Bernard Grech | Ningħaqdu, niġġeddu u nirnexxu
Nixtieq li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun fuq quddiem nett, fl-ideat, fil-proposti, fl-iżviluppi u fit-twettiq ta’ politika li jgawdi minnha kulħadd
Il-ġimgħa li għaddiet ħabbart is-slogan tiegħi għall-kampanja elettorali li matulha qed nitlob il-fiduċja tat-tesserati tal-Partit Nazzjonalista biex flimkien ningħaqdu, niġġeddu u nirnexxu. Jien inħoss li dawn huma l-iktar tliet affarijiet importanti li għandu bżonn bħalissa l-Partit Nazzjonalista, u huma r-raġuni ewlenija għaliex jien iddeċidejt li nikkontesta għal kariga ta’ Kap tal-Partit.
Ningħaqdu...fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa
Biex naslu hemm bżonn li nimxu flimkien u nkunu magħqudin. Magħqudin inkunu iktar b’saħħitna, u meta nkunu iktar b’saħħitna nkunu nistgħu noffru lill-pajjiżna gvern alternattiv li joffri opportunitajiet indaqs għal kulħadd, ekonomija b’saħħitha iżda fejn il-persuni jiġu qabel in-numri u stil ta’ politika serja u onesta.
Huwa għalhekk li mill-ewwel ikkommettejt ruħi li jekk it-tesserati jafdawni bit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista nixtieq li nisma’ lil kull persuna u niftaħ djalogu kontinwu. Għaliex kull persuna għandha valur, u kull persuna hi unika, l-għaqda tista’ sseħħ biss jekk fil-Partit kulħadd iħoss li għandu l-spazju fejn jimraħ biex joffri u jiżviluppa t-talenti tiegħu. Fil-proċess li jiżviluppa hu bħala persuna jgħin l-iżvilupp tal-partit u eventwalment tal-pajjiż. Fi kliem ieħor irrid li l-PN isir id-dar naturali tal-Maltin u l-Ghawdxin.
Inkunu magħqudin u b’saħħitna wkoll meta aħna noffru lill-membri fil-partit tagħna serħan il-moħħ dwar it-tmexxija tal-partit, tmexxija onesta, integra u li taħdem qatigħ għal dak li huwa tajjeb għall-partit u għall-pajjiż mingħajr ma tpoġġi interessi personali qabel dan kollu.
Niġġeddu...biex nimxu ‘l quddiem
Filwaqt li ningħaqdu, irridu nużaw it-talenti ta’ kull min diġà huwa parti minn dan il-Partit kif ukoll dawk li għad iridu jingħaqdu magħna biex inġeddu lill-partit fuq diversi livelli. Irridu nerġgħu nkunu organizzati bl-iktar mod modern u effiċjenti fl-irħula u l-ibliet tagħna. Nixtiequ li jkollna partit li qed iwassal messaġġ ċar, messaġġ li jifhmu kulħadd u bid-diversi mezzi u għodda li għandna f’idejna llum u li jista’ jkollna f’idejna fil-futur.
Nixtieq li l-ħidma tiegħi tixpruna diskussjoni u djalogu wiesgħa u mifrux fl-istrutturi kollha tal-partit riflessa fi djalogu u diskussjoni aktar mifrux mas-soċjetà sabiex id-deċiżjonijiet mhux neħduhom aħna għal xi ħadd, imma niddeċiedu ma’ dawk kollha li jkunu involuti.
Inkomplu niġġeddu wkoll billi nużaw id-diversità, l-ideat u l-ħiliet differenti kollha li għandna fil-Partit Nazzjonalista bħala għodda ta’ tiġdid li jsaħħaħna u jġib lejna nies ġodda, inkluż kandidati ġodda mimlija ħeġġa u entużjażmu, b’ideat differenti u mħarrġa għar-realtajiet politiċi u soċjali tal-llum.
Nirnexxu...biex igawdu kulħadd
Jien nemmen li immedjatament kif ningħaqdu u niġġeddu nibdew nirnexxu. Nirnexxu għal kulħadd mhux għal xi ħadd jew għal grupp żgħir ta’ nies. Ħadd ma għandu s-soluzzjoni unika għad-diffikultajiet. Iżda kollettivament, flimkien, nistgħu naslu sabiex inwettqu trasformazzjoni tal-partit tal-pajjiż. Il-valuri tiegħi u l-mod kif inħares lejn min ikun fil-politika dejjem wassluni biex nemmen li kull politiku għandu jkun hemm biex iservi, u li l-politika għandha tkun mezz biex toħloq il-ġid u ttejjeb il-ħajja tan-nies. Għalhekk jien ħadt id-deċiżjoni li nidħol fil-politika, biex inkun nista’ nwettaq dan kollu bl-għajnuna ta’ ħafna nies li jiddeċiedu li jgħinuni u jappoġġjawni f’din il-kawża favur pajjiżna. Iċ-ċavetta għal dan kollu hija l-umiltà, anki dik intelletwali. Fejn wieħed ikun lest li jammetti li żbalja, għaliex jekk ma aħniex lesti li nagħmlu dan qatt ma nistgħu nkunu oriġinali fil-ħsieb.
Nemmen li pajjiżna għandu bżonn politika li tkompli tpoġġi fuq quddiem nett is-serħan tal-moħħ tal-poplu tagħna billi tipprovdi l-aqwa servizzi tas-saħħa, għax is-saħħa tibqa’ l-iktar ħaġa għażiża li għandna. Nemmen li rridu ninvestu iktar fl-edukazzjoni li tagħmilna l-aħjar verżjoni tagħna nfusna u li tgħinna noħolqu iktar ġid nadif anki b’mod diġitali. Mhux biss nirriformaw l-edukazzjoni iżda nitrasformawha.Nemmen li għandna naħdmu biex l-ekonomija teċċella u li biha nkunu nistgħu intejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd, is-solidarjetà ta’ bejnietna u ngħinu lil ħutna li huma batuti u dgħajfin. Nemmen li quddiem il-liġi kulħadd għandu jkun ittrattat b’mod ugwali u li ma għandniex neżitaw li nagħmlu ġustizzja ma’ dawk li għandhom il-poter u jkunu qed jabbużaw minnu.
Partit li jkun fuq quddiem nett
Nixtieq li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun fuq quddiem nett, fl-ideat, fil-proposti, fl-iżviluppi u fit-twettiq ta’ politika li jgawdi minnha kulħadd. Nixtieq li Malta terga’ tikseb ir-reputazzjoni li kellha, u li taħt il-Gvern Laburista wara li nħatfet minn grupp ta’ malfatturi, tlifna għal kollox. Jien nħares ‘il quddiem biex bl-għajnuna ta’ ħafna persuni ta’ rieda tajba inkun nista’ nwettaq din il-viżjoni. Huma l-għaqda u t-tiġdid li jridu jwassluna biex nirnexxu fil-missjoni politika tagħna: Ngħaqqdu l-familja tagħna Nazzjonalista u flimkien bħala moviment politiku nazzjonali li jigbor ukoll fi ħdanulis-soċjetà ċivili, l-NGOs u oħrajn, li jingħaqdu magħna f’allejanza politika wiesgħa. Kull min iħossu fiċ-ċentru tal-ispettru politiku għandu postu magħna sabiex flimkien ngħaddu biex inwettqu l-ġid għall-kumplament tal-familja tagħna, għal ħutna l-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Għalhekk, is-sejħa tiegħi hi li: ningħaqdu, niġġeddu u nirnexxu!