Josianne Cutajar | Naħdmu għal Turiżmu sostenibbli
Nafu li bl-effett tal-pandemija tista’ tgħid li mil-lejl għan-nhar, is-setturi marbuta mat-turiżmu raw id-dħul tagħhom nieżel b’mod drastiku – kważi tista’ tgħid li waqaf għal kollox. Imma l-baġit jaħseb biex jgħin ukoll lil dan is-settur f’dan il-mument ta’ diffikultà
Huwa fatt magħruf li bil-pandemija tal-COVID-19, is-settur tal-ivjaġġar u t-turiżmu ntlaqat sew. Nafu kemm it-turiżmu huwa pilastru ewlieni fil-kuntest soċjoekonomiku Malti u jikkontribwixxi b’mod sostanzjali fil-ħolqien tal-ġid u l-impjiegi.
Għalhekk l-għajta, speċjalment bil-ħidma tiegħi kemm fit-Task Force dwar it-Turiżmu u wkoll f’fora oħra, fosthom il-Kumitat tat-Trasport u Turiżmu fil-Parlament Ewropew u l-Grupp SEARICA, hija biex ikun hemm ħidma kollettiva ħalli ngħinu lil dan is-settur jerġa’ jirpilja – u wkoll inressqu lil dan is-settur għal wieħed sostenibbli.
Ħadt gost li fil-baġit li għadda kien hemm biċ-ċar kif il-Gvern Laburista qed jara l-ħidma tiegħu f’dan is-settur. Mhux biss biex jgħinu f’dawn iż-żminijiet bla preċedent li għaddejjin minnu, imma wkoll biex ikun settur sostenibbli.
Nafu li bl-effett tal-pandemija tista’ tgħid li mil-lejl għan-nhar, is-setturi marbuta mat-turiżmu raw id-dħul tagħhom nieżel b’mod drastiku – kważi tista’ tgħid li waqaf għal kollox. Imma l-baġit jaħseb biex jgħin ukoll lil dan is-settur f’dan il-mument ta’ diffikultà. Għajnuna li għas-sena d-dieħla se ssarraf f’ħidma bla heda biex nirkupraw kemm nistgħu dak li tlifna.
Dan se jsir fi sfond ta’ sfidi li huma kbar. Malta se tkun f’kompetizzjoni għal numri iżgħar ta’ vjaġġaturi globali imma bil-ħidma li hemm ippjanata rridu naraw mixja lejn triq ta’ riżultati aħjar mill-medja internazzjonali.
Għalhekk fil-baġit hemm strateġija aġġornata għall-iżvilupp tat-turiżmu bbażata fuq il-prinċipji ta’ bidu ġdid tal-industrija li huwa msejjes fuq sisien aktar sostenibbli u kompetittivi u li jimmiraw għal aktar kwalità. Strateġija li għandha twassal sas-sena 2030.
Il-Gvern mhux qed jara biss li jgħin b’miżuri u b’għajnuna finanzjarja. Irid isaħħaħ lil dan is-settur b’diversi modi.
Ħidma li għandha twassal lill-industrija tat-turiżmu timxi lejn ‘Net Zero Carbon Neutral’, fl-ambitu tal-kuxjenza tas-soċjetà li qed tifhem aktar l-impatt fuq l-ambjent li ngħixu fih. Għalhekk l-għajnuna lil dan is-settur, biex kull stabbiliment turistiku żgħir jew kbir f’pajjiżna jibda jiġġenera biżżejjed enerġija minn sorsi nodfa, filwaqt li jnaqqas il-konsum permezz ta’ investimenti f’teknoloġiji innovattivi. Miri ambizzjużi iżda importanti.
Ħidma wkoll għal investiment diġitali f’dan il-qasam, biex il-Gvern jara li anki fil-qasam tat-turiżmu, tidħol id-diġitalizzazzjoni li għandha tippreżenta opportunitajiet għan-negozji biex ikomplu jespandu l-firxa tas-swieq tagħhom, iżidu t-tkabbir, itejbu l-effiċjenzi fl-operat, u jkabbru l-vantaġġ kompetittiv tagħhom.
Ħidma li tinkludi wkoll ir-riġenerazzjoni u ż-żamma fi stat tajjeb taż-żoni turistiċi billi tul is-sena d-dieħla se jitnieda ‘Design Contest’ bil-għan li jitfassal Pjan Ħolistiku għar-Riġenerazzjoni ta’ diversi żoni turistiċi.
Pjan li jinkwadra sew ma’ dik li hija l-ħidma li qed issir fl-Unjoni Ewropea biex dan is-settur jerġa’ jitqajjem fuq saqajh – imma wkoll biex ikun settur sostenibbli.
Fil-fora Ewropej, bħala membri tat-Task Force tal-Parlament Ewropew dwar it-Turiżmu, ilna nitolbu lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea biex twettaq dak li huwa meħtieġ u tiżgura li tressaq strateġija dwar turiżmu sostenibbli u wkoll biex ikun hemm linja baġitarja li tkun dedikata għal dan is-settur.
Fi tmiem ix-xahar li għadda waqt l-Assemblea Ġenerali tal-‘Conference of Peripheral Maritime Regions of Europe’ kien diskuss dan is-suġġett b’enfasi mal-Mediterran. Ħadt sehem attiv f’din il-Konferenza u stqarrejt li l-Mediterran huwa reġjun sabiħ, imfittex minn mases ta' turisti sena wara sena, b’hekk il-Mediterran jiddependi ħafna mit-turiżmu. Hemm bżonn li jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji biex dan is-settur ikun mgħejjun jerġa’ jsib saqajh u biex naraw kif ma nibqgħux inħarsu biss lejn in-numri ta’ turisti iżda wkoll lejn il-kwalità.
Sħaqt li din is-sitwazzjoni tista’ wkoll tkun opportunità għar-reġjun biex jieħu nota ta’ dak li ma kienx jaħdem fit-turiżmu tal-massa kif konna mdorrijin, nirriflettu u mmorru bi pjan għal settur turistiku aktar sostenibbli, ħalli nibdew mill-ġdid.
Għalhekk tkellimt dwar diversi punti. Li hemm bżonn sforz konġunt fit-turiżmu; li hemm bżonn aktar involviment tal-UE; il-bżonn ta’ ħolqien ta’ ‘European Tourism Union’ li tagħti politika komuni Ewropea għat-Turiżmu, bi Pjan ta’ Azzjoni dwar Turiżmu sostenibbli; li jkun hemm kriterji ċari ta’ sostenibbiltà li jkopru impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali b’kooperazzjoni intergovernattiva; li fil-Multiannual Financial Framework hemm bżonn allokazzjoni għall-Baġit Sostenibbli għat-Turiżmu; li l-Bank Ewropew tal-Investiment jibni fuq il-miżuri diġà mressqa indirizzati lejn l-SMEs u joħloq qafas li jippermetti aċċess għal finanzjament għal dawn in-negozji żgħar fis-settur tat-turiżmu u wkoll li l-flessibilità mogħtija fir-regoli tal-Għajnuna dwar l-Istat għandha tibqa' għat-tul tal-fażi ta' rkupru u wara dan tibqa' f'postha għal dawk iż-żoni li l-aktar għandhom bżonnhom, inkluż żoni kostali u gżejjer.
Nemmen bis-sħiħ li dan huwa l-qafas li l-Unjoni Ewropea trid taħdem fuqu għal dan is-settur, biex tgħinu jerġa’ jqum fuq saqajh u tagħmlu reżiljenti għall-futur, għall-benefiċċju ta’ eluf ta’ negozi u ħaddiema li jiddependu minnu.