Owen Bonnici | Aktar ħidma fis-settur edukattiv

Qed nagħmlu l-almu tagħna kollu biex inbiddlu l-ambjent infrastrutturali biex ikun ta’ benefiċċju għall-istudenti uliedna. Irridu li kemm jista’ jkun it-tieni dar tat-tfal tagħna tkun waħda li jieħdu gost jgħixu fiha – jgħixu l-vjaġġ eċitanti u edukattiv tagħhom

Tnaqqas ftit jiem, l-istudenti issa ilhom xahar li daħlu lura fl-iskejjel tagħhom, minn fejn qed jieħdu l-aħjar edukazzjoni li jistgħu jieħdu – mill-klassijiet flimkien mal-edukaturi dedikati tagħna. Il-protokolli kollha – aktar minn ħamsin waħda – li ħadna qabel il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel qed jipproteġu lill-uliedna u wkoll lill-edukaturi fl-ambjent edukattiv, wara l-pubblikazzjoni tal-Pariri u l-Gwida maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Matul is-Sajf, ġew riveduti s-sillabi kollha sat-tmien Sena waqt li l-MATSEC irrivediet u qed tkompli tirrevedi s-sillabi tagħha tas-SEC biex jirriflettu r-realtajiet ċirkostanzjali bla ma titnaqqas il-kwalità.

U anki biċ-ċirkostanzi prevalenti fid-dinja kollha minħabba l-pandemija, qed inkomplu għaddejjin bil-ħajja studenteska. Il-Ġimgħa l-istudenti li qagħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC u s-SEC dan is-Sajf irċevew ir-riżultati tagħhom kemm bil-posta u kemm b'SMS.

Fil-ħidma tagħna qed naraw li l-iskejjel il-ġodda jkun attraenti, moderni, bi spazji mqassma aħjar u wkoll li jinkorporaw teknoloġija ġdida, u wkoll li jkunu aċċessibbli b’mod aħjar milli kienu. Ridna li jkunu binjiet li mhux biss isservu għall-għanijiet primarji tagħhom – dik ta’ skejjel edukattivi – imma wkoll li l-istudenti jieħdu gost jattendu fihom bħala studenti u wkoll li l-edukaturi jieħdu gost jaħdmu fihom

Awguri lill-istudenti kollha. Nixtiqilhom kull suċċess!

Suċċess li rajt f’attività ħelwa u sinifikanti dil-ġimgħa. Attendejt avveniment biex tiġi ċċelebrata l-prestazzjoni eċċellenti ta’ diversi studenti fl-isfida tal-Matematika bl-isem ta’ High 5 Junior Mathematicians Challenge u l-isfida tat-turnew Mathematics Without Borders.

Dan huwa programm ta’ arrikkiment għal studenti b’talent fil-Matematika organizzat mid-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Matul iċ-Ċerimonja tal-Premjijiet ġew iċċelebrati wkoll ir-riżultati eċċezzjonali ta’ tmien studenti Maltin li kisbu l-aqwa riżultati fir-round finali tas-seba’ edizzjoni tat-turnew internazzjonali Mathematics Without Borders.

Dan it-turnew joffri sfidi lill-istudenti b’talenti fil-Matematika u jipprovdilhom pjattaforma adegwata biex juru l-kapaċitajiet eċċezzjonali tagħhom. Jinkoraġġixxi spirtu kompetittiv fost il-parteċipanti u approċċ ta’ tim kollaborattiv. Matul l-edizzjoni ta’ din is-sena, 1,621 student minn 19-il pajjiż differenti pparteċipaw fir-round finali. 18-il student Malti kkwalifikaw għall-aħħar round. Il-prestazzjoni tat-18-il parteċipant Malti kienet notevoli matul dan il-vjaġġ.

Barra minn hekk, matul din is-sena skolastika, l-istudenti tal-10 sena se jerġgħu jipparteċipaw f’serje ta’ attivitajiet għal tfal b’talent fil-Matematika. L-attivitajiet jiffukaw fuq aspetti differenti tal-Matematika li jibnu fuq u jmorru lil hinn mill-kurrikulu tal-Matematika tas-Sekondarja. Sa mill-bidu nett, din l-attività ġġenerat ħafna interess u entużjażmu fost l-istudenti u l-għalliema tagħhom. Minħabba ċ-ċirkostanzi attwali, l-attivitajiet ta’ din is-sena se jsiru online.

Nifraħ lill-istudenti kollha li ħadu sehem, filwaqt li rringrazzja lid-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar tad-dedikazzjoni, għaliex dan il-gvern huwa kommess li jkompli jipprovdi opportunitajiet għal studenti b’talent fil-Matematika ħalli jrawmu t-talenti tagħhom.

L-edizzjoni li jmiss tal-Isfida tal-Matematika High 5 Junior Mathematicians Challenge se titnieda permezz ta’ ċirkolari mibgħuta lill-iskejjel kollha f'Jannar 2021.

+++

Ħidma li ma taqta’ xejn. F’anqas minn xahar poġġejna l-ewwel ġebla ta’ żewġ skejjel ġodda, waħda fl-Imsida u l-oħra fir-Rabat, Għawdex – investiment f’uliedna ta’ €20 miljun.

