Owen Bonnici | Edukazzjoni għal kulħadd

Se tkun sena skolastika b’differenza. Imma sena skolastika oħra importanti fil-vjaġġ li għandhom uliedna u l-edukaturi tagħna biex ikomplu jieħdu l-edukazzjoni tagħhom u l-edukaturi biex jagħtuha lill-uliedna

Fil-qasam edukattiv ix-xogħol li jsir huwa mmirat li jilħaq lil kulħadd, f’kull età u f’kull qasam tal-ħajja. Għalhekk kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija li dil-ġimgħa ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Fondazzjoni għar-Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Jabbużaw mid-Droga - Caritas Malta.

Dan il-ftehim jirrifletti r-relazzjoni eċċellenti bejn iż-żewġ partijiet u l-intenzjoni komuni li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet edukattivi ta’ adolexxenti li qed jaffaċċjaw użu problematiku ta’ sustanzi, li se jkunu qed jaċċessaw servizzi terapewtiċi fuq bażi residenzjali jew kura ta' kuljum fil-Caritas tal-Ibwar Adolescents Therapeutic Services (CIATS).

Il-ħtieġa għal servizzi professjonali u speċjalizzati mmirati għall-adolexxenti ġiet innotata mill-Bord Konsultattiv dwar il-Vizzji Nazzjonali (2015) wara analiżi fil-fond ta’ liema servizzi f’Malta u Għawdex huma offruti bħalissa għall-etajiet ta’ bejn 12 u 17 meta jesperjenzaw sfidi serji bl-użu ta’ sustanzi.

Il-kollaborazzjoni u l-appoġġ mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jirrifletti l-impenn tagħna biex nipprovdu lil uliedna u ulied uliedna bil-ħiliet u t-talenti meħtieġa għaċ-ċittadinanza u l-impjegabbiltà. It-tfal tagħna għandhom bżonn jiżviluppaw il-potenzjal personali u soċjali tagħhom u jakkwistaw l-għarfien xieraq, il-ħiliet ewlenin, il-kompetenzi u l-attitudnijiet permezz ta’ formazzjoni orjentata lejn il-valur li tinkludi l-ekwità, il-ġustizzja soċjali, id-diversità u l-inklussività.

Fid-dawl tal-provvediment edukattiv, il-Kap taċ-Ċentru tat-Tagħlim fis-CIATS flimkien ma’ professjonisti rilevanti, se jippjana programm edukattiv individwalizzat (IEP). L-IEP huwa meqjus bħala aspett integrali tal-pjan ġenerali tal-kura sabiex tkun żgurata kontinwazzjoni tal-vjaġġ edukattiv għal kull student.

Kif qal ukoll il-kollega Michael Falzon, dan il-ftehim se jħaddem programmi inovattivi, fejn mhux biss jipprovdu riforma għall-adoloxxenti bi problema ta’ droga, iżda fl-istess ħin ilaħħqu mal-kumplament ta’ sħabhom, kemm jekk hux fuq livell edukattiv jew inkella fid-dinja tax-xogħol. Dan il-mudell għandu jkun t’eżempju għal mudelli oħra ta’ sistemi ta’ rijabilitazzjoni, mhux biss fejn jidħol użu ta’ sustanzi.

Il-programm edukattiv fis-CIATS għall-adolexxenti ta’ bejn it-12 u s-17-il sena se jkun akkreditat mid-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni (DQSE).

Aħna rridu li dawn iż-żgħażagħ mhux biss joħorġu mill-vizzju, imma jingħataw it-taħriġ u t-tagħlim meħtieġ biex ikunu jistgħu jkomplu bil-ħajja edukattiva tagħhom.

+++

Fi tmiem l-ewwel ġimgħa ta’ Settembru ġiet fi tmiemha SkolaSajf għal din is-sena. Għaxar ġimgħat ta’ SkolaSajf 2020 u edizzjoni li din is-sena kienet waħda straordinarja. Din l-edizzjoni kellha parteċipazzjoni ta’ 1,700 membru tal-istaff li ħadu ħsieb mas-7,000 tifel u tifla.

L-impenn muri minn dawk kollha li kienu involuti f’din l-edizzjoni kien wieħed impekkabbli. Minn ċifri u statistika li għandna, joħroġ tajjeb ħafna l-parteċipazzjoni u d-dedikazzjoni li kien hemm. Deher ukoll biċ-ċar li l-miżuri li ħadna bil-koperazzjoni sħiħa tal-esperti tal-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika minħabba s-sitwazzjoni tal-imxija ttieħdu bis-serjetà, bir-riżultat magħruf li ma kellna ebda każ li ttieħed mill-iskejjel ta’ SkolaSajf.

Nirringrazzja lid-diriġenti tal-Fondazzjoni, l-membri tal-istaff, l-imsieħba ta’ SkolaSajf, il-ġenituri u fuq kollox l-istudenti li b’ħidma kollettiva mexxew din l-edizzjoni għas-suċċess li kienet.

