal dak li d-dinja tal-lum qed titlob minnhom fejn jidħol xogħol.
Hawn fejn għandu jkompli jissaħħaħ ix-xogħol marbut ma’ dawn is-setturi. U hija l-intenzjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-xogħol li jara li dan qed isir. U b’hekk għandna bżonn ħsieb iktar profond fuq l-edukazzjoni tagħna u dan il-gvern se jaħdem biex jara li jibqa’ jimmodernizza l-infrastruttura edukattiva. Meta tgħid dan tkun qed tfisser li mhux biss timmodernizza aspett ukoll importanti, jiġifieri l-infrastruttura li tmissha b’idejk – il-binja tal-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna, imma b’mod partikolari tas-sustanza ta’ kif qed nippreparaw l-edukaturi tagħna, u l-istudenti tagħna.
Kif fis-snin li għaddew kellna sfidi quddiemna u b’għaqal u impenn għelibnihom, se nkomplu għaddejjin biex nilqgħu wkoll sfidi oħrajn, fosthom li nqarrbu u naħdmu biex nippreparaw lill-istudenti tagħna, lill-edukaturi tagħna għall-ħtiġijiet mhux biss tagħhom, imma wkoll ta’ ekonomija li l-għan tagħna huwa Kwalità ta’ Ħajja Aħjar.