Owen Bonnici | L-istudenti ħerqana biex ikomplu l-edukazzjoni

Huwa l-għan tagħna, il-missjoni tagħna, l-impenn tagħna mhux biss li nsaħħu dan is-settur - l-edukazzjoni - imma wkoll li nagħtu dak kollu possibbli, partikolarment matul din is-sena skolastika, biex din tkun suċċess ieħor bħas-snin li għaddew

Il-familji Maltin huma magħrufa sew li fuq quddiemnett ipoġġu saħħithom u saħħet l-għeżież tagħhom, ta’ uliedhom. Familja mhix biss il-familja naturali, imma hija wkoll il-familja kbira li l-ommijiet u l-missirijiet jafdaw lill-uliedhom f’idejhom – l-edukaturi fl-iskejjel tagħna.

Fiż-żjajjar li kelli f’dawn il-ġimgħat stajt nara l-entużjażmu ta’ dawk l-edukaturi li kienu qed jagħmlu l-preparamenti tagħhom ta’ kull sena – dawk ta’ qabel ma tibda l-iskola – b’mod dedikat għall-aħħar, biex jilqgħu r-ritorn tal-istudenti fil-klassijiet tagħhom.

Minn din il-ġimgħa mbgħad bdew deħlin bil-mod l-istudenti. Kien evidenti mit-tbissima ta’ fuq wiċċhom li ilhom jistennew li jerġgħu jibdew il-ħajja normali tagħhom fuq il-bankijiet tal-iskola. 

Sa nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla, it-tfal kollha tal-iskejjel tal-istat se jkunu lura fil-klassijiet rispettivi tagħhom, lura għal edukazzjoni li jixirqilhom u fl-aħjar post fejn jistgħu jiksbuha - mill-edukaturi tagħhom fil-klassijiet tagħhom.

L-iskejjel madwar il-pajjiż ilhom jippreparaw għal dan ir-ritorn tant mistenni mill-għeluq ħesrem ikkawżat mill-firxa dinjija tal-pandemija li ġabet 'normalità' ġdida f'ħajjitna, fis-setturi kollha daqs kemm ukoll fis-settur skolastiku.

Madankollu, l-aktar minn 50 miżura implimentati fl-iskejjel tal-istat f'pajjiżna qegħdin hemm biex jissalvagwardjaw l-edukaturi u t-tfal tagħna billi jnaqqsu drastikament ir-riskju tat-tixrid tal-pandemija. Miżuri li kollha ġew iċċertifikati bħala implimentati kif suppost, minn assessuri indipendenti rregistrati fuq l-elenku ta' persuni kompetenti mal-OHSA. L-iskejjel kollha ġew iċċertifikati bħala konformi mal-gwida u l-protokolli tal-Awtoritajiet tas-Saħħa li kienu diskussa qabel il-ftuħ tal-iskejjel.

Meta żort kważi l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi kollha f'Malta u Għawdex, rajt it-tħejjijiet kollha li kienu stabbiliti u rajt ukoll li dawn qed jiġu segwiti. Madankollu, ħassejt ukoll l-istennija kbira li l-edukaturi għandhom biex jirċievu l-istudenti tagħhom u jerġgħu jibdew bil-kuntatt magħhom, forsi mhux kuntatt fiżiku minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID, iżda konnessjoni li hija tant meħtieġa għal uliedna.

L-edukazzjoni hija prijorità. Ħadd ma jargumenta bil-kontra ta’ dan. Madankollu l-iskejjel huma ħafna iktar mill-kisba tal-edukazzjoni kif nafuha. L-iskejjel mhumiex importanti biss biex iħejju lil uliedna bil-ħiliet li għandhom bżonn għas-suċċess tagħhom fid-dinja tax-xogħol. Fl-iskejjel tagħna l-istudenti jieħdu wkoll formazzjoni siewja għal ħiliet soċjali, imġieba tajba, etika tax-xogħol, u wkoll jieħdu esperjenzi li jiswewlhom għall-futur personali tagħhom.

Ulienda jitgħallmu wkoll billi jinteraġixxu mal-edukaturi tagħhom u ma’ sħabhom. Isiru aktar kunfidenti permezz tal-edukazzjoni. Jagħmlu ħbieb ‘l hinn miċ-ċirku tal-familja. L-iskejjel iservu bħala l-bażi għal tkabbir mentali u fiżiku li jiswa għal uliedna biex jintegraw dejjem aktar fis-soċjetà.

L-edukazzjoni se tibqa’ prijorità assoluta ta’ dan il-gvern. U aħna qed nagħmlu minn kollox biex dan id-dmir nagħmluh bl-aħjar mod possibbli

L-iskejjel huma ħafna iktar mit-tagħlim tal-Matematika, l-Ingliż u l-Kimika.

L-istudenti madwar il-pajjiż qed jintlaqgħu lura fl-iskejjel tagħhom b’dan l-isfond. L-edukaturi ilhom għaddejjin b’ħidma biex din is-sena skolastika partikolari tkun suċċess. Hekk kif il-Ministeru u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni ilhom jippjanaw permezz ta’ diskussjonijiet ma’ dawk kollha involuti, biex din is-sena skolastika wkoll tkun vjaġġ edukattiv eċitanti.

