Carmel Cacopardo | Niftħu l-iskejjel ftit ftit

Is-soluzzjoni hi li nimxu b’mod gradwali, bil-mod, pass pass. L-istudenti vulnerabbli u dawk fl-etajiet li għandhom dipendenti mill-għalliema għandhom ikunu minn tal-ewwel li jerġgħu jibdew l-iskola għax huma l-iktar li għandhom bżonn!

Il-messaġġi konfliġġenti fil-bidu tas-sajf minn politiċi fis-sens li l-Covid-19 kien taħt kontroll huma in parti responsabbli għall-qagħda attwali. Kien in partikolari l-Prim Ministru flimkien mal-Ministru tat-Turiżmi li pubblikament emfasizzaw li issa li l-pandemija kienet taħt kontroll stajna ingawdu is-sajf!

Kienet din l-attitudni irresponsabbli li wasslet biex ġew rilassati b’mod mgħaġġel ir-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19 meta s-sens komun kien jitlob pass iktar kawt.

Nifhem li l-operaturi ekonomiċi li kienu qed iġorru l-piz kienu kontinwament isusu wara l-awtoritajiet tat-turiżmu. Imma meta l-Gvern ċeda bagħat l-agħar messaġġ possibli: li r-restrizzjonijiet ma kienux meħtieġa. Meta l-Prim Ministru mbagħad ħafer il-multi li weħlu dawk li abbużaw u kisru l-kundizzjonijiet tal-kwarantina u restrizzjonijiet oħra, għaxxaqha!

Din hi s-sitwazzjoni attwali: fi tmiem is-sajf ir-rata tal-infezzjonijiet tal-Covid-19 hi sfortunatament l-ogħla s’issa f’Malta. Il-106 każ ta’ Covid-19 li irriżultaw nhar l-Erbgħa huma bozza ħamra li qed  itteptep u tgħidilna li l-kontrolli li għanda illum mhux adegwati. Hemm ħtieġa ta’ infurzar aħjar.  

L-ekonomija qalgħet daqqa ta’  ħarta għalkemm is-sussidji u l-għajnuniet li ħareġ il-Gvern bla dubju naqqsu l-impatt tad-daqqa. 

Il-mixja lura lejn in-normalità mhiex waħda faċli. Mhux ser isseħħ mil-lum għal għada. Teħtieġ il-paċenzja min-naħa ta’ kulħadd. Teħtieġ ukoll sens ta’ responsabbiltà billi nsegwu l-prewkazzjonijiet kollha neċessarji, fosthom li nilbsu l-maskri protettivi, mhux biss biex nipproteġu lilna nfusna imma fuq kollox biex nipproteġu lill-oħrajn

Il-mixja lura lejn in-normalità mhiex waħda faċli. Mhux ser isseħħ mil-lum għal għada. Teħtieġ il-paċenzja min-naħa ta’ kulħadd. Teħtieġ ukoll sens ta’ responsabbiltà billi nsegwu l-prewkazzjonijiet kollha neċessarji, fosthom li nilbsu l-maskri protettivi, mhux biss biex nipproteġu lilna nfusna imma fuq kollox biex nipproteġu lill-oħrajn.

L-argument bħalissa huwa jekk l-iskejjel għandhomx jiftħu jew le. Fin-nofs hemm l-interess tal-edukazzjoni tal-istudenti, il-ħtiega tal-genituri li jaħdmu u s-saħħa kulħadd: fuq quddiem nett dik tal-istudenti kif ukoll tal-għalliema kif ukoll ta’ dawk kollha nvoluti fl-amministrazzjoni tal-iskejjel u tal-istituzzjonijiet edukattivi.

Hemm ħafna argumenti validi għax l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom jiftħu. Dan minkejja li l-protokolli dwar l-imġieba meħtieġa damu ma ħarġu b’mod li kabbru l-inċertezza ta’ kulħadd.

L-ewwel u qabel kollox hu fl-interess tal-istudenti, kbar u żgħar, li l-istituzzjonijiet edukattivi jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom. Hemm limitu dwar kemm jista’ jsir tagħlim effettiv b’mod virtwali. It-tagħlim b’mod elettroniku bla dubju jista’ jgħin – hu għodda tajba – imma qatt ma jista’ jissostitwixxi l-kuntatt dirett bejn l-għalliema u l-studenti b’mod partikolari ta’ dawk li għadhom fl-istadji inizzjali tat-tagħlim. F’numru ta’ każi ta’ studenti vulnerabbli l-kuntatt dirett bejn l-għalliem u l-istudent hu l-unika mezz ta’ tagħlim effettiv. Dawn huma fost l-iktar li batew bl-għeluq komplet tal-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi. Il-ħsara li saritilhom mhux faċli li tkun rimedjata. Bħala riżultat tal-għeluq tal-iskejjel, effett dirett tal-Covid-19, hemm numru ta’ tfal li qegħdin fil-periklu li jintilfu għal kollox għas-sistema edukattiva!

L-iskejjel jeħtieġ li jiftħu ukoll għax il-genituri jeħtieġ li huma ukoll imorru għax-xogħol. L-għeluq tal-iskejjel qed iżżomm numru ta’ ġenituri milli jmorru lura għax-xogħol għax inkella ma jibqa’ ħadd biex jieħu ħsieb l-ulied. Niftakru li issa anke in-nanniet huma out of action għax huma fost il-vulnerabbli! Mhuwiex raġjonevoli li nistennew li f’dan il-mument kritiku jerfgħu l-piż in-nanniet, b’periklu għal saħħithom. Fost dawk li qalgħu daqqa kbira bl-egħluq tal-iskejjel hemm il-familji b’genitur wieħed: dawn qed jissograw l-impieg tagħhom ferm iktar minn ħaddieħor.

Fid-dawl tal-ispluzjoni ta’ każi tal-Covid-19 naħseb li minkejja l-ħtieġa li l-iskejjel jiftħu, m’huwiex prattiku li dawn jiftħu kompletament u dan biex jonqos ir-riskju tal-imxija tal-Covid-19

Mhux kull xogħol hu possibli li jsir bit-telework! Fejn hu possibli dan għandu jibqa’ jsir. Imma kif nafu ilkoll dan mhux possibli dejjem.

Fid-dawl tal-ispluzjoni ta’ każi tal-Covid-19 naħseb li minkejja l-ħtieġa li l-iskejjel jiftħu, m’huwiex prattiku li dawn jiftħu kompletament u dan biex jonqos ir-riskju tal-imxija tal-Covid-19. Huwa l-każ li nesploraw li minflok ma jiftħu kompletament l-iskejjel jiftħu bil-mod biex jerġgħu jibdew jistabilixxu kuntatt (anke jekk wieħed minimu) mal-istudenti u jkun possibli li tkun imħarsa is-saħħa ta’ kulħadd.

Is-soluzzjoni hi li nimxu b’mod gradwali, bil-mod, pass pass. L-istudenti vulnerabbli u dawk fl-etajiet li għandhom dipendenti mill-għalliema għandhom ikunu minn tal-ewwel li jerġgħu jibdew l-iskola għax huma l-iktar li għandhom bżonn!

Dan hu l-unika mod li bih nistgħu naslu. Aħjar pass żgħir il-quddiem, b’kuntatt minimu flok bil-bibien magħluqin.

More in Politika