Owen Bonnici | Ninvestu fl-infrastruttura tal-iskejjel

Aħna rridu li bħala Gvern nagħmlu d-differenza fil-ġenerazzjonijiet tat-tfal li jattendu fl-iskejjel tagħna biex jieħdu l-edukazzjoni tagħhom

Il-bini, klassijiet, laboratorji, u tagħmir – l-infrastruttura edukattiva - huma elementi kruċjali ta' ambjenti ta' tagħlim fl-iskejjel u l-universitajiet. Studji juru li hemm evidenza qawwija li infrastruttura ta' kwalità għolja tiffaċilita struzzjoni aħjar, ittejjeb ir-riżultati tal-istudenti, u tnaqqas ir-rati ta' studenti li ma jkomplux bl-edukazzjoni tagħhom, fost benefiċċji oħra.

Bħala Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qed naħdmu fuq dan il-binarju. Nemmnu li l-istudenti tagħna għandu jkollhom l-aktar ambjent xieraq biex ikunu jistgħu jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fih.

Kif għidt drabi oħra, fejn huwa possibbli qed nibnu skejjel ġodda, moderni u attrezzati bl-aħħar teknoloġija u tagħmir. Fejn huwa possibbli qed nimmodernizzaw, nirriġeneraw spazji u nsebbħu l-ambjenti edukattivi tal-iskejjel tagħna. Dawn l-investimenti joħolqu ambjenti ta' tagħlim ta' kwalità li huma siguri u b'saħħithom u jgħinu biex jinkisbu riżultati edukattivi pożittivi. 

Aħna rridu li bħala Gvern nagħmlu d-differenza fil-ġenerazzjonijiet tat-tfal li jattendu fl-iskejjel tagħna biex jieħdu l-edukazzjoni tagħhom.

L-iskola tal-Qawra hija eżempju ta’ dan. Skola Primarja ġdida li fiha investejna madwar €13-il miljun u li għadna kemm inawgurajna propju ftit inqas min xahar ilu. 

Meta inawgurajna din l-iskola, l-Prim Ministru Robert Abela stqarr li, “Il-mument li nieqfu ninvestu fl-edukazzjoni jkun il-mument li nieqfu ninvestu f’għada. Jien mhux se nkun il-Prim Ministru li nagħmel dan u se nassigura li fil-baġit li se nippreżentaw aktar ‘il quddiem, għal darb’oħra l-edukazzjoni se tkun fuq nett tal-aġenda.

U bħala Gvern aħna ma niggvernawx fuq il-paroli biss, imma fuq il-fatti.

Tant, li l-Budget għas-sena 2021 se jibqa’ mniżżel fl-istorja bħala l-iktar budget li qatt alloka flus lis-settur tal-edukazzjoni u x-xogħol. B’kollox il-budget għas-sena 2021 jagħti żieda totali ta’ €65 miljun u dan mingħajr ma wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-fondi Ewropej. Prijorità ewlenija se tkun il-proġetti infrastrutturali fis-settur edukattiv.

Kullana ta’ proġetti li flimkien mal-iskola tal-Qawra, jkomplu jibnu fuq il-prijorità tagħna li nsaħħu l-edukazzjoni anké fejn tidħol infrastruttura.

Fi żmien ftit xhur, diġa wettaqna diversi proġetti apparti tal-Qawra. Huwa qal li matul din is-sena saru numru ta’ proġetti infrastrutturali oħra wkoll: il-bini tal-footpath fl-Iskola Sekondarja (Liċeo) tal-Ħamrun b’investiment ta’ nofs miljun, u x-xogħol fuq l-Iskola Medja u Sekondarja taż-Żejtun b’investiment ta’ madwar €5 miljuni oħra. Qabel l-aħħar ta’ din is-sena stess se jitlesta x-xogħol ta’ restawr tal-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta b’investiment ta’ €5 miljuni.

U hemm proġetti oħrajn mibdija li għaddej ġmielu x-xogħol fuqhom, bis-sena 2021 li se tkun ikkaratterizzata minn iktar xogħol infrastrutturali fil-kamp edukattiv: xogħol li għaddej għall-bini ta’ Skola Primarja ġdida fl-Imsida b’investiment ta’ €14-il miljun u fil-jiem li ġejjin se titqiegħed l-ewwel ġebla fl-Iskola Primarja l-Ġdida tar-Rabat, Għawdex li se ssir b’investiment ta’ €10 miljun. Din l-iskola se tieħu post l-iskola eżistenti li għandha iktar minn 160 sena.

Żewġ proġetti oħra li fis-sena 2021 se jingħataw spinta kbira huma dawk tal-estensjoni u xogħol maġġuri fuq l-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi u tal-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija rispettivament. Dawn iż-żewġ proġetti se jsiru b’investiment komplessiv ta’ madwar €15-il miljun oħra.

Fl-istess waqt il-Ministeru se jwettaq xogħol ta’ tisbiħ fid-diversi skejjel statali f’Malta u Għawdex, b’mod partikolari, matul is-sena 2021 se jibda xogħol ta’ modernizzar fuq skala ikbar fl-Iskola Primarja tar-Rabat Malta b’investiment ta’ €2.3 miljuni, fl-Iskola Primarja tan-Nadur b’investiment ta’ €1 miljun u fl-Iskola Primarja ta’ Ħal-Għaxaq b’investiment ieħor ta’ €1 miljun. B’kollox huma mistennija jibbenefikaw total ta’ kwazi elf student bejn dawn it-tliet skejjel. Se jinbeda x-xogħol ukoll fuq estensjoni tal-Iskola Primarja tan-Naxxar b’investiment ta’ €2 miljuni oħra.

