Saviour Balzan | La tmisshomx!

'Bħal ma argumentajt drabi oħra, s-sagriffiċji qed jagħmilhom kulħadd, anzi l-għalliema għandhom il-paga tagħhom assigurata. Ħaddiehor le'

Marco Bonnici
Marco Bonnici

Hemm kategoriji fis-soċjeta’ tagħna li huma speċjali fis-sens li jekk tmisshom, mur ħoll xagħrek u ġib iż-żejt.  

Bla dubju l-imħallfin u l-maġistrati huma fost dawk li jaqgħu f’din il-kategorija u fost l-iktar fuq nett, nett hemm l-għalliema.

Ġimagħtejn ilu ktibt artiklu fuq kif l-għalliema u l-istudenti kienu mill-kategorija tal-imnebbħin u kif kien mistenni qabeż Marco Bonnici u spara fuq dak kollu li għedt.  Inkluz (u gideb sfaċċatament) li mhux veru li kont għamilt house union indipendenti mill-MUT snin ilu.  
Imma mhux din il-ħaġa importanti.  Li hu importanti huwa l-fatt li Bonnici evita li jirrispondi fuq l-ħwejjeġ li semmejt.  

Minflok qagħad ippontifika fuq id-dritt "sagrosant" tal-għalliema u s-sagriffiċcji kbar li jagħmlu, bħallikieku l-għalliema - bil-vakanzi twal esaġerati u snin twal jiġġieldu kontra r-riformi kbar li huma tant meħtieġa fl-edukazzjoni lokali - huma l-iktar ħaddiema kkalpestati mis-soċjetà kollha.

L-argument tiegħi ma kienx fuq hekk.  

Kien fuq il-fatt li l-MUT, minflok ma tħeġġeġ l-għalliema biex jaffrontaw dan iż-żmien minn lenti differenti u jagħmlu kollox biex jaraw li t-tfal tagħna jieħdu l-aħjar edukazzjoni, moħħom biex jaraw li l-għalliema jkunu aċċertati li jieħdu l-vakanzi tal-karnival .... meta karnival ma hemmx!  Dan apparti l-ħafna argumenti fuq li l-għalliema fis-sekondarja importanti li ma jidhrux waqt lezzjonijiet diġitali u ħafna affarijiet oħra li jekk iniżżilhom jeħduli paġna sħiħa.

Bonnici ħa għalih għax għidt li l-membri tal-kunsill tal-MUT ma għandhomx tfal u mhux sorpriż li ma jifhmux minn liema tbatija għaddejjin it-tfal.  Ma għandix għalfejn nistħi nirrepeti dan l-argument.  Qisni qed ngħid xi ħmerija kbira meta ngħid li l-qassisin huma l-aħħar nies li għandhom jagħmluha ta’ marriage counsellors meta huma ‘suppost’ ma għandhomx esperjenza ta’ żwieġ u wisq aktar ta’ sess!

Forsi l-isbaħ argument li smajt kien mingħand missier li huwa ħaddiem ta’ l-id.  

“Jien kelli nieħu il-leave għax għada t-tfal ma għandhomx skola għax hemm vakanza tal-karnival.  Il-mara taħdem allura ser ikolli nidħol jien.  Kos din għaliex tawhom vakanza meta ma hemmx karnival?  Tant tilfu skola, vakanza oħra kien jonqoshom. Homeworks ma jagħmlu xejn, tilfu ħafna lezzjonijiet u qegħdin lura bħal granċ. Ma nafx kif ma jistħux.”

U b’dak il-kumment, ħallieni b’togħma morra.

Bħal ma argumentajt drabi oħra, s-sagriffiċji qed jagħmilhom kulħadd, anzi l-għalliema għandhom il-paga tagħhom assigurata. Ħaddiehor le.  Xejn ma jonqoshom.

Ħlief xi vakanza oħra, msieken!
 

More in Politika