Owen Bonnici | Xahar ta’ edukazzjoni fil-klassi

Minkejja li ninsabu f’dinja ta’ normalità differenti, minkejja l-limitazzjonijiet u d-diffikultajiet li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19, qed inkomplu għaddejjin bl-impenn tagħna għall-benefiċċju tal-istudenti f’kull qasam tas-settur edukattiv

Bħal nhar is-Sibt xahar, l-istudenti kollha daħlu lura fuq il-bankijiet tal-iskejjel tagħhom. U nirriafferma dak li ilni ngħid li dan huwa l-aħjar mod ta’ kif uliedna jieħdu l-edukazzjoni tagħhom – mill-edukaturi dedikati li għandna u fil-klassi.

Ilkoll kemm aħna għandna responsabbiltà fuqna, li m’hix żgħira. Dik li lill-uliedna nagħtuhom l-opportunitajiet kollha possibbli biex nagħtuhom edukazzjoni li bi dritt għandu jkollhom u wkoll bl-aqwa u l-aħjar mod possibbli. U dan huwa d-dmir tagħna, lkoll.

Bħala Ministeru, b’tim kbir u dedikat qed nagħmlu propju dan. Għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, wara li l-pandemija laqtet lill-pajjiżi kollha madwar id-dinja, ħsibna biex noħolqu ambjent sikur għal uliedna. Intenni li l-preparamenti bdew mall-ewwel, wara għadd konsiderevoli ta’ laqgħat, diskussjonijiet u ppjanar, mhux biss lokali, imma wkoll ma’ sħabi l-Ministri tal-Ewropa. Mal-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin u wkoll mal-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Riżultat ta’ dan, fetħu l-iskejjel mill-ġdid, wara li ftaħna ċ-Childcare Centres u SkolaSajf b’suċċess. Fetħu wara li tpoġġew f’posthom mal-iskejjel kollha, aktar minn 50 miżura fuq protokoll imfassal mill-Awtorità tas-Saħħa pubblika, b'konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, li għandhom l-għan li jiġi minimizzat kemm jista' jkun ir-riskju ta' trasmissjoni tal-COVID-19. U ‘l hinn minn dak rikjest, ċertifikat mogħti minn assessuri indipendenti li qegħdin fuq ir-reġistru tal-OHSA u dawn iċċertifikaw kull skola statali bħala skola li l-protokolli li talbu minna l-Awtoritajiet tas-Saħħa ġew implimentati.

Nemmnu bis-sħiħ li l-edukazzjoni hija wieħed mill-pedamenti fundamentali għal soċjetà sȃna, għal soċjetà li tkun verament qed tgħix b’saħħitha, mhux b’saħħa fiżika biss, imma saħħa kollettiva li twassal għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar.

Iva, kieku s-suċċess kellu jkun pajjiż, l-edukazzjoni tkun il-Belt Kapitali tiegħu!

Għalhekk nieħu gost nara baġit li qatt daqs din id-darba ma’ alloka tant fondi għas-settur tal-edukazzjoni. Fondi li se jkomplu jibnu ħajja aħjar għal uliedna u ulied uliedna f’dan is-settur tant importanti għalihom.

Fondi li se jmorru għal aktar investiment fl-infrastruttura u wkoll f’miżuri li minnhom se jkomplu jibbenefikaw mhux biss l-istudenti imma wkoll l-edukaturi.

Kuntent ukoll nara inizjattivi dejjem għaddejjin f’kull livell edukattiv.

Is-settur tal-edukazzjoni huwa wieħed fejn ħafna drabi ma tarax ir-riżultat dak il-ħin, imma taħsad il-frott ta' dak li tkun żrajt, snin wara. Għalhekk importanti li titkompla l-edukazzjoni u li l-vjaġġ edukattiv ma jkunx imfixkel bla bżonn. Imma dan ukoll jitfa' fuq spallejna obbligu akbar li minn issa nagħtu prijorità lill-oqsma tal-futur.

Il-qasam tax-Xjenzi huwa bla dubju settur li se jiddetermina s-suċċess ta' Malta tal-lum u ta' għada. Irridu iktar studenti jsiru jħobbu x-Xjenza, t-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matemika. Irridu studenti kemm subien u kemm bniet li jidħlu f'dawn il-kampi sbieħ u eċitanti. Pajjiżna jrid ikollu ekonomija bbażata fuq l-innovazzjoni u s-suċċess f'dan il-kamp irid jibda minn issa, fil-kwiet tal-klassijiet tal-iskejjel tagħna!

Nemmnu bis-sħiħ li l-edukazzjoni hija wieħed mill-pedamenti fundamentali għal soċjetà sȃna, għal soċjetà li tkun verament qed tgħix b’saħħitha, mhux b’saħħa fiżika biss, imma saħħa kollettiva li twassal għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar

Konxji sew minn dan, dil-ġimgħa varajna kampanja StartStem li għandha l-għan li tqajjem kuxjenza u tinforma dwar dawn l-oqsma tant sbieħ.

