Editorjal | Il-Furjana ... u mhux biss

It-tħaddir tal-pajjiż mhux xi kappriċċ. Huwa l-akbar investiment fil-poplu, fil-kwalità tal-ħajja tiegħu u fis-saħħa fiżika u mentali tiegħu u ta' uliedu

Fl-aħħar jiem saret proposta li  - tipikament għal Malta  - spiċċat f'polemika politika (hemm xi ħaġa li ma tispiċċax polemika politika hawn Malta?) biex Triq Sant'Anna ssir ġnien u l-eluf ta' karozzi li jgħaddu minn fuqha ta' kuljum jgħaddu permezz ta' mina minn taħt.  Din il-proposta, jekk fattibbli, mhux biss għandha ssir imma għandha tkun il-bidu ta' proġetti simili li jagħmlu differenza lil bliet tagħna.  

Dan l-aħħar sar ħafna diskors dwar siġar li jinqatgħu biex jagħmlu spazju għal xi proġett.  Il-kontro-argument ġeneralment ikun li minkejja li nqalgħu għaxar siġar f'Ħal Qormi, inżergħu 20 l-Aħrax tal-Mellieħa, per eżempju.  Minkejja li t-tħawwil tas-siġar huwa proċess li wieħed ta' min jinkoraġġieh dejjem aktar u kullimkien, dan l-kontro argument huwa wisq simplistiku għax il-valur tas-siġar f'Ħal Qormi jew il-Ħamrun jew il-Fgura - bliet viċin żoni industrijali, mibnijin u traffikużi  - huwa differenti mill-valur tas-siġar fl-Aħrax tal-Mellieħa jew il-Buskett.  L-Aħrax u l-Miżieb u l-Buskett u postijiet simili, huma kollha żoni mill-isbaħ li għandna nipproteġu, nieħdu ħsieb u nkabbru.  Pero' ma nistgħux ninsew il-kunċett importanti ta' tħaddir urban permezz ta' ġonna u msaġar fiċ-ċentri jew il-viċinanzi tal-bliet, mhux lilhinn minnhom. 

Dan il-kunċett tħaddem b'suċċess fit-tkabbir ta' Kennedy Grove f'San Pawl il-Baħar.  L-eluf ta' residenti ta' dan il-lokal - apparti l-mixjiet fil-kampanja tal-viċinanzi illum għandhom aċċess għal post li sar bħal oażi żgħir, msaġġar, sabiħ u ħafna akbar milli kien snin ilu, fejn familja tista' tmur timxi, tieħu lit-tfal jilgħabu, fejn persuna tista' tmur taqra ktieb jew tirrilassa - viċin, imma fl-istess ħin 'il bogħod mill-ġenn urban ta' Buġibba u l-Qawra.  Mhux qed nivvintaw ir-rota hawnhekk, bliet kbar fl-Ewropa kważi kollha għandhom dawn il-pulmuni ta' siġar, uħud minnhom (bħal f'Londra per eżempju) enormi.  L-għan mhuwiex biss l-estetiku, imma wkoll psikoloġiku. Biex in-nies ikollhom postijiet fejn ikunu jistgħu jaħarbu mill-ġenn urban li saret il-ħajja tal-lum. 

Il-Furjana, belt antika u ta' preġji storiċi kbar, diġa' hija mogħnija b'diversi ġonna sbieħ, fosthom l-Argotti.  Imma għadha nieqsa minn dik il-karatteristika li tagħmilha unika f'Malta u lilhinn minnha. Dan il-proġett mhux biss, jekk isir, jagħmel ġieħ lill-Furjana imma aktar minn hekk ikun sinjal ċar li sa fl-aħħar verament qed nagħmlu l-passi 'l quddiem biex nassiguraw illi l-poplu kollu jkollu livell għoli ta' għixien u kwalità għolja tal-ħajja.  Dawn ma jiġux biss mill-flus, imma jiġu wkoll billi jkun assigurat il-ben esseri tas-saħħa mentali - li xi kultant niħduha wisq for granted. 

Is-saħħa mentali hija kruċjali daqs is-saħħa fiżika u huwa fatt xjentifiku u ovvju li s-siġar, parks u postijiet fejn wieħed jista' jirrilassa għall-kwiet huma importanti ħafna biex iserraħ il-menti u taħrab ftit mis-soċjetà dejjem aktar mgħaġġla u stressjata illi qed insiru llum. 

Araw x'pass enormi 'l quddiem għall-kwalità tal-ħajja, mhux biss tal-Furjaniżi, imma tal-Maltin kollha jkun dan il-proġett li jbiddel l-aktar triq mniġġsa f'Malta f'żona ta' ġonna!  Dan huwa l-investiment ta' kwalità li rridu nħarsu lejh għall-futur.  Dawn huma l-ideat li rridu nisimgħu aktar u aktar. Dawn huma l-proġetti li verament juru rispett sħiħ lejn ir-residenti, il-lokalità u l-pajjiż. 

Naturalment wieħed jieħu pjaċir jara inizzjattivi, inqas spettakolari imma xorta pożittivi jsiru - bħal per eżempju l-iskema mħabbra lbieraħ biex tħaddar darek, l-inizjattiva tal-Green Bonds kif ukoll tħawwil ta' siġar li sar madwar il-pajjiż.  

Imma għad fadal ħafna xi jsir.  Nemmnu li llum hemm kuxjenza qawwija biex dan isir u nemmnu wkoll li hemm ir-rieda biex dan isir.  Għandna ħafna żoni fl-ibliet u l-irħula tagħna li llum faċilment jistgħu jsiru ġonna, artijiet li jistgħu jsiru msaġar u ġonna diġa' eżistenti li hemm bżonn jiġu rranġati (mhux siment-ati!) biex jitgawdew minn aktar nies. 

It-tħaddir tal-pajjiż mhux xi kappriċċ. Huwa l-akbar investiment fil-poplu, fil-kwalità tal-ħajja tiegħu u fis-saħħa fiżika u mentali tiegħu u ta' uliedu, speċjalment ta' dawk fis-saffi ta' isfel li ma jistgħux isiefru biex jieqfu ftit mir-rutina u l-uniku soljev tagħhom jistgħu isibuh biss f'Malta.  Għalhekk it-tħaddir tal-pajjiż u l-protezzjoni tal-kampanja - apparti li huwa dover, huwa wkoll att ta' ġustizzja soċjali mal-aktar nies vulnerabbli u maż-żgħir.

More in Politika