Editorjal | Importanti li l-iskejjel jiftħu
Biex l-iskejjel jibqgħu miftuħin irridu nrażżnu l-każi, b'mod speċjali ll-każi fost l-anzjani u rridu nrażżnu l-imwiet li minnhom kellna żżejjed fl-aħħar ġimagħtejn
L-iskejjel se jkunu qed jiftħu l-bibien tagħhom iktar tard milli kien ippjanat. Dan minnu nnifsu huwa sinjal ċar illi l-pressjoni u l-biża' u l-inkwiet ta' bosta - ġenituri u għalliema kien ġustifikat u li l-Gvern kien qed jisma' x' kien hemm bżonn isir. Naturalment ċerti miżuri biex ikun hemm il-prevenzjoni huma importanti u l-unjins għamlu tajjeb illi tkellmu u argumentaw fuq il-bżonn li jkun hemm il-miżuri kollha f'posthom u qed jaħdmu.
Importanti li l-ġenituri u l-għalliema jħossu li l-miżuri qed jaħdmu b'mod organizzat u b'mod effiċjenti għaliex b'hekk jafdaw aktar lis-sistema u b'hekk ukoll jafdaw aktar lil uliedhom fl-iskejjel u tonqos il-biża' u forsi s-sens ta' konfużjoni.
Minkejja dan, u wara li naċċertaw illi l-miżuri jkunu kollha f'posthom u qed jaħdmu, l-iskejjel jeħtieġ illi jiftħu għal bosta raġunijiet.
L-ewwelnett - għaliex it-tfal ma jistgħux jibqgħu jitilfu mill-esperjenza tal-klassi u filwaqt li t-tagħlim online wera' illi kapaċi jaċċerta li s-sitwazzjoni tibqa' għaddejja, f'każi ta' emerġenza, imma hemm differenza kbira bejn miżura ta' emerġenza u miżura ta' emerġenza li ssir n-normalità. Ħafna tfal waqgħu lura u l-aktar li waqgħu lura kienu tfal minn sfond ta' sfidi, minn familji vulnerabbli fejn hemm xi forma ta' problema - jekk hix soċjali jew finanzjarja. L-ambjent tad-dar mhuwiex dejjem ambjent tajjeb biex wieħed jitgħallem jew għalinqas mhuwiex tajjeb għal kulħadd. Li s-sitwazzjoni tiġi mtawla aktar titfa' biss aktar piż fuq l-aktar studenti vulnerabbli, li jkomplu sejrin lura.
Imbagħad għandek ir-realtà tax-xogħol. Illum ħafna reġgħu bdew ir-rutina: Imorru l-uffiċċju jew inkella jaħdmu fuq barra, kif inhu normali. Dawn l-eluf kbar ta' ġenituri x'jagħmlu kieku l-iskejjel jibqgħu magħluqin?
Din hija problema kbira u jista' jkollha impatt kbir finanzjarju u ekonomiku - fuq livell makro u allura ta' pajjiż sħiħ kif ukoll fuq il-livell ta' familji.
Il-ftuħ tal-iskejjel f'dan il-punt huwa neċessarju. Daqs kemm huwa neċessarju, fl-istess ħin, illi naraw li noħolqu l-ambjent it-tajjeb biex jinfetħu u jibqgħu miftuħin l-iskejjel.
Li ġenitur ma jmurx ix-xogħol tfisser problemi u aktar sagrifiċċji finanzjarji u għal xi wħud tfisser ukoll telf ta' impjiegi.
Jiġifieri ejja ma nkunux leġġeri qisu dan huwa xi swiċċ.
Il-ftuħ tal-iskejjel f'dan il-punt huwa neċessarju. Daqs kemm huwa neċessarju, fl-istess ħin, illi naraw li noħolqu l-ambjent it-tajjeb biex jinfetħu u jibqgħu miftuħin l-iskejjel.
U hawnhekk ma nistgħux ma nurux id-diżappunt għan-nuqqas ta' direzzjoni fil-qasam tal-anzjani. Ma jistax ikun li qisu qegħdin fuq l-autopilot. Hemm bżonn li jkun hemm direzzjoni mis-Segretarju Parlamentari u dan iserraħ ras in-nies. Hemm bżonn ikun fuq quddiem mhux ma jidher imkien.
L-iskejjel ma joperawx ġo vakuum u allura hemm bżonn li kollox ikun katina.
Biex l-iskejjel jibqgħu miftuħin irridu nrażżnu l-każi, b'mod speċjali ll-każi fost l-anzjani u rridu nrażżnu l-imwiet li minnhom kellna żżejjed fl-aħħar ġimagħtejn.