Owen Bonnici | It-triq lejn in-normalità

Flimkien se nfasslu, se nibnu u se nvaraw strateġija b’saħħitha għal wara l-Covid-19 li se tkun mibnija fuq l-ambizzjonijiet li għandu dan il-pajjiż għal ġejjieni u futur mill-isbaħ għal kulħadd

Is-sena 2020 kienet sena differenti mill-bqija tas-snin l-oħra, sena li jgħaddu kemm jgħaddu snin se nibqgħu niftakruha. Kienet is-sena ta’ bosta tibdil, anke fl-iktar affarijiet żgħar li qabel konna neħduhom bħala normali. Kienet ukoll is-sena li wasslitna biex noħorġu l-aqwa tagħna. Bħala poplu Malti u Għawdxi urejna u se nkomplu nuru reżiljenza kbira għall-isfidi li tpoġġew quddiemna.

L-isfidi, anke dawk l-iktar kbar, għelibniehom flimkien u adattajna għal sistemi ġodda biex ħajjitna tkompli miexja ‘l quddiem. Sistemi li qabel qatt ma kienu kkunsidrati u li llum saru parti mill-ħajja ta’ kuljum. Uħud mill-isfidi għenuna napprezzaw iktar l-aspetti bażiċi, sempliċi u fl-istess ħin ta’ valur kbir fil-ħajja tal-bniedem. Aspetti li forsi, ħafna persuni, qabel, kienu jarawhom bħala ovvji u jeħduhom for granted.

Fhimna iktar kemm hu sabiħ li nkunu flimkien mal-għeżież u l-ħbieb tagħna u li nikkreaw memorji li jibqgħu magħna tul ħajjitna. Kollha flimkien konna kapaċi nuru kemm dan hu poplu li jemmen fit-tagħlim. Poplu li quddiem sfidi li pajjiżi ferm ikbar minna għotru taħthom, ħadem, stinka u ppjana sabiex il-bieb tat-tagħlim infetaħ mill-ġdid u nżamm miftuħ b’mod sostenibbli u sigur għal uliedna u ulied uliedna. 

Is-sena 2020 serviet ukoll biex aħna lkoll flimkien inħarsu b’pożittività lejn is-sena li ġejja, is-sena l-ġdida, is-sena 2021, li matulha se jissarraf il-frott tal-ħidma kbira ħafna li wettaqna bħala poplu wieħed.

Is-sena 2021 ser tkun sena ġdida li se tagħtina opportunitajiet ikbar għal ħidma favur il-ħolqien ta’ ekoloġija robusta ta’ riċerka u innovazzjoni u għalhekk favur impiegi aħjar, kwalità t’għixien aħjar u negozji iktar b’saħħithom. L-għaqal tal-esperjenza, flimkien mal-ħeġġa taż-żgħożija se jkunu l-katalisti ewlenija biex pajjiżna fis-sena d-dieħla joħroġ b’enerġija mill-perjodu Covid-19 u jidħol b’impenn iktar minn qatt qabel f’perjodu importanti ta’ rinnovazzjoni u rilanċ.  

Flimkien se nfasslu, se nibnu u se nvaraw strateġija b’saħħitha għal wara l-Covid-19 li se tkun mibnija fuq l-ambizzjonijiet li għandu dan il-pajjiż għal ġejjieni u futur mill-isbaħ għal kulħadd. Dan hu pajjiż mill-isbaħ, b’poplu ħanin u ħabrieki. Poplu li meta jingħaqad ponn wieħed jirbaħ kull sfida li tiġi quddiemu. Qed inħallu sena antika mimlija sfidi li rnexxielna negħlbu u se nidħlu f’sena ġdida mimlija opportunitajiet li ħloqna u se noħolqu flimkien.

