Editorjal | Baġit: Mediċina f'waqtha għal ekonomija marida
Hemm bżonn pjan serju li jsir bil-galbu u li jorbot lil dan il-Gvern u l-oħrajn ta' warajh, ħalli meta jerġa jinqala' l-għawġ ikollna aktar fuqhiex nserrħu
Il-Baġit li ressaq il-Ministru Scicluna din il-ġimgħa kien duwa xierqa għal ekonomija li tinsab f'qagħda ħażina, prinċipalment għaliex qed jindirizza l-konsum. Il-konsum li huwa fattur importanti li jaċċerta illi r-rota ekonomika tibqa' ddur, huwa determninat minn bosta fatturi, fosthom - naturalment - il-kunfidenza tal-popolazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja u personali tagħha fil-mument u fil-futur, turiżmu, l-andament ġenerali fil-pajjiż, settur privat vibranti li jinvesti u joffri prodott aħjar u finalment miżuri meħudin mill-Gvern biex jiġi stimulat il-konsum.
Bħalissa l-kunfidenza fost il-konsumatur - għalkemm skont l-aħħar ċifri tal-Bank Ċentrali rat titjib - xorta għadha 'l bogħod milli kienet fil-bidu u fin-nofs tal-2019, qabel Malta ffaċċjat kriżi politika li naqqret xi ftit minn dan l-entużjażmu. Dan huwa ġeneralment minħabba tnaqqis fid-dħul ta' eluf ta' individwi u familji, wħud li tilfu l-impjieg, oħrajn li raw tnaqqis fid-dħul tagħhom u oħrajn li qed jgħixu bil-madwar €750 fix-xahar tal-Wage Supplement tal-Gvern. U daqs kemm huwa inċert il-preżent daqstant ieħor il-futur qarib, b'xitwa dieħla u t-turiżmu li se jiġġammja b'mod assolut. U daqstant ukoll il-futur mhux daqstant immedjat, ladarba kollox qed jiddependi mill-effikaċità, is-sigurtà u l-fornitura ta' vaċċin li mhuwiex fil-kontroll nazzjonali u politiku tagħna, anke jekk din il-ġimgħa l-Ministru tas-Saħħa assigura li f'Jannar qed ikun antiċipat li jidħol il-vaċċin Malta u li sa Ġunju jkun ħadu kulħadd.
Dan kollu jfisser li t-triq hija waħda volatili u fluwida u allura l-ekonomiji dinjiin jinsabu maqbudin f'bużżieqa ta' inċertezza li ma jafux meta se tieqaf.
Ma tridx tkun ekonomista prim biex tirrealizza li l-bżonn bħalissa hija injezzjoni ta' flus li se jissarfu f'konsum u li kemm jista' jkun jillapazzaw biex l-impjiegi jkunu salvagwardjati.
Din il-gazzetta temmen li l-Baġit imħabbar din il-ġimgħa jagħmel propju dan b'miżuri bħaż-żieda fiċ-Children's Allowance, eżenzjonijiet fit-taxxa jew inqas taxxa għal First Times Buyers u għal min ibiegħ jew jixtri proprjetà, tnaqqis f'liċenzji ta' ċerti karozzi, iċ-ċekkijiet tat-taxxa u l-vouchers, li anke jekk mhumiex flus fiżiċi fil-but, huwa konsum li prattikament se jintuża biex ħwienet ikollhom xi forma ta' dħul u negozju għaddej - speċjalment fix-xhur tax-xitwa li din is-sena mistennijin ikunu tliet darbiet agħar milli jkunu normalment, speċjalment jekk apparti l-pandemija jkollna xitwa xi ftit kiesħa u kiefra.
Ma' dawn wieħed irid iżid l-aqwa miżura mħabbra mill-Gvern waqt il-pandemija, jiġifieri l-Wage Supplement, li permezz tagħha l-Gvern qed joħroġ parti mill-paga minflok l-impjegaturi biex b'hekk kemm jista' jkun jinżammu l-impjiegi.
Dan kollu jagħti imbuttatura diretta lill-konsum jew inkella ftit serħan il-moħħ biex persuna ma titlifx xogħolha u tibqa' tgħix u tikkonsma.
Minn dan il-lat allura dan kien baġit tajjeb ferm.
Sfortunatament il-Gvern ma ħax din l-okkażjoni kif nemmnu li messu, biex joħloq qafas regolatorju għal dawk kollha li qegħdin jew se jibdew jaħdmu bit-telework. Hemm bżonn li dan isir kemm jista' jkun malajr.
Nemmnu wkoll illi huwa importanti li jinħoloq tim ta' nies kompetenti, teknokratiċi, unjins, korpi kostitwiti, ekonomisti u politiċi minn partiti differenti li flimkien jingħaqdu, b'mira ċara ta' żmien, illi fiha jridu jipproduċu l-viżjoni ekonomika ta' pajjiżna. Liema setturi se nattiraw? Kif se nattirawhom f'rispett sħiħ tar-regoli tal-UE? Ma' liema pajjiżi għandna bżonn ikollna ftehim? Kif se nbiddlu lit-turiżmu? Kif se nbiegħu l-prodott 'Malta'? Tanġibbilment kif se nħaddmu ekonomija ħadra u blu biex jinħoloq ix-xogħol? Il-kostruzzjoni: Se nibqgħu nibnu flats fuq flats ad eternum?
U nistgħu nibqgħu sejrin.
Hemm bżonn pjan serju li jsir bil-galbu u li jorbot lil dan il-Gvern u l-oħrajn ta' warajh, ħalli meta jerġa jinqala' l-għawġ ikollna aktar fuqhiex nserrħu.
Sabiex nagħmlu dan irridu l-ewwel u qabel kollox ninnewtralizzaw kemm nistgħu mill-ħsara kbira li saret lil pajjiżna bil-fatt li tnejn minn nies setgħana fi Gvern kellhom kumpaniji fil-Panama, ċertu kuntratti li saru u assassinju. Irridu nuru li aħna pajjiż serju, professjonali u no nonesense.
Nemmnu li minkejja kollox, il-Gvern ta' Robert Abela beda miexi f'din it-triq u qed juri s-sinjali kollha tajbin. Huwa issa f'idejn l-Oppożizzjoni ta' Bernard Grech ukoll li tħares lilhinn mill-ponta ta' mneħirha u tgħin biex isem Malta jitnaddaf.
Minn hemmhekk it-triq 'il quddiem tista' tkun biss għat-telgħa u għall-aħjar!