Minkejja li ninsabu f’dinja ta’ normalità differenti, minkejja l-limitazzjonijiet u d-diffikultajiet li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19, qed inkomplu għaddejjin bl-impenn tagħna għall-benefiċċju tal-istudenti f’kull qasam tas-settur edukattiv.

L-MCAST qiegħda għal darboħra tagħmel ħidma imprezzabbli biex toffri lill-istudent l-opportunità li jżewweġ it-teorija mal-prattika. U dan bis-saħħa tal-apprendistat, fejn hemm iktar minn 1,500 student li qed jagħmlu din l-esperjenza tant importanti.

Skema tal-apprendistat bħal din, tagħti lok lill-istudent biex dak li jkun tgħallem fuq il-bank tal-iskola, ikun jista' jattwah u jesperjenzaħ fil-prattika biex b'hekk jimmassimiżża l-ħiliet u l-potenzjal tiegħu, filwaqt li dejjem aktar jersaq lejn id-dinja tax-xogħol b'mod prattiku.

Irridu iktar skemi ta' apprendistat u rridu iktar negozji jaħdmu id f'id magħna biex nagħtu futur aħjar lill-istudenti tagħna fil-kamp vokazzjonali.

Kommessi anki hawn, li nkomplu ngħinu lill-istudent iqarreb il-ħiliet akkademiċi mal-esperjenzi lavorattivi.

Il-ħidma li għaddejja f’dan il-qasam hija fuq kull livell. U biex ninkoraġixxu lill-istudenti, nagħtuhom oppotunitajiet varji biex anki nirrikonoxxu l-ħidma bieżla tagħhom.

Nidejna konkors ta' premijiet fis-settur tal-Edukazzjoni Vokazzjonali u Taħriġ li se jiġi organizzat għall-ewwel darba f’Malta. It-tnedija tal-Malta VET Awards hija allinjata mal-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali, organizzata kull sena mill-Kummissjoni Ewropea u kull Stat Membru. Il-Malta VET Awards jirriflettu wkoll il-VET Excellence Awards li huma organizzati fuq livell Ewropew kull sena. Il-premjati Maltin jistgħu eventwalment jiġu nnominati għall-premjijiet Ewropej.

Dawn il-premjijiet jipprovdu pjattaforma fejn prattika tajba, innovazzjoni u eċċellenza fil-VET jingħataw profil ogħla u viżibilità mtejba.

Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea u kull Stat Membru jorganizzaw avvenimenti biex jiċċelebraw il-ħiliet vokazzjonali, jagħtu viżibilità lill-kisbiet tal-VET, u jippromwovu wkoll il-VET b’mod ġenerali fost il-pubbliku ġenerali.

+++

L-ebda pajjiż ma jista' jikseb żvilupp ekonomiku sostenibbli mingħajr investiment sostanzjali fl-edukazzjoni u fil-kapital uman, li jimxu id f'id. Hija l-edukazzjoni li tarrikkixxi l-qagħda ta’ kull wieħed u waħda minnha u twassalna biex intejbu l-kwalità ta' ħajjitna.

Għalhekk it-tisħieħ ta’ dan is-settur permezz tal-miżuri fil-baġit.

Miżuri li se jsaħħu mhux biss l-infrastruttura – il-ġebla, il-bini – li huwa importanti, imma bil-wisq aktar dak li jsir fuq ġewwa tal-bini kollu fl-oqsma kollha tas-settur edukattiv.

Miżuri li huma ntiżi biex jagħtu aktar kuraġġ lill-istudenti fil-ħajja skolastika tagħhom. U wkoll lill-edukaturi u lill-ġenituri.

Wettaqna ħafna u ħafna xogħol u dan għadu biss farka ta’ dak li fadlilna nagħmlu u fadlilna nwettqu. Dan kollu sar u qed isir għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Mhux biss tal-lum, imma wkoll tal-ġenerazzjonijiet li għad iridu jgawdu minnu

L-edukazzjoni naraha bbażata fuq trepid – aħna, l-edukaturi u l-ġenituri li flimkien ma’ s-sħab kollha fis-settur naħdmu għal għan wieħed – li naraw lill-uliedna u ulied uliedna jirnexxu f’ħajjithom, b’edukazzjoni soda u bl-aħjar mod li tista’ tingħata.

B’ħidma li għaddejja, b’dak li hemm fil-baġit, bil-pjani li għandna għal dan is-settur, qed inħares lejn is-sena 2021 b’ottimiżmu kbir, b’sens ta’ pożittività li se nkomplu nwettqu u li se nkomplu nirnexxu.

Wettaqna ħafna u ħafna xogħol u dan għadu biss farka ta’ dak li fadlilna nagħmlu u fadlilna nwettqu. Dan kollu sar u qed isir għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Mhux biss tal-lum, imma wkoll tal-ġenerazzjonijiet li għad iridu jgawdu minnu.

More in Politika