Se tkun sena skolastika b’differenza. Imma sena skolastika oħra importanti fil-vjaġġ li għandhom uliedna u l-edukaturi tagħna biex ikomplu jieħdu l-edukazzjoni tagħhom u l-edukaturi biex jagħtuha lill-uliedna

Ħadt gost ħafna nara x-xogħol kollu li sar waqt din l-edizzjoni, kif fuq kollox isir f’kull edizzjoni ta’ SkolaSajf. Irċevejt ħafna messaġġi ta’ ringrazzjament mill-ġenituri li wkoll bagħtuli xogħol li sar minn uliedhom waqt dawn l-għaxar ġimgħat. Xogħol li ħareġ il-kreattività ta’ uliedna. Imma rċevejt ukoll messaġġi ta’ ġenituri li kienu xhiedha ta’ kemm l-edukazzjoni tagħmel ġid. Mhux biss it-tagħlim tal-kuirrikulu.

Messaġġ minnhom kien ta’ ġenitur li kellha ħsibijiet għaliex kienet se tibgħat lil binha SkolaSajf, imma mbgħad qaltli li ma ddispjaċina xejn li għamlet hekk għax kellha tifel mistħi u għamel kambjament kbir grazzi għall-iskola u l-għalliema kollha.

Dan huwa s-sabiħ tas-settur edukattiv u juri wkoll l-importanza li t-tfal ikomplu l-edukazzjoni tagħhom.

+++

Dil-ġimgħa kelli okkażjoni biex nitkellem b’mod ċar dwar il-ftuħ tal-iskejjel u r-ritorn ta’ uliedna għall-edukazzjoni tant meħtieġa għalihom. L-edukaturi se jirritornaw fiżikament fil-klassijiet fit-28 ta’ Settembru u warajhom jibdew deħlin l-istudenti.

Ħa mmur ftit lura. Meta ġejna biex niftħu ċ-Childcare Centres kien hemm min inkwieta, imma fetħu u baqgħu miftuħin. Meta ġejna biex niftħu SkolaSajf ukoll kien hemm min inkwieta, imma SkolaSajf fetħet, għalqet u kienet suċċess. U tajjeb li ngħid li fi SkolaSajf ma kien hemm ebda kas ta’ infezzjoni mill-iskejjel. Meta ġejna biex nagħmlu l-eżamijiet tal-A levels u l-O levels kien hemm ukoll min kien imħasseb ħafna, bdew l-eżamijiet u mexjin tajjeb ħafna.

Issa jien missier ta’ tifla li tmur skola tal-Gvern. Jien se nibgħatha lit-tifla l-iskola. Qed ngħid dan, għaliex meta tifa’ kollox f’miżien, għall-ġid ta’ binti l-aħjar huwa li tkompli bl-iskola. Kif għidt f’mezzi oħra, ma nistax nimmaġina sitwazzjoni fejn binti tagħmel, apparti s-sitt xhur u fuqhom li diġa għamlet id-dar minn Marzu li għadda meta kellna nagħlqu l-iskejjel, tagħmel sena, sena u nofs oħra d-dar, sakemm jinstab il-vaċċin.

U ngħid b’konvizjoni li dak li rrid għal binti, u kull ġenitur ikun irid l-aħjar għal uliedu, irridu wkoll għat-tfal kollha ta’ pajjiżna.

Ġew ippubblikati l-protokolli li se jintużaw fil-ftuħ tal-iskejjel. Protokolli li saru minn esperti fil-qasam tas-Saħħa. Jiena għandi fiduċja fl-Awtoritajiet tas-Saħħa, fl-għaqal tal-edukaturi tagħna, għax naf kemm huma dedikatissimi – u jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed, bħal ma ftaħna ċ-Childcare Centres u ma għalaqnihomx, ftaħna SkolaSajf u kienet suċċess, kellna l-eżamijiet tal-A levels, għamilnihom, għalhekk m’għandi ebda dubju li jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed, anké l-iskejjel jiftħu u l-edukazzjoni ta’ uliedna tkompli. Ma ninsewx ukoll li fl-eqqel tal-pandemija ftaħna Childcare Centre għat-tfal tal-professjonisti, tobba u infermiera u din baqgħet għaddejja bla problemi.

Nieħu spunt biex insellem l-edukaturi kollha. Jiena meta nżur il-klassijiet u l-iskejjel nara wkoll l-imħabba u d-dedikazzjoni kbira li dawn għadhom għal uliedna. Għalhekk naf ukoll li dawn, flimkien mal-miżuri li se jkun hemm, se jipproteġu lit-tfal studenti uliedna.

Se tkun sena skolastika b’differenza. Imma sena skolastika oħra importanti fil-vjaġġ li għandhom uliedna u l-edukaturi tagħna biex ikomplu jieħdu l-edukazzjoni tagħhom u l-edukaturi biex jagħtuha lill-uliedna.

Għalhekk l-impenn massimu tagħna. Għalhekk li rridu lkoll niġbu ħabel wieħed. Kulħadd għandu r-responsabbiltajiet tiegħu. Aħna tagħna qed naraw li nerfgħuhom. U qed nerfgħuhom b’serjetà, kif kull wieħed u waħda minnha għandu jagħmel.  

More in Politika