Qed nagħmlu l-almu tagħna kollu biex inbiddlu l-ambjent infrastrutturali biex ikun ta’ benefiċċju għall-istudenti uliedna. Irridu li kemm jista’ jkun it-tieni dar tat-tfal tagħna tkun waħda li jieħdu gost jgħixu fiha – jgħixu l-vjaġġ eċitanti u edukattiv tagħhom.

Il-proġett tal-Imsida jara l-iskola - li nbniet 64 sena ilu – titwaqqa’ kompletament ħlief parti mill-faċċata tal-iskola l-antika li nżammet u se tkun inkorporata bħala disinn fil-binja l-ġdida. L-iskola li twaqqgħet kellha problemi strutturali speċjalment fis-soqfa u wkoll inkonvinjent għal aċċessibiltà faċli, b’ħafna turġien u diżlivelli. Is-sala tal-iskola kienet pjuttost żgħira għall-għanijiet tagħha.

Il-proġett fir-Rabat, Għawdex qed isir wara snin ta’ pjanar kif ukoll ta’ deċiżjonijiet bil-galbu u se jkun l-akbar proġett kapitali fl-infrastruttura edukattiva f’Għawdex. Proġett li huwa wkoll nifs ġdid fil-qasam edukattiv, meta tqis li l-iskola primarja eżistenti, li hija maghrufa bhala l-"Happy School" ilha mibnija madwar 160 sena.

Fil-ħidma tagħna qed naraw li l-iskejjel il-ġodda jkun attraenti, moderni, bi spazji mqassma aħjar u wkoll li jinkorporaw teknoloġija ġdida, u wkoll li jkunu aċċessibbli b’mod aħjar milli kienu. Ridna li jkunu binjiet li mhux biss isservu għall-għanijiet primarji tagħhom – dik ta’ skejjel edukattivi – imma wkoll li l-istudenti jieħdu gost jattendu fihom bħala studenti u wkoll li l-edukaturi jieħdu gost jaħdmu fihom.

+++

Nieħu gost ukoll bil-ħidma li għaddejja f’oqsma oħra f’dan is-settur.

Il-poplu Malti ilu li rrealizza li l-edukazzjoni hija l-aqwa għodda għall-mobbiltà soċjali - l-aqwa għodda biex anke l-iktar persuna li ġejja mill-iktar familja vulnerabbli jkollha l-ikbar opportunità li tfassal il-futur fejn tixtieq tasal, li tirnexxi u tmexxi lil ħaddiehor ‘il quddiem u twelled ġenerazzjoni oħra ta’ suċċess. 

U l-ħidma tagħna hija msejsa wkoll fuq dan l-aspett. Ħa nieħu l-kas tal-lezzjonijiet li qed isiru onlajn. Infakkar li nħarget sejħa għal aktar minn darba għall-għalliema biex jiġu rrekordjati l-lezzjonijiet li jkunu on demand, u fejn hemm nuqqas ta’ għalliema li resqu ‘l quddiem, is-sejħiet baqgħu għaddejjin. Il-lezzjonijiet li ġew irrekordjati qed jittellgħu fuq pjattaforma nazzjonali u s’issa diġa ttellghu aktar minn elf lezzjoni. 

Wara li saru t-tħejjijiet kollha neċessarji, waslet ukoll biex tinfetaħ l-ewwel skola virwali, li ser tilqa’ fiha t-tfal tal-Primarja li huma vulnerabbli jew li ġejjin minn sitwazzjoni vulnerabbli u dan wara qbil li ntlaħaq mal-MUT.

Imma hemm ħidma wkoll li se tagħti l-frott tagħha mis-sena li ġejja, kif smajna fil-baġit.

Nislet hawn kif se jingħata aċċess għall-internet b’xejn, għal sena sħiħa, lil dawk l-istudenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw wara li jtemmu l-istudji tagħhom fis-sekondarja. Din il-miżura se tkun introdotta fl-ewwel kwart tal-2021. Għalhekk dawk l-istudenti kollha li din is-sena akkademika 2020/2021 hija l-ewwel sena tagħhom ta’ studenti f’istituzzjonijiet post-sekondarji, kif ukoll huma eliġibbli għall-istipendju, fis-sena li ġejja se jkunu qed jingħataw grant addizzjonali sabiex ikopru l-ispejjeż tal-internet għas-sena akkademika.

Minbarra dan, hemm ukoll il-kumpens tal-għoli tal-ħajja. Dan se jingħata lill-istudenti pro rata b'zieda mal-istipendju kif ilu jsir sa mill-2014.  Kull sena akkademika, jibbenefikaw madwar 17,000 student. Fis-snin riċenti, ġew introdotti numru ta’miżuri biex jipprovdu appoġġ finanzjarju lil studenti li jkomplu t-tagħlim tagħhom lil hinn mill-edukazzjoni obbligatorja.

F’dan is-settur qed nagħmlu l-almu tagħna kollu. Irridu li dak li nagħmlu jissarraf f’ġid għall-istudenti kollha, minn dawk li għadhom jibdew, għal dawk li deħlin fl-istudji avvanzati tagħhom.

Għax nemmen bis-sħih, li kieku is-suċċess kellu jkun pajjiż, l-edukazzjoni tkun il-belt kapitali tiegħu. Dan il-Gvern huwa kommess u impenjat biex nibqgħu intejbu u nsaħħu s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna għaliex uliedna jixirqilhom l-aħjar biex inkunu Maltin b’saħħitna ‘l quddiem. 

More in Politika