Huwa l-għan tagħna, il-missjoni tagħna, l-impenn tagħna mhux biss li nsaħħu dan is-settur - l-edukazzjoni - imma wkoll li nagħtu dak kollu possibbli, partikolarment matul din is-sena skolastika, biex din tkun suċċess ieħor bħas-snin li għaddew.

L-edukazzjoni se tibqa’ prijorità assoluta ta’ dan il-gvern.  U aħna qed nagħmlu minn kollox biex dan id-dmir nagħmluh bl-aħjar mod possibbli.

+++

Wara li l-Ħadd li għadda inawgurajna l-proġett ta’ €13-il miljun tal-Iskola Primarja ġdida tal-Qawra, il-bieraħ inawgurajna proġett ieħor – dak ta’ €5 miljuni fl-immodernizzar komplet u estensjoni tal-Iskola Sekondarja taż-Żejtun.

Inbena sular fuq kull blokka ezistenti tal-iskola li permezz tagħhom - firxa fuq aktar minn 2,500 metru kwadru, qed jiżdiedu 13-il klassi normali, kif ukoll 8 laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, 2 klassijiet għall-home economics, u klassijiet għall-inġinerija u d-disinn. Ġew żviluppati laboratorji u workshops għal suġġetti vokazzjonali fosthom it-teknoloġija tal-informatika, l-ospitalità, il-hairdressing, il-media, u t-tessuti u l-moda.

Aħna bħala Gvern kommessi li ntejbu ħajjiet l-istudenti tagħna biex huma jħarsu lejn l-edukazzjoni bħala fattur determinanti fil-bini tal-futur tagħhom stess. Bis-saħħa tax-xogħlijiet li qegħdin isiru qed naraw iktar skejjel li jimxu 'l quddiem.

Dan qed isir bil-għan li ntejjbu l-ambjent skolastiku biex l-istudenti jieħdu gost fil-ħin li jqattgħu fiżikament fl-iskola. Kulħadd jieħu gost jidħol f’post sabiħ u attrezzat u kkulurit, kemm l-għalliema u l-edukaturi tagħna, kif ukoll l-istudenti. Għalhekk napprezza u nirringrazzja lil kull persuna li hija nvoluta biex isir it-twettieq ta’ dan ix-xogħol għall-benefiċċju tas-sistema edukattiva tagħna.

+++

Din il-ġimgħa żort ċentru li fih kienet għadha kemm intemmet is-sessjoni tal-eżamijiet tal-Matrikola u s-SEC li din is-sena b’mod straordinarju saru bejn id-29 ta’ Awwissu u s-7 ta’ Ottubru 2020.

Dawn l-eżamijiet intemmu b’suċċess u kollox mexa bl-aħjar mod waqt li ġiet salvagwardjata s-saħħa kemm tal-istudenti u kemm tal-eżaminaturi. Filwaqt li nirrikonoxxi t-tħassib ġenwin ta’ min kien inkwetat dwar il-fatt li se jsiru dawn l-eżamijiet, nisħaq li l-fatti juru kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni li l-edukazzjoni tal-istudenti tkompli anke fejn jidħlu l-eżamijiet.

Is-suċċess tas-sessjoni tal-eżamijiet ma kienx b’kumbinazzjoni imma ntlaħaq għaliex l-awtoritajiet segwew il-miżuri kollha li talbu li jitpoġġew f’posthom mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex dawn l-eżamijiet setgħu jsiru.  

Bejn l-eżamijiet tas-SEC u l-Matrikola saru b’kollox 150 sessjoni f’14-il-ċentru differenti. B’kollox ipparteċipaw 7,668 student. Mill-informazzjoni li rċevew l-awtoritajiet edukattivi mingħand l-istudenti stess, 35 student tilfu xi sessjoni jew iktar għaliex kienu kwarantina u dawn xorta waħda se jkunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom wara pronunzjamenti li għamlu iktar kmieni din is-sena l-istituzzjonijiet terzjarji ta’ pajjiżna fejn jidħlu miżuri speċjali ta’ dħul ta’ studenti fuq “probation status”. Ukoll, ma kienx hemm każijiet ta' studenti li kellhom jinħarġu miċ-ċentru tal-eżami għax ħassewhom ma jifilħux.

Saru 9 sessjonijiet ta’ eżamijiet fid-djar ta’ tliet istudenti li se jsegwu korsijiet li jirrikjedu kwalifiki speċjali biex tidħol fihom peress li nqabdu kwarantina.

Nirringrazzja mhux biss lid-Dipartiment tal-Eżamijiet u l-Board tal-MATSEC u l-ħaddiema kollha involuti tal-ħidma kbira li wettqu biex dawn l-eżamijiet setgħu jsiru b’suċċess għall-ġid, fl-aħħar mill-aħħar, tal-istudenti nfushom, imma wkoll lill-Prinċipali, Kapijiet, Edukaturi, studenti u wkoll ġenituri tal-koperazzjoni tagħhom matul din is-sena skolastika li bdejna flimkien.

Dan kollu qed isir għax aħna nemmnu bis-sħiħ fil-ġid ta’ uliedna u ulied uliedna.

More in Politika