Carmelo Abela | Baġit 2021: Inħallu l-aqwa effett fuq kulħadd
Mhux talli kellna pjan. Talli ħaddimnieh, talli wassal biex il-piż tad-dejn innaqqsuh, biex eliminajna d-defiċit u ġġenerajna snin ta’ surplus. Biex issa, matul dawn l-aħħar xhur tas-sena, dak is-surplus intuża
Minħabba l-fatt li din is-sena kellna iktar minn baġit wieħed, fejn tajna l-għajnuna kif meħtieġ lill-ħaddiema, lin-negozji u l-familji tagħna minħabba l-pandemija li għaddejjin minna, kien hemm min ħaseb li dak ta’ Ottubru ma setax ikun baġit tajjeb bħal ma konna drajna fl-aħħar snin.
Forsi kien hemm min qed jistenna wkoll li l-baġit jiffoka biss fuq l-istimolu ekonomiku għan-negozji u li allura ma jkunx daqshekk b’saħħtu mill-aspett soċjali. Madankollu nasal ngħid li fil-qasam soċjali f’dan il-baġit, il-Gvern ta iktar milli kienu qed jistennew uħud. Għaliex filwaqt li baqa’ jindirizza l-aspett ekonomiku u tax-xogħol, kien baġit li wera fejn tħabbat il-qalb soċjali tal-Partit Laburista.
Baġit li żied il-pensjoni, iċ-childrens’ allowance u l-in-work benefits fost l-oħrajn. Li ser jagħti internet b’xejn lit-tfal li jibqgħu jistudjaw wara s-sekondarja. Ir-ruħ soċjali u l-attenzjoni għall-gruppi iżgħar toħroġ ukoll biċ-ċar f’miżuri oħra bħal dawk dwar il-bolol nieqsa għall-pensjoni, l-għajnuniet għall-foster parents u min irid jaddotta, għall-ħaddiema tat-Tarzna li batew bl-asbestos.
Dan filwaqt li l-Baġit ma ħarisx biss lejn il-pandemija, imma witta’ t-triq għal investimenti ġodda speċjalment fejn tidħol l-ekonomija diġitali u l-ekonomija l-ħadra. Li wera, forsi għall-ewwel darba, kif is-sostenibilità mhijiex problema jew xkiel li għandek teħles minnha, imma hija vantaġġ ekonomiku u soluzzjoni għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.
Biex niġġudikaw lil dan il-Gvern f’dan il-mument, tajjeb ukoll li nqabblu u niftakru x’sar mill-Partit Nazzjonalista fi kriżi oħra, dik tal-2008. Kriżi serja imma li żgur hija differenti minn din. Dakinhar iva, kellna kumpaniji li ġarrbu telf kbir u ċittadini b’investimenti li ntlaqtu, iżda ma qattajniex xhur id-dar bil-ħwienet, ir-ristoranti u lukandi magħluqin, bl-ajruport u l-iskejjel magħluqin. Żgur li ma jistax jitqabbel mas-severità ta’ dak li għaddejjin minnu bħalissa.
Mhux ser insemmi l-bozoz li ser jibqgħu sinonimi mal-politika tant ‘innovattiva’ ta’ Gonzi PN, imma se nsemmi n-nuqqas ta’ responsabilità fl-amministrazzjoni tal-finanzi. Dakinhar il-Kummissjoni Ewropea daħħlet lill-Malta fl-‘Excessive deficit procedure’. Jiġifieri dakinhar, il-Kummissjoni Ewropea kienet qalet lill-Gvern li mhux kapaċi jmexxi l-finanzi ta’ pajjiżu stess. U kienet qalet ukoll li dan ma kienx b’rabta diretta mal-kriżi tal-2008 imma għax kien hemm dejn u deficit għoljin wisq fuq tul ta’ żmien. Min-naħa l-oħra, matul il-kriżi kbira tal-lum, qed naraw Baġit li juri li l-Gvern kien ħoloq biżżejjed ġid fis-snin ta’ qabel b’mod li meta tfaċċa l-għawġ, seta’ jgħin lin-nies.
U dan permezz ta’ baġit b’ruħ socjali. Fejn mhux naqqasna, iżda żidna l-benefiċċji soċjali. Kont mal-Prim Ministru fid-diskussjonijiet ma’ diversi korpi kostitwiti, għaqdiet u gruppi. Iltqajna ma’ min jirrappreżenta l-interessi tal-iktar nies li ma jkollhomx vuċi. U filwaqt li ħaddieħor qallhom li huma ‘tfal’, il-Gvern sema’ lil kull wieħed u waħda minnhom għax irid jifhem aħjar dak li għaddejjin minnu l-gruppi varji fis-soċjetà tagħna. Mhux biex jagħti kollox lil kulħadd qisu xi ‘ġugarell’ kif qal xi ħadd, imma biex wara li jifhem aħjar ir-realtajiet ta’ madwarna, il-Gvern ikun jista’ jippjana u juża r-riżorsi li għandu biex iħallu l-aqwa effett fuq kulħadd.
Baġit li mill-aspett soċjali żgur ma baqax lura, filwaqt li baqa’ jgħin u jsostni b’mod partikolari lil dawk l-oqsma li l-aktar li ntlaqtu tul il-pandemija. Dan bil-Covid Wage supplement li ser ikun estiż sa, mill-inqas,Marzu u bil-vouchers li ser jagħtu għajnuna diretta lill-ħaddiema u nifs ieħor lin-negozji ż-żgħar, ristoranti, lukandi u postijiet tal-akkomodazzjoni.
Ta’ min wieħed jiffoka wkoll fuq l-elementi f’dan il-Baġit li taw każ lill-ħaddiema. Ewlenija fosthom l-għotja ta’ ġurnata oħra leave is-sena d-dieħla, kif tajna wkoll din is-sena biex il-ħaddiema tagħna jqattgħuha mal-familja jew fl-attivitajiet ta’ rikreazzjoni l-aktar għal qalbhom. Leave li ħaddieħor ħa minn wara dahar l-ħaddiema għax kien jiġi s-Sibt jew il-Ħadd. U aħna dawn qed intuhom sena waħda wara l-oħra, ġurnata fis-sena.
Baġit li iva huwa għall-familji, huwa soċjali, huwa għall-ħaddiema. U mhux biss għall-isem, għaliex meta tara l-miżuri waħda waħda ssib li huma prova tal-valuri ta’ dan il-Gvern.
Kienu jgħidulna li m’għandniex pjan. Mhux talli kellna pjan. Talli ħaddimnieh, talli wassal biex il-piż tad-dejn innaqqsuh, biex eliminajna d-defiċit u ġġenerajna snin ta’ surplus. Biex issa, matul dawn l-aħħar xhur tas-sena, dak is-surplus intuża bl-aktar mod għaqli.
Mhux bla ħsieb, bi ħsieb staġnat jew b’nuqqas ta’ ħsieb jew ħila fl-ippjanar.... imma f’diskussjoni ma’ kulħadd, flimkien. U bbażat fuq ir-riflessjoni dwar x’jaqbel għall-gruppi ta’ nies differenti madwarna. Għaliex tassew nemmnu li b’saħħitna lkoll, bħala Maltin f’għaqda waħda nistgħu nirbħu dan iż-żmien u nkomplu mexjin ‘l quddiem.