+ + +

Matul din il-ġimgħa madwar 2,000 ‘frontliner’ fil-ġlieda kontra l-pandemija ingħataw it-tilqima tal-Pfizer li waslet Malta nhar is-Sibt. Il-jum tal-Ħadd ra 55 impjegat fil-qasam tas-saħħa jirċievu t-tilqima bl-ewwel waħda tkun Rachel Grech, infermiera fl-Infectious Disease Unit (IDU) fl-Isptar Mater Dei.

Dawk li jieħdu t-tilqima tal-Pfizer iridu jistennew 21 jum ieħor biex jieħdu l-’booster’ hekk kif l-ewwel waħda għandha effettività ta’ 52% biss li titla’ għal madwar 95% meta tingħata t-tieni doża.

L-istaff mediku li rċieva t-tilqima din il-ġimgħa jinkludi lil dawk li jaħdmu fl-IDU, fit-Taqsima tal-Emerġenza u l-Aċċidenti u fi swali oħra fejn hemm rikoverati pazjenti bil-Covid-19. Minbarra l-istaff ta’ Mater Dei din il-ġimgħa ħadu t-tilqima wkoll dawk li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa, fl-’swab centres’ u fl-isptarijiet Monte Carmeli, Sir Anthony Mamo, Sir Paul Boffa u dak t’Għawdex.

F’din l-ewwel ġimgħa ta’ Jannar l-attenzjoni ser iddur fuq l-istaff li jaħdem fir-Residenza San Vinċenz de Paule u dawk fl-isptarijiet u l-kliniċi privati nkluż l-ispiżjara waqt li t-tieni ġimgħa tax-xahar tara l-vaċċin jingħata lill-istaff u lir-residenti fid-djar tal-anzjani.

Mis-7 ta’ Jannar ser jibdew jintbagħtu l-ittri fid-djar ta’ dawk li għandhom 85 sena jew aktar fejn minbarra d-data, il-ħin u l-post fejn jistgħu jieħduh l-anzjani se jirċievu wkoll ittra mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika li tispjegalhom il-vaċċin u s-’side effects’ li jista’ jkollu. L-ittra se jkun fiha wkoll numru tal-helpline, 145, fejn il-persuna tista’ iċċempel jekk ikollha xi mistoqsija u anke biex tinforma lill-awtoritajiet jekk ma tkunx tista’ tattendi fid-data msemmija ħalli dakinhar il-vaċċin jingħata lil ħaddieħor.

Il-bqija tal-popolazzjoni, eskluż nisa tqal u dawk taħt is-16-il sena, se jkunu offruti li jieħdu t-tilqima fiċ-ċentri tas-saħħa fil-ġimgħat u x-xhur ta’ wara b’dawk li ma jistgħux joħorġu mid-dar se tingħatalhom fi djarhom stess. 10,000 tilqima oħra waslet ukoll. Sadanittant għandha tasal kunsinja oħra 10,000 doża oħra tal-vaċċin manifatturat mill-Pfizer. B’kollox din il-kumpanija għandha tibgħat lil Malta 500,000 doża.

Il-vaċċin tal-Pfizer, li l-istudju fuqu sar b’kollaborazzjoni mal-laboratorju Ġermaniż BioNTech, kien l-ewwel wieħed approvat mill-UE b’kumpaniji oħra għad iridu jingħataw permess mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini qabel ikun jista’ jitqassam fost l-istati membri.  Jekk hemm ezempju car ta' kemm hi importanti r-ricerka hu proprju dan ghaliex il-vaccin, wara kollox, hu frott tar-ricerka u r-ricerkaturi.

B’kollox Malta mistennija tirċievi madwar 1.6 miljun vaċċin fejn minbarra tal-Pfizer il-Kummissjoni Ewropea laħqet ukoll ftehim ukoll ma’ kumpaniji oħra fosthom il-Moderna, l-Astra Zeneca u l-Johnson & Johnson.

+++ 

Nieħu l-opportunità li nawgura lill-Editur u l-ħaddiema kollha ta' dan il-ġurnal u l-qarrejja numerużi s-sena l-ġdida mimlija riżq, saħħa u kuntentizza.

More in Politika