Owen Bonnici | Innovazzjoni
L-imħuħ li ltqajt magħhom huma mpressjonanti u ħafna minnhom tampari jew iżgħar minni, mimlija enerġija u jafu eżatt x'irid isir u fejn irridu naslu
Minn mindu ngħatali portafoll ġdid – dak marbut mar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija post-COVID – għażilt li nitkellem inqas, u nisma’ iktar, partikolarment f’dan l-istadju.
Ridt nieħu ritratt tas-sitwazzjoni fost ir-riċerkaturi, innovaturi u xjenzati li għandna f'pajjiżna.
Ħa nibdew minn hawn: f'pajjiżna għandna ħafna mħuħ tajbin u b'saħħithom ħafna li għandhom ħafna x'joffru lil pajjiżna u jixtiequ joffru ħafna lil pajjiżna. Iltqajt ma' Professuri u dutturi tax-xjenzi li huma entużjasti ħafna dwar ix-xogħol li jwettqu u jemmnu li b'dak li jagħmlu jistgħu jagħmlu l-ġid u jtejbu l-ħajja li fiha ngħixu.
Hemm minnhom huma wkoll edukaturi imma prinċiparjament iħossuhom riċerkaturi. Oħrajn jaħdmu fis-settur privat u jieħdu ħsieb ifasslu pjani ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-intrapriża li tħaddimhom. Oħrajn huma terġa' riċerkaturi indipendenti, li qed iwettqu l-ħolma tagħhom li jaħdmu u jirriċerkaw mingħajr ma jkunu maqfulin ġo xi tip jew ieħor ta' konfini.
L-imħuħ li ltqajt magħhom huma mpressjonanti u ħafna minnhom tampari jew iżgħar minni, mimlija enerġija u jafu eżatt x'irid isir u fejn irridu naslu.
Smajt ħafna x'għandha xi tgħid l-id eżekuttiva u operattiva ta' dan il-Ministeru l-ġdid - l–Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) li fl-aħħar snin, frott il-ħidma eċċezzjonali ta' Dr Jeffrey Pullicino Orlando u t-tim tiegħu, ttrasforma ruħu f'ċentru tajjeb ħafna fuq (skont jien) erba' livelli: l-ewwel livell hu dak tat-tfassil ta' policies u strateġiji għas-settur, it-tieni hu dak tal-ħidma ma' entitajiet Ewropej u Internazzjonali, it-tielet fl-immaniġġjar ta' fondi fis-settur u r-raba' fejn jidħol it-tagħlim tax-xjenzi bis-saħħa tal-Esplora. Dan kollu qed isir tajjeb ħafna u l-MCST se jkollha l-backing kollu tiegħi biex inkomplu mexjin 'il quddiem sabiex nilħqu iktar u iktar tragwardi sbieħ. Kien verament pjaċir niltaqa' mad-Diretturi kollha, ħaddiema u naturalment it-tmexxija tal-MCST u sar ħafna xogħol tajjeb flimkien.
Iltqajt ukoll ma' esperti barranin li kellhom ukoll il-veduti tagħhom fuq pajjiżna fejn jidħol ir-riċerka u l-innovazzjoni, u kif ukoll ipparteċipajt f'laqgħa mal-Ministri tar-Riċerka tal-Unjoni Ewropea fejn tkellimna dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u dwar kif, flimkien, nistgħu nwettqu iktar. Hawnhekk tidħol diskussjoni interessanti ferm tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-EU u f'pajjiżna bħala membru fl-EU f'pożizzjoni strateġika ħafna bejn l-Ewropa u l-Afrika.
Dan kollu fi ftit jiem u kienet esperjenza sabiħa mmens. Tirrealizza mmedjatament ir-rwol kruċjali li l-istituzzjonijiet terzjarji fil-kamp edukattiv jaqdu fejn tidħol ir-riċerka u l-innovazzjoni u rrid nara iktar dwar ir-rwol li s-settur privat jaqdi fejn tidħol ir-riċerka u l-innovazzjoni. Beħsiebni niltaqa' iktar mas-settur privat biex nara aħjar kif nistgħu nagħmlu d-differenza f'dan is-settur sabiex il-prodotti u s-servizzi tagħhom ikunu iktar innovattivi u cutting edge. Tirrealizza wkoll li, minkejja dan il-ħafna xogħol tajjeb, pajjiżna għad fadal fejn ikompli jimxi 'l quddiem anke meta wieħed iqis li, kuntrarjament għal ħafna pajjiżi oħra Ewropej, ma għandniex Ċentru Nazzjonali tar-Riċerka bħalma jeżisti postijiet oħra.
