Carmel Cacopardo | Lil hinn mill-GDP
Ekonomija iktar ġusta teħtieġ li tħares lejn l-istampa kollha u m’għandhiex tillimita ruħa għall-kejl tal-GDP
“Il-GDP jkejjel kollox ħlief dak li hu importanti għall-ħajja.” Dan kien intqal minn Robert Kennedy f’diskors li kien għamel fl-Università ta’ Kansas fl-1968, ftit ġimgħat qabel ma kien assassinat.
Kien diskors waqt il-kampanja elettorali għall-Presidenza Amerikana. Kennedy kien żied jgħid li l-GDP (Prodott Gross Nazzjonali) la jqis is-saħħa ta’ wliedna u l-anqas il-kwalità tal-edukazzjoni tagħhom. La jinkludi s-sbuħija tal-letteratura tagħna, la s-saħħa tal-familji tagħna u l-anqas l-integrità tal-uffiċjali pubbliċi tagħna. Illum forsi nużaw lingwaġġ differenti biex nispjegaw ruħna imma l-affarijiet ftit inbidlu fi 52 sena. Il-GDP għadu jkejjel kollox ħlief dak li hu mportanti għall-ħajjitna.
Li nsegwu l-oġġettiv ta’ tkabbir ekonomiku bħala l-iktar skop importanti tal-ħidma tal-pajjiż huwa f’kunflitt mal-fatt li r-riżorsi tad-dinja huma limitati. Dan jikkuntrasta mal-fraġilità tal-ekosistema tagħna li niddependu fuqha għall-eżistenza tagħna.
It-tkabbir ekonomika suppost li joħloq il-ġid. Iżda ħoloq ukoll il-bidla fil-klima, in-nuqqas ta’ sigurtà fil-qasam tal-enerġija, prezzijiet li jogħlew bla limitu, bijodiversità li qed tintilef b’rata mgħaġġla, aċċess għal ilma u arja nadifa li qed jonqos kontinwament u inugwaljenza fuq livell globali li qed tiżdied b’mod allarmanti. Dan kollu ma jitkejjilx mill- Prodott Gross Nazzjonali (GDP).
Il-GDP ħsiebu biss fil-ġid materjali. Jinjora s-saħħa, l-edukazzjoni, s-sigurtà fit-toroq, it-tessut soċjali tas-soċjetà, il-ħerba li titnissel minn kull forma ta’ mibgħeda. Il-GDP, imma, jinkludi l-produzzjoni tal-armamenti, l-qerda tal-ambjent f’isem dak li jissejjaħ “progress” jew żvilupp, kif ukoll produzzjonijiet fuq it-TV li jigglorifikaw il-vjolenza bl-iskop li jbiegħu ġugarelli lit-tfal.
Ir-riżorsi tad-dinja huma limitati u allura ma jistgħux iservu ta’ bażi għal tkabbir ekonomiku bla limitu. It-tkabbir ekonomiku għaldaqstant għandu limitazzjoni prattika li bosta minn dawk involuti fl-ippjanar ekonomiku jinjoraw.
Huwa f’dan il-kuntest li aħna l-ħodor Maltin f’ADPD ħadna pjaċir bl-inizjattiva tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Knisja f’Malta, inizjattiva li tħares lil hinn mill-GDP. Ħadna pjaċir b’dan mhux biss għax hi inizjattiva tajba imma ukoll għax issa hawn xi ħadd ieħor jgħid affarijiet li aħna l-ħodor ilna żmien twil intambru dwarhom. Issa m’għadniex waħedna!
Id-dokument ta’ 54 paġna ippubblikat mill-Kumissjoni tal-Knisja hu intitolat Beyond GDP – A framework to gauge Malta’s success through quality of life. Jgħid li jekk nibqgħu nillimitaw il-kejl tal-progress bl-użu tal- GDP ifisser li diversi fatturi oħra li jgħinu fil-kisba ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar ikunu injorati.
Dan l-istudju, li kellu l-appoġġ tal- EY, tal-Bank APS u tas-soċjetà Seed Consultancy ser jagħti kontribut mhux żgħir għall-ħolqien ta’ diskussjoni politika matura, li n-nuqqas tagħha nħossuħ kontinwament.
L-insistenza li mmorru li hinn mill-GDP biex inkejlu l-kwalità tal-ħajja mhuwiex eżerċiżżju biex titnaqqas l-importanza tal-ekonomija. Hi riżultat tal-konvinzjoni li l-ekonomija ma għandhiex tibqa’ tkun ikkunsidrata għaliha waħedha imma għandha titqies f’kuntest realistiku. L-oqsma soċjali, ambjentali u kulturali huma relevanti daqs l-ekonomija fil-kejl tal-livell tal-kwalità tal-ħajja tagħna.
Ekonomija iktar ġusta teħtieġ li tħares lejn l-istampa kollha u m’għandhiex tillimita ruħa għall-kejl tal-GDP. Dan hu mod ieħor kif nemfasizzaw il-ħtieġa ta’ żvilupp sostenibbli, terminu li illum jintuża ħafna imma mhuwiex mifhum u ipprattikat biżżejjed.
Li mmorru lil hinn mill-GDP biex inkejlu l-kwalità tal-ħajja għandu jagħtina indikaturi iktar realistiċi li għandna ħtieġa urgenti tagħhom.