Owen Bonnici | Nersqu lejn sena skolastika ġdida
Id-deċiżjoni li jinfetħu l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi saret wara laqgħat u konsultazzjonijiet mas-sħab konċernati, xejn anqas mal-Awtoritajiet tas-Saħħa u fuq bażi ta’ stħarriġ xjentifiku
Huwa aktar ta’ ħsara għat-tfal jekk ma jibdewx din is-sena skolastika. Dan qed jgħiduħ entitajiet u awtoritajiet internazzjonali, fosthom in-Nazzjonijiet Magħquda f’rapport li ħarġet lejn tmiem Awwissu li għadda. Il-kliem eżatt huwa dan, “Il-prevenzjoni ta' kriżi ta' tagħlim milli ssir katastrofi ġenerazzjonali teħtieġ azzjoni urġenti minn kulħadd. L-edukazzjoni mhix biss dritt fundamentali tal-bniedem. Huwa dritt b'impatt dirett fuq ir-realizzazzjoni tad-drittijiet l-oħra kollha tal-bniedem."
Id-deċiżjoni li jinfetħu l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi saret wara laqgħat u konsultazzjonijiet mas-sħab konċernati, xejn anqas mal-Awtoritajiet tas-Saħħa u fuq bażi ta’ stħarriġ xjentifiku. Ma ttieħdetx b’mod mgħaġġel. Kellna wkoll laqgħat fuq livell Internazzjonali u wkoll Ewropew. Qbil wieħed kien hemm, li l-iskejjel għandhom jiftħu għall-ġid ta’ uliedna u bid-dħul ta’ linji gwida biex jipprevenu t-tixrid tal-COVID-19. Deċiżjoni li ma ttieħdetx biss mill-gvern Malti, imma deċiżjoni li ħadtha l-Ewropa kollha kemm hi.
Fil-bidu ta’ dil-ġimgħa pparteċipajt f’laqgħa tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, li fiha kien hemm il-Ministri kollha tal-Edukazzjoni, u l-Ministri kollha tas-Saħħa u kollha konna fuq l-istess binarju li l-iskejjel għandhom jiftħu, jiġifieri qbil bejn it-tobba kollha, l-esperti kollha, l-ministri u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Trid tagħmel riflessjoni fuq din id-deċiżjoni. Nitilqgħu minn l-alternattiva, li hija li għal sena, sentejn sakemm jinstab il-vaċċin, uliedna jingħalqu fid-djar ‘il bogħod mill-iskola? Qbilna li din m’hix alternattiva li tagħmel sens. L-alternattiva li tagħmel sens hija li uliedna imorru l-iskola, ikomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom, għax l-iskola hija importanti għat-tfal tagħna, għal uliedna, għall-istudenti tagħna, u finalment ukoll għal pajjiżna. Jekk aħna rridu nimxu ‘l quddiem irid ikollna poplu struwit, b’nies li għandhom il-ħiliet meħtieġa.
Tajjeb li nsemmi wkoll ir-realtà li d-dinja kollha qed tgħix fiha. L-iskejjel se jiftħu mad-dinja kollha, f’Malta lejn tmiem Settembru. Ir-realtà hija li iva se jkun hemm każijiet fl-iskejjel. Se jkun hemm każijiet fejn persuni se jkollhom bżonn jinżammu fi kwarantina. Imma realtà oħra hija wkoll li nistgħu nieħdu miżuri, pakkett ta’ miżuri, li bl-implimentazzjoni tagħhom ir-riskju jonqos ħafna.
Meta għalhekk tqis li r-riskju, bl-implimetazzjoni tal-miżuri jonqos ħafna, u meta tqis l-importanza tal-edukazzjoni, li hija l-qofol tal-formazzjoni ta’ uliedna u ta’ dak kollu li nagħmlu biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem, l-esperti kollha, mhux edukattivi biss, imma l-esperti mediċi, kemm dawk fl-Ewropa u wkoll f’pajjiżna, qed jaqblu ma’ dan.
Fil-laqgħa li semmejt, intqal b’mod ċar li jekk titfa’ l-alternattivi f’miżien, ikun hemm iktar ħsara għal uliedna jekk ma jmorrux l-iskola, milli jekk uliedna jmorru l-iskola fiċ-ċirkostanzi tar-realtà li d-dinja qed tgħix fihom.