Għandna pjan sabiħ ħafna u l-futur hu, terga’ isbaħ. Nirringrazzja għax-xogħol tajjeb ħafna li qed jagħmlu l-ħaddiema tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għal dan ix-xogħol li huwa imprezzabbli

Fejn tidħol l-edukazzjoni terzjarja, qal il-Ministru Bonnici, hemm proġetti importanti ħafna li se jingħataw spinta kbira matul is-sena d-dieħla.  

Matul is-sena d-dieħla fl-Università ta’ Malta, se ninvestu f’kumpless sportiv ġdid, kumpless li se jinkludi, fost l-oħrajn, faċilitajiet għall-arti performattiva; indoor track għat-taħriġ tal-atleti; grawnd tal-futbol full-size u trekk olimpiku. Se jkun hemm ukoll binja ġdida għall-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u għall-Iskola tal-Arti Performattiva u parkeġġ ta’ żewġ sulari.

Hemm ukoll t-tlestija matul is-sena d-dieħla ta’ żewġ proġetti infrastrutturali maġġuri li qed isiru b’fondi tal-Unjoni Ewropea – wieħed marbut ma’ Ċentru Ġdid għall-qasam tal-Matematika u l-Fiżika u l-ieħor marbut ma’ Ċentru Ġdid għall-qasam tal-post-doctorate b’investiment totali ta’ €25 miljun.

Fl-MCAST imbagħad, se nkomplu bit-titjib u bini ta’ aktar faċilitajiet fi ħdan il-campus ta’ Raħal Ġdid. Matul is-sena 2021 se naraw it-tlestija taċ-Ċentru Ġdid għar-Riżorsi u l-Bini l-ġdid tal-Informatika b’investiment totali ta’ €23 miljun minn fondi Ewropej. Ser ikun hemm ukoll investiment f’faċilitajiet rikreattivi għat-titjib tas-saħħa mentali u fiżika tal-komunità, l-istudenti u l-impjegati tal-MCAST.

Għandna pjan sabiħ ħafna u l-futur hu, terga’ isbaħ. Nirringrazzja għax-xogħol tajjeb ħafna li qed jagħmlu l-ħaddiema tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għal dan ix-xogħol li huwa imprezzabbli.

+++

L-investiment fl-edukazzjoni huwa wieħed kontinwu u ma jaqta’ xejn. Kif għamilna qabel ma erġajna ftħana l-iskejjel fi tmiem Settembru. Inċidentalment, illum l-ewwel ta’ Novembru huwa propju xahar nieqes ġimgħa mindu l-istudenti bdew deħlin lura fl-iskejjel tagħna, wara li l-edukaturi daħlu lura għax-xogħol fit-28 ta’ Settembru li għadda u għalhekk issa ilhom fuq xahar li reġgħu bdew.

Imma l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel ġie ukoll b’investiment.

Filfatt sa issa ġew allokati €26 miljun għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel skont il-protokolli għall-ħarsien tas-saħħa tat-tfal, edukaturi u ħaddiema. L-investiment totali li l-Gvern alloka biex l-iskejjel ta’ pajjiżna setgħu jinfetħu skont il-protokolli maħruġa mill-awtorijiet kompetenti sa issa jammonta għal total ta’ €25,984,560.

Minbarra dan, matul is-sena d-dieħla huwa mistenni li jintefqu €11,962,000 oħra fi spejjeż rikorrenti in vista tal-istess protokolli. 

U din hi prova ċara tal-impenn tal-Gvern biex l-edukazzjoni tat-tfal u l-istudenti tkompli timxi ’l quddiem u ta’ kemm il-Gvern ħa bis-serjetà s-saħħa u s-sigurtà tat-tfal, edukaturi u ħaddiema fl-iskejjel.

Dawn l-ammonti jinkludu nefqa addizzjonali fis-servizz ta’ tindif, fis-servizz ta’ sigurtà, fis-servizz ta’ superviżjoni mal-wasla u t-tluq tat-tfal, fil-provvediment ta’ materjal tal-ħasil, iġjene, sanitazzjoni u diżinfezzjoni, ħlasijiet marbuta mar-risk assessments, ħlasijiet marbuta ma’ lezzjonijiet pre-rekordjati, servizzi addizzjonali ta’ ħarsien tat-tfal f’żewg ċentri ġodda, spejjeż ġodda marbuta mal-breakfast għat-tfal u oħrajn.

U din hi prova ċara tal-impenn tal-Gvern biex l-edukazzjoni tat-tfal u l-istudenti tkompli timxi ’l quddiem u ta’ kemm il-Gvern ħa bis-serjetà s-saħħa u s-sigurtà tat-tfal, edukaturi u ħaddiema fl-iskejjel

F'kull skola, minn dakinhar li reġgħu fetħu l-bibien tagħom, ġie appuntant uffiċjal minn fost l-edukaturi li xogħlu huwa li meta, u jekk ikun hemm xi kaz ta' COVID-19 fost l-istudenti, edukaturi jew ħaddiema jieħu ħsieb il-proċessi kollha li hemm bzonn kemm mal-kommunità tal-Iskola u kemm mal-Awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

Nirringrazzja lill-edukaturi tagħna tas-serjetà sħiħa li qed jimxu biha u lill-ġenituri tal-koperazzjoni li qed jagħtuna.

It-tbissima tat-tfal huma u deħlin l-iskola hija l-ikbar sodisfazzjon li nistgħu nieħdu ta' dan il-ħidma kollha!

More in Politika