Saviour Balzan | Il-froġa ta’ Doreen Parnis
'Niftakar li kont għidtlu lil Joseph Muscat u kien baqa' sieket. Sieket għax aktarx kien jaf li ma setax jagħmel oltrè, għax x'aktarx kien wiegħed lil Bundy li jagħtih din il-pożizzjoni ... '
Din il-ġimgħa kien hemm deċiżjoni ta' ċertu Doreen Parnis, il-mara ta’ Michael Parnis eks-uffiċċjal tal-General Workers’ Union. Din mingħajr ma qrat id-dokumenti quddiemha ddeċidiet favur John Bundy li nafuh aktar bħala l-ikbar pinnur u bħala persuna sinonima mal-frażi ‘pajjiż tal-mickey mouse.’
Parnis jew ma tafx taqra jew ma qratx, tant li qalet li l-bord tal-PBS keċċa lil Bundy qabel ma ħareġ ir-rapport tal-awdituri. Imma din fejn qed tgħix? Il-bord l-ewwelnett ma keċċiex lil Bundy li kien appuntat personalment minn Joseph Muscat, iżda ħa vot ta’ sfiduċja bbażat fuq rapport tal-awditur u kif ukoll fuq rapport mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Nispera li l-PBS jappellaw din id-deċiżjoni u nispera li meta jiġu biex jappuntaw lil Doris Parnis jaħsbuha darbtejn Saviour Balzan
Bundy bażikament ġie jaqa' u jqum mill-proċedura u ta’ kuntratt lill-kumpanija privata mqabbda biex tipprovdi karrozzi lill-PBS għal numru ta’ snin. Dan apparti li Bundy injora kompletament il-bord u baqa' jgerfex waħdu.
Issa jien f'dan l-argument qed ninjora kompletament il-fatt li Bundy ma kienx denju li jkun Kap Eżekuttiv tal-PBS. Biex jippreżenta xi programm fuq ir-radju tan-nelħ, bħal ma tgħid ommi, hekk orrajt... imma biex imexxi stazzjon li huwa x-xandir pubbliku, le. Dak kien żball ieħor madornali.
Niftakar li kont għidtlu lil Joseph Muscat u kien baqa' sieket. Sieket għax aktarx kien jaf li ma setax jagħmel oltrè, għax x'aktarx kien wiegħed lil Bundy li jagħtih din il-pożizzjoni meta qabel l-2013 kien abbanduna lill-Partit Nazzjonalista u mar mal-Labour.
Intant lura għal Parnis! Din qalet li l-PBS iridu jħallsu lill-Bundy somma fenomenali, somma li titla għal madwar €226,000. Nispera li l-PBS jappellaw din id-deċiżjoni u nispera li meta jiġu biex jappuntaw lil Doris Parnis jaħsbuha darbtejn ... sakemm ma tikkonfermax li taf taqra sew u taf tiehu d-deċiżjonijiet fuq il-verità u mhux fuq il-preġuddizzji ta’ moħħha.