Tajjeb li ngħid ukoll li minn evidenza xjentifika medika li qasmet magħna l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, ftit ħafna hemm każi ta’ COVID-19 li jinvolvu lit-tfal.
Irrid ngħid ukoll li aħna se nkunu sensittivi għal dawk is-sitwazzjonijiet ta’ ġenituri li minħabba sitwazzjonijiet ġenwini, qed jaħsbuha jekk jibgħatux lit-tfal tagħhom l-iskola. Aħna mhux se nibgħatu multi għal min ma jibgħatx tfal l-iskola
Irrid ngħid ukoll li aħna se nkunu sensittivi għal dawk is-sitwazzjonijiet ta’ ġenituri li minħabba sitwazzjonijiet ġenwini, qed jaħsbuha jekk jibgħatux lit-tfal tagħhom l-iskola. Aħna mhux se nibgħatu multi għal min ma jibgħatx tfal l-iskola. Dan huwa mument ukoll ta’ solidarjetà.
Imma rrid ngħid ukoll li jekk it-tfal mhux se jmorru l-iskola, dawn se jitilfu. U l-ebda sistema onlajn m’hi sostitut għat-tagħlim li uliedna jieħdu fl-iskola. L-impatt li dak li jkun ma jibgħatx lit-tfal l-iskola huwa kbir u huwa għalhekk li l-parir tagħna huwa li t-tfal għandhom jintbagħtu l-iskola. Imma ntenni, li jekk għal raġunijiet li huma ġusti, t-tfal ma jintbagħtux, mhux se nkunu hemm biex nippenaliżżaw. Xtaqt niċċara wkoll li ebda student m’hu se jitlef postu fl-iskola, għaliex dan ma jintbagħtx l-iskola.
Nixtieq nagħmel parentesi, imma waħda importanti. Dil-ġimgħa wkoll kienu ppubblikati l-linji ta’ gwida. Issa propju nhar il-Ġimgħa li għaddiet ġiet fi tmiemha SkolaSajf ta’ din is-sena. Skola Sajf li għaliha pparteċipaw xejn inqas minn 7,000 tifel u tifla. Matul l-għaxar ġimgħat ta’ SkolaSajf ma kienx hemm każ wieħed biss ta’ COVID-19 fi SkolaSajf. La tfal u lanqas edukaturi. Li kien hemm kienu edukaturi li nfettaw ruħhom minn barra, imma mall-ewwel ittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa.
Għalhekk importanti l-gwidi u importanti li jkunu segwiti. Issa l-kejl ta’ skejjel u stituzzjonijiet edukattivi huwa ferm akbar mill-klassijiet ta’ SkolaSajf. Imma ta’ SkolaSajf kienet esperjenza pożittiva għall-aħħar u din l-esperjenza miksuba se tgħin biex inkomplu nimxu l quddiem.
Il-linji gwida ppubblikati jħarsu b’mod estensiv ta’ x’se jiġri. Importanti ż-żamma tad-distanza, il-maskri, il-ħasil u sanitiżazzjoni tal-idejn, li kemm jista’ jkun it-tfal ma jibdlux il-gruppi – dawk li qed jissejjħu cohorts – jew b’mod aktar popolari bubble.
Il-linji gwida huma maħsuba biex itaffu, kemm jista' jkun, kontra t-trasmissjoni tal-COVID-19. Għalkemm ir-riskju ta' infezzjoni jitnaqqas, qatt ma jista' jiġi eliminat kompletament, għalhekk il-kooperazzjoni mill-partijiet kollha involuti hija prijorità għolja.
Mhux se nidħol fid-dettal, għaliex dawn il-linji gwida huma ppubblikati u wkoll wieħed jista’ jaċċessahom fuq is-siti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu. Aħna qed nagħmlu dak kollu possibbli u ma’ dan hemm il-prijorità assoluta tas-saħħa tal-istudenti uliedna u tal-edukaturi tagħna. Dak li aħna responsabbli għalih se nkunu qed nagħmluħ. Imma r-responsabbiltà hija mifruxa wkoll fuq il-ġenituri u l-kustodji tat-tfal tagħna. Irridu niġbdu ħabel wieħed. Flimkien f’għaqda, u b’koperazzjoni irridu naraw li din is-sena skolastika li se tibda, iva f’sitwazzjoni bla preċedent, tkun ukoll sena skolastika ta’ vjaġġ eċitanti kemm għat-tfal u wkoll għall-edukaturi.