Editorjal | ‘L-iswed, iswed. L-abjad, abjad!’
Dak li hu sew jibqa’ sew dejjem. Dak li hu ħażin jibqa’ ħażin dejjem – hemm min hemm fil-Gvern, hu min hu (jew hi) l-politiku!
Kemm se ndumu sejrin hekk? Kemm se ndumu naċċettaw li prinċipju jew argument jiġġebbed skont persuna ma’ liema partit iżżomm? Possibbli għadna ma mmaturajniex biżżejjed biex it-tajjeb ngħidulu tajjeb dejjem u l-ħażin ngħidulu ħażin dejjem? Għalfejn baqgħet daqshekk diffiċli din? U għalfejn bqajna tant tribalistiċi li donnu għax tgħid li l-ħażin huwa verament ħażin tiġi ttimbrat traditur, pinnur, ġakbin u kull aġġettiv negattiv taħt is-sema? U finalment meta se jasal iż-żmien li dan il-poplu jinduna u jintebaħ li huwa l-politiku li hu fis-servizz tal-poplu u mhux il-kontra?
Qed nirreferu għal bosta istanzi, anzi għal kważi l-istanzi kollha fl-aħħar 10 snin u aktar, ta’ meta politiku nqabad li jkun ġab ruħu b’mod inkorett, mhux etiku jew saħansitra malizzjuż.
Fl-aħħar ġimgħa kellna diskussjoni dwar il-ħlas tat-taxxa. Kienet din il-gazzetta li żvelat illi Bernard Grech kien waqa’ lura b’€62,000 f’taxxa u VAT li ma ħallasx u dakinhar bosta iddubitaw l-istorja jew ippruvaw inaqqsu mill-importanza tagħha. Mill-importanza li min ikun fil-poter ikun dejjem qeda dmiru lejn l-istat kif wara kollox kull ċittadin onest jagħmel. L-istess nies imbagħad tkażaw meta saret allegazzjoni, sa issa mhux miċħuda bil-provi, li s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ma ddikjaratx €46,000 f’senserija ta’ dar fl-Imdina.
U naqilbuha fuq rasha!
Bosta qed jgħidu ‘u iva mhux xorta!’ ‘b’daqshekk’, ‘ħajja privata’. B’daqshekk? Mhux xorta? B’daqshekk allegazzjoni li persuna, fil-poter, ma qdietx dmirha lejn l-istat kif huwa obbligat jagħmel Ċikku l-poplu? Kemm il-€46,000 – int għażiż ħaddiem u pensjonant - taqla’? Probabbilment trid taħdem sentejn jekk mhux aktar biex tieħu dawk il-flus u trid tħallas sal-aħħar sold taxxa, u jkun hawn min jgħid ‘b’daqshekk!’? Humiex l-istess persuni li ħadu skandlu bl-istorja tal-ILLUM u taxxa li ma ħallasx Bernard Grech!?
Huma t-tnejn għamlu ħażin jekk ma ħallsux it-taxxa jew ma ddikjrawx dħul. Huma t-tnejn naqqsu minn dmirijiethom jekk ma ddikjarawx dak li daħħlu. Huma t-tnejn ħaqqhom kundanna u kritika. Mela se niqbgħu naraw jekk hux mal-partit ‘tiegħi’ jew ‘tagħhom’ qabel ma l-iswed ngħidulu iswed u l-abjad u ngħidulu l-abjad?
Ir-riga hija l-istess għal kulħadd u l-ġustizzja għandha ssir ma’ kulħadd l-istess, kemm fuq li jiġri issa u anke fuq dak li ġara fil-passat
Sar ħafna diskors fieragħ matul is-snin minn diversi mexxejja politiċi dwar bidu ġdid u rebbiegħa ġdida u stil ta’ politika ġdid u ‘mhux lil min taf imma x’taf’ u ‘neqirdu l-korruzzjoni bl-għeruq u x-xniexel’ – u fejn konna bqajna fir-realtá. B’politiċi li jaħsbu li l-pajjiż huwa xi fewdu tagħhom għal 10 jew 15-il sena illi matulhom jista’ jsir negozju bl-art u l-proprjetá tal-poplu, matulhom jitħanżru qishom qatt ma kielu, iqasmu ċ-ċejċa qisu għada ma jeżistix u jinvolvu rwieħhom fi skandli, wħud żgħar u oħrajn gravi.
U għalfejn jagħmluhom dawn l-affarijiet? Jagħmluhom għax jistgħu. Għax aħna nippermettu li dan isir – hekk konna nagħmlu taħt in-Nazzjonalisti u hekk bqajna nagħmlu llum.
Lill-politiċi għollejnihom wisq fuq pedestall. Wasal iż-żmien li vera nżommuhom kontabbli. Kemm ta’ issa, imma anke ta’ qabel u mingħajr distinzjoni.
Jekk Jason Azzopardi aċċetta rigal mingħand ta’ Tumas u qagħad fil-Hilton ta’ Tel Aviv b’xejn għamel żball u huwa sewwa u xieraq li qala’ l-kritika. Pero’ l-istess kull min aċċetta rigali, jew xi logħoba futbol jew qagħad jiġri bil-private jets ta’ Yorgen Fenech!
Ir-riga hija l-istess għal kulħadd u l-ġustizzja għandha ssir ma’ kulħadd l-istess, kemm fuq li jiġri issa u anke fuq dak li ġara fil-passat.
Fejn hi l-ġustizzja fil-qtil ma’ Karin Grech? Fejn? Min qatilha? Fejn hi l-ġustizzja ma’ Lino Cauchi? Fejn? Fejn hi l-ġustizzja għal Raymond Caruana? Fejn?
Mhux talli ma saritx ġustizzja talli għandna sal-lum nużaw jew niġġustifikaw jew innaqqsu jew inżidu mill-importanza ta’ wieħed minn dawn l-assassinji – u magħhom naturalment ta’ Daphne Caruana Galizia – skont dawk l-interessi pwerili u partiġġjani tal-individwu.
Lanqas fuq l-aktar ħaġa kerha u kundannabbli ma konna kapaċi ningħaqdu f’vuċi waħda u nikkundannaw fejn jixraq li nikkundannaw.
Għalhekk ġenerazzjoni wara oħra ta’ politiċi tibqa’ taħseb li għandha liċenzja li tagħmel li trid, kif trid u meta trid. Għax nibqgħu bil-mentalitá ta ‘tiegħi aħjar minn tiegħek u tiegħek agħar minn tiegħi’ minflok ngħidu dan ħażin u dan tajjeb. L-iswed, iswed. L-abjad, abjad.
Anke fuq il-wasla tal-vaċċin – mument hekk sabiħ u pożittiv – ukoll kien hemm min qala’ l-passat biex jgħid li huwa grazzi għall-partit tiegħu li se jkollna l-vaċċin u mhux għall-partit l-ieħor. Lanqas ix-xjentisti ta! Il-partit!
Dak li hu sew jibqa’ sew dejjem. Dak li hu ħażin jibqa’ ħażin dejjem – hemm min hemm fil-Gvern, hu min hu (jew hi) l-politiku!