Meta nitkellmu dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-aħħar tal-ġurnata qed nitkellmu dwar kif nagħmlu lil pajjiżna iktar kompetittiv, li jattira iktar investiment, li jiġġenera l-ġid u joħloq xogħlijiet u xogħlijiet ta' kwalità. Pajjiżna għandu verament għalfejn jagħmel isem għalih bħala ċentru ta' eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni fir-Reġjun tal-Mediterran u m'għandi ebda farka ta' dubju li se naslu.
-----
M'inix se nidħol fil-mertu ta' deċiżjonijiet individwali tal-Qrati tagħna, imma d-dibattitu li nħoloq wara libell li ntilef minn attriċi kontra mezz tax-xandir interessani ħafna.
Qabelxejn, rajtha stramba li xi mezzi tax-xandir bil-lingwa Ingliża ħadu pożizzjoni favur min għamel libell kontra mezz ieħor tax-xandir. Normalment il-mezzi tax-xandir dejjem jitkellmu favur il-liberta' tal-espressjoni, favur it-twessiegħ tad-dritt tal-ġurnalist li jikteb storja anke jekk forsi ma jkunx preċiż fit-totalità tal-artiklu u favur li l-mezzi tal-kommunikazzjoni jitħallew jimirħu fil-ħidma tagħhom u jekk xejn, dak milqut, jagħmel użu mid-dritt tal-libertà tal-espressjoni u jwieġeb. Li mezzi tax-xandir bħal donnhom iddejqu li mezz tax-xandir ieħor rebaħ kawża ta' libell rajtha inortodossa ħafna.
It-tieni nett iddarrast nara xi mezzi tax-xandir anke jġibu ritratti ta' wiċċ il-Maġistrat li tat is-sentenza eżatt ħdejn l-attriċi li tilfet il-libell. Naturalment kulħadd hu ħieles li jitkellem u janalizza sentenza u jaqbel jew ma jaqbilx imma li qisu nitfgħu fin-nofs il-Maġistrat li tat is-sentenza bir-ritratt b'kollox u nużaw ċerti aġġettivi fuq is-sentenza rajtha xi ħaġa li tistona. Jew nemmnu fis-saltna tad-dritt jew ma nemmnux fis-saltna tad-dritt.
It-tielet nett issorprendejt ruħi li xi mezzi tax-xandir kienu sorpriżi bir-riforma li wettqet il-liġi tal-Media u Defamazzjoni meta huma stess kienu mbuttawha ħafna 'l quddiem u dan biex il-liġijiet tagħna jiġu pari passu mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan, nerġa' ngħid, mingħajr ma nidħol fil-mertu tal-każ mhux għaliex il-mertu m'huwiex wieħed interessanti imma għaliex mhux l-iskop tiegħi li nitkellem favur pożizzjoni legali jew oħra, partikolarment jekk forsi xi parti tkun għadha tixtieq tagħmel użu mid-dritt tal-appell. Biss, jekk xejn, issa għandna konferma kemm Gvern Laburista kien progressiv u kuraġġuż meta daħħal emendi importanti ħafna biex iwessa' bil-fatti u mhux biss bit-tpaċpiċ id-dritt tal-libertà tal-espressjoni.
Ir-raba' nett nixtieq ngħaddi kumment b'intenzjoni ġenwina u tajba u bla ma nitfa' l-iċken dell fuq l-ħila kbira ħafna tal-attriċi in kwistjoni jew tad-dritt li hi dejjem kellha u għandha biex teżerċita' l-attiviżmu soċjali u politiku. Ħafna nies iddejqu, u jien wieħed minnhom, jaraw mezzi tax-xandir jieħdu pożizzjoni favur jew kontra issue skont jekk għandhomx il-persuna partikolari fil-lista tal-favoriti tagħhom jew le. Jien persważ li kieku flok dik l-attriċi, kien hemm attriċi oħra żgur ma kinux jinkitbu dawn l-artikli. Ma jistax ikun li l-mezzi tax-xandir jieħdu pożizzjonijiet skont il-persuna, ad hominem.
Id-double standards saru jdejquni ħafna.