Editorjal | Il-Kirjiet: Xafra taqta' miż-żewġ naħat u bżonn urġenti ta' soluzzjoni

Din il-kwistjni hija xafra li taqta' miż-żewġ naħat u li mhix se tissolva bil-paroli sabiħ.  Se tissolva billi jinstabu soluzzjonijiet li jirrispettaw il-liġi u d-deċiżjoni tal-Qorti, imma fl-istess ħin jnaqqsu mit-tbatijiet reali u xi kultant kbar ħafna li għaddejjin, jew jafu se jgħaddu minnhom mijiet ta' persuni vulnerabbli

Il-kwistjoni tal-kirjiet, fit-totalità tagħha dejjem kienet xafra taqta' miż-żewġ naħat, għax tikkonċerna d-dritt li persuna tgawdi u tagħmel dak li tixtieq - fil-parametri tal-liġi - bil-proprjetà tagħha.  U minn naħa l-oħra d-dritt ta' persuna li jkollha saqaf fuq rasha u li d-deċiżjonijiet dwar il-proprjetà li qed tikri - fil-każ ta' min jikri - jittieħdu b'konsultazzjoni magħha.  

Ngħodduha bħala waħda li missirijietna u ommijietna u l-ġenerazzjonijiet tal-passat - ħafna minnhom - trabbew fil-mentalità, mgħejjuna mhux ftit minn Gvernijiet differenti, li wieħed għandu jsir sid ta' daru.  Matul is-snin Gvernijiet differenti ħabbru skemi differenti sabiex eluf kbar ta' familji u individwi saru sidien ta' darhom. 

Tqassmet art - ġieli biċ-ċiċri - ingħataw skemi, tnaqqset jekk mhux tneħħiet it-taxxa tal-boll, inċentivi biex tixtri l-post tal-Gvern li kont qed tikri u tant aktar sabiex illum persentaġġ maġġoritarju tal-poplu huwa sid ta' daru.  

Ħallieha li dan ifisser li eluf ta' nies fil-fatt huma midjunin mal-bank, għax bil-prezzijiet tal-lum trid tkun tiġi minn xi duka, kellek xi wirt imdaqqas jew xi traffikant kbir tad-droga biex tixtri proprjetà bi flus kontanti.  Imma tal-inqas dan il-fatt waħdu fisser illi ma kellniex problemi soċjali kbar hekk kif il-valur tal-kirjiet sploda fl-aħħar snin, prinċiplament bħala side-effect qawwi ta' ekonomija li kienet qed tikber u l-eluf kbar ta' ħaddiema barranin li dan it-tkabbir kien jeħtieġ.  

F'din il-gazzetta illum qed nagħtu ħarsa lejn l-ilmenti tas-sidien ta' kirjiet ta' qabel l-1995, kirjiet li għalihom mijiet ta' nies qed jispiċċaw jitħallsu xi minn daqqiet inqas minn 1% ta' kemm dik il-proprjetà tinkera fis-suq illum. 

Li jkollok proprjetà li tista' tinkera €400 jew €500 fix-xahar, teżisti domanda biex din tinkera u minflok qed tinkera biss għal €200 fis-sena (fis-sena, mhux fix-xahar!) mhix ċajta. Legalment dan ifisser - u dan qed tikkonfermah il-Qorti -  li s-sid mhuwiex qed igawdi mill-frott li dik il-proprjetà tiegħu toffri u li ħafna drabi jkun xtara b'sagrifiċċji kbar, hu jew xi ħadd mill-familja tiegħu. 

Sussegwentement qed naraw lill-Qorti trebbaħ każ wara l-ieħor lis-sidien - li qed imorru fuq l-inkwilini u jitolbuhom iħallsu kirjiet b'valur tas-suq jew inkella jaħsbu biex ifittxu post ieħor.  Agħar minn hekk, din il-gazzetta tkellmet ukoll ma' persuni li ma jistgħux jikru l-proprjetà tagħhom bil-prezz tas-suq għax baqgħet tintiret għand nies li mhumiex anzjani jew persuni vulnerabbli - imma persuni bi dħul tajjeb jekk mhux xi kuntrattur b'xi blokka flats ukoll!  Dan, naturalment, huwa ksur sfaċċat tal-liġi u tad-drittijet tal-bniedem u huwa aktar minn ovvju li hija kwistjoni ta' "meta" l-Qorti se tiddeċiedi favur dawn is-sidien, milli "jekk".  

Iżda n-naħa l-oħra tal-munita mhix sabiħa lanqas.  Il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM tkellmet ma' inkwilini, li qalulna illi ma jafux fejn se jagħtu rashom u li se jispiċċaw fit-triq - fosthom nies anzjani li qed jgħixu bil-pensjoni, familji bil-paga minima u persuni b'diżabilità li xi minn daqqiet ikunu restritti fuq kemm jistgħu jaħdmu u allura jaqilgħu flus.   

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech iddeskriva s-sitwazzjoni, nemmnu, b'mod preċiż meta qal li din hija "bomba" li se tisplodi dalwaqt.  Aħna mmorru pass oltrè u ngħidu li diġa' bdiet tisplodi ftit, ftit.  

Il-kwistjoni allura hija x'soluzzjoni se tinstab għall-inkwilini li se jispiċċaw barra, ta' fuqhom senduqhom.  Hawnhekk ma hemm ebda triq ħlief li jidħol il-Gvern.  

Din il-ġimgħa rajna li proġetti ta' housing soċjali f'Bormla u l-Qrendi mexjin b'pass tajjeb.  Il-Gvern jeħtieġ ikompli b'aktar xogħol f'dan il-qasam biex persuni li qed jgħixu f'dawn il-kirjiet ikunu fost dawk li jingħataw priorità, ladarba uħud minnhom jispiċċaw fit-triq jekk is-sid jirbaħ il-kawża fil-Qorti u jkeċċiehom.  Jeħtieġ allura li l-pass li qabdu dawn il-proġetti jitħaffef aktar u jestendi għal proġetti oħrajn - biex ilaħħaq mad-domanda ġenwina (u mhux żgħira) li teżisti.  Ma jistax ikollna nies fit-triq, bla saqaf fuq rashom u ma jistax ikollna politika f'dan il-proċess!  L-ewwel li jmorru l-appartamenti soċjali huma għal dawk li l-aktar li għandhom bżonn.   

Sakemm dawn l-appartamenti jkunu lesti, hemm bżonn li fejn verament meħtieġ il-Gvern jidħol għal dawk li jaf jitilfu s-saqaf ta' fuq rashom, b'diversi modi - jew permezz ta' arranġament mas-sid għal ħlas ta' parti mill-kera jew inkella billi joffri akkomodazzjoni temporanja sakemm dawn l-inkwilini jieħdu posthom f'akkomodazzjoni soċjali.  Fejn hemm l-abbuż għandu jinqata'.  Jekk xi ħadd qed jokkupa proprjetà tal-Gvern u qed jaqla' l-belli liri (jiġifieri ma jikkwalifikax għal akkomodazzjoni soċjali), forsi għax hu sar negozjant u qed jgħix f'appartament tal-Gvern li wiret mingħand nanntu li kellha inqas mill-paga minima, dan m'għandux jitħalla.  Minflok din il-proprjetà għandha tingħata lil min veru għandu bżonn, lil min ma jafx jekk għada hux se jqum u jispiċċa rieqed ġo tinda (bħal ma hemm f'bieb il-Belt).   

Din il-kwistjni hija xafra li taqta' miż-żewġ naħat u li mhix se tissolva bil-paroli sabiħ.  Se tissolva billi jinstabu soluzzjonijiet li jirrispettaw il-liġi u d-deċiżjoni tal-Qorti, imma fl-istess ħin jnaqqsu mit-tbatijiet reali u xi kultant kbar ħafna li għaddejjin, jew jafu se jgħaddu minnhom mijiet ta' persuni vulnerabbli.  

Din il-kwistjoni għandha tkun litmus test ieħor tar-ruħ soċjali tal-pajjiż u tal-klassi politika tagħna.  

More in Politika