Carmel Cacopardo | Konsultazzjonijiet Pubbliċi dwar l-Iskart
Il-mixja tagħna fit-triq lejn ekonomija ċirkulari għandha twassalna għal konsum li jkun wieħed iktar sostenibbli
Il-Ministru għall-Ambjent infurmana li, għada t-Tnejn, ser tkun ippubblikata għal konsultazzjoni pubblika Strateġija ġdida dwar l-Immaniġjar tal-Iskart. L-iStrateġija tal-lum waslet biex jagħalqilha żmienha għax hi intenzjonata li tkopri bejn l-2014 u l-2020.
Mhux tajjeb li din il-konsultazzjoni pubblika tħalliet għall-aħħar mument. Għal darba oħra tħalliet għal żmien ta’ festi meta ftit ikollhom moħħ dawn l-affarijiet u allura l-effettività tal-konsultazzjoni pubblika tkun inqas milli hu mixtieq.
Ikun għaqli kieku l-iStrateġija li ser tkun ippreżentata għal konsultazzjoni pubblika għada tkun akkumpanjata minn dawk l-istudji li saru biex jgħinu fit-tfassil tagħha. Meta l-proposti jintrifdu minn studji serji ikun ħafna iktar faċli biex ikunu aċċettati. Għax il-proposti jkunu mmotivati permezz ta’ studji li jeżaminaw u jgħarblu iċ-ċirkustanzi u l-fatti dwar l-iskart li noħolqu, u mhux permezz tad-diskorsi politiċi.
Wieħed minn dawn l-istudji, li beda jitħejja xi xhur ilu, hu intenzjonat li jeżamina l-iskart li narmu minn xiex inhu magħmul: studju msejjaħ waste characterisation study. Dan l-istudju jkun sar fir-reġjuni differenti tal-pajjiż. Għax hu magħruf li hemm varjazzjonijiet sinifikanti dwar l-iskart ġġenerat fir-reġjuni differenti, varjazzjonijiet li jirriflettu l-kwalità tal-ħajja li ngħixu. Xi drabi l-varjazzjoini hi waħda żgħira, drabi oħra hi kbira. Huwa neċessarju li dawn il-varjazzjonijiet ikunu magħrufa għax dawn għandhom effett importanti fuq kif ikun immaniġjat l-iskart.
Jeħtieg li nkunu nfurmati ukoll dwar ir-riżultati miksuba sal-lum bħala riżultat tal-miżuri biex ikun organizzat u immodernizzat l-immaniġjar tal-iskart. Nistenna, per eżempju li l-konsultazzjoni pubblika tkun mgħarrfa bir-riżultati sal-lum dwar x’miri ntlaħqu bil-ġbir tal-iskart organiku mid-djar tagħna.
Fil-fehma tiegħi, minn dak magħruf, l-esperjenza dwar l-iskart organiku hi waħda posittiva, meta tqis li bdejna mix-xejn. Xorta iżda hemm lok għal titjib. Dan ma japplikax biss għall-ġbir tal-iskart organiku imma anke għall-iskart riċiklabbli li dwaru iżda għadna lura ħafna. Uffiċjalment jingħad li nirriċiklaw madwar 12% tal-iskart li niġġeneraw. Imma, minn dak li jiena infurmat, iċ-ċifra reali hi iktar qrib it-8%!
Nhar il-Ħamis, imbagħad, ser ikun hemm ukoll il-konsultazzjoni pubblika virtwali dwar l-istudji dwar l-impatti ambjentali in konnessjoni mal-inċineratur propost għall-Magħtab, intenzjonat biex jiġġenera l-enerġija mill-iskart. Sfortunatament, uħud mir-rapporti, kif diġa kelli l-opportunità li nikteb, huma ikkontaminati b’kunflitt ta’ interess li jista’ eventwalment jinvalida l-proċess kollu ta’ dawn l-istudji.
Dan hu ta’ sfortuna għax l-immaniġjar tal-iskart jeħtieġ attenzjoni iffukata, mhux biss biex nilħqu l-miri stabiliti mill-Unjoni Ewropea, imma fuq kollox għax dan eventwalment għandu iwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.
Jeħtieġ li nnaqqsu l-ammont ta’ skart li niġġeneraw. Dan imma ma jiddependix biss minnha. Per eżempju huwa meħtieġ li s-supermarkets tagħna jkunu nkoraġġiti biex jagħmlu użu ikbar minn materjal biodegradabbli biex fih jippakkjaw l-ikel. Dan iwassal biex narmu inqas plastic u bħala riżultat, dan il-materjal tal-ippakkjar biodegradabbli ikun jista’ jintrema mal-iskart organiku. B’hekk ikompli jonqos id-daqs tal-borza is-sewda. Sal-lum, bħala riżultat tal-ġbir b’mod separat tal-iskart organiku, id-daqs tal-borza is-sewda suppost li ċkien bin-nofs. B’inizjattivi studjati dan jista’ jonqos ferm iktar. B’hekk jonqos dak li jispiċċa fil-miżbla u allura jonqos ukoll l-iskart li jkollu jinħarq.
Għax l-iskart għandna nagħmlu sforz biex innaqqsuh u allura jkun hemm inqas x’jinħaraq. Din għandha tkun il-politika li immexxu l-quddiem.
Il-mixja tagħna fit-triq lejn ekonomija ċirkulari għandha twassalna għal konsum li jkun wieħed iktar sostenibbli. L-għażliet li nagħmlu kull jum ser jakkumulaw fil-boroz tal-iskart li niġġeneraw li għandhom jonqsu fid-daqs u fil-kontenut.
Bla dubju għad baqa’ ħafna x’isir. Sinċerament nittama li jirnexxielna nwettqa bosta iktar. Dan iżda jista’ jseħħ biss, kemm-il darba nagħrfu nagħmlu użu tajjeb tal-ħeġġa u r-rieda tajba ta’ dawk kollha fosta li huma ambjentalment sensittivi. Huwa biss hekk li t-titjib moderat li diġa seħħ jista’ jkunu trasformat f’suċċess li għandna bżonnu u nistgħu